Illum previous editions

ILLUM 1 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1161920

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 Imma l-annimali għandhom biżżejjed spazju? L-ispazju huwa dak li hu. Staqsejna lil Borg jekk l-annimali għandhomx biżżejjed fejn iduru għax ngħiduha kif inhi, anke sempliċiment ħuta f 'akkwarju suppost ikollha l-ispazju tagħha. Borg insista li huma jsegwu r-regolamenti għax kull tip ta' annimal għandu bżonn l-ispazju tiegħu. Saħaq li huwa marbut bil-liġi li qabel iġib annimal ikollu l-ispazju adegwat għalih. Tlabna lil Borg jagħtina assigurazzjoni li kull annimal għandu biżżejjed spazju. "Kieku ma għandniex l-annimali qegħdin skont il-liġi, kieku ma għandniex il-liċenzja," weġibna Borg. Iżda fil-bidu tal-intervista hu stess qal li beda b'tigra waħda u llum spiċċa b'għoxrin. L-ispazju għadu adegwat? "Bilfors kellna nkabbru. Ma nistgħux inżommu 20 tigra f 'post fejn suppost iżżomm sitta," kompla jinsisti. Kien hawn li saħaq li apparti l-ispazju, wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni r-riżorsi waqt li fakkar li biex trabbi tigra trid tonfoq ħafna flus kuljum. "Dan huwa impenn għal għomrok...din qisha għandek tarbija li dejjem trid minnek." Allura jaqbel ma' min iżommn puma fuq il-bejt? U maċ-ċirkli tal-annimali? Jekk qed jagħti daqstant importanza lill-ispazju, allura jaqbel ma' min iġiblek xi puma u jżommha fuq il-bejt? "Nagħżel li ma nikkummentax. L-ewwel tigra li ġibt jien fuq il-bejt tal-fabbrika żammejtha… Persważ biss li min qed iżomm puma, iħobbha daqs it-tfal tiegħu." Ma jibżax li tgħaddi liġi li tipprojbixxi ż-zoo kif ġie pprojbit ċ-ċirku tal- annimali? Christopher ħatafna fil-kelma u saħaq li maċ-ċirku tal-annimali huwa ma jaqbilx u li hemm differenza kbira bejn zoo u ċirku. "Iljun għandek tħallih bil-kwiet. Jien min jien biex noqgħod inġiegħlu jaqbeż minn ġol-ħabel u joqgħod bilqiegħda. Immaġinak minfloku, tgħaddi minn ġon-nar biex iċapċpu n-nies," saħaq Borg. Kompla jgħid li lanqas biss tgħaddilu minn moħħu li xi darba tgħaddi liġi li tipprojbixxi z-zoos, fosthom, għax fi kliemu, dawn huma postijiet edukattivi li qed jaħdmu favur il-konservazzjoni tal-annimali. Kien hawn li saħaq li f 'dan il-park stess qed jistennew aktar tigri jitwieldu u dan meta l-għadd tat-tigri qed jonqos. La għandhom ħafna tigri jispiċċaw ibigħu? "Inkunu kburin meta titwieled tigra. Imma issa ġejna f 'punt fejn l-ispazju sar limitat," saħaq Borg. "Ħafna min- nies jaħsbu li meta titwieled tigra, aħna nbigħuha u naqilgħu l-flus. Mhu veru xejn. Jekk issib zoo li jaċċetta li jeħodhielek ikun qed jagħmillek pjaċir." "Jiġifieri intom ma tbigħux?" staqsejna lil Borg. "Jekk xi ħadd isib il-bejgħ tat-tigri, jgħidli fejn. Din is-sena kellna tlieta, irnexxielna nesportaw waħda. Il-flus tat-trasport kellna nħallsuh aħna," weġibna waqt li insista li jesportaw biss lejn zoos oħra lliċenzjati. U din is-sħana kollha? Tgħodd għalihom? L-annimali kollha qegħdin barra. Il-klima f 'Malta hija addata għalihom? Christopher spjega li pereżempjun tigra, bil-liġi jrid li jkollu pixxina fejn tkun tista' tidħol u tiffriska, post għax-xemx u post għad-dell. Fi kliemu, qabel iġġib annimal irid ikollok kollox kif suppost. "Spezzjonijiet ikun hawn?" staqsjenieh. "Regolarment," weġibna Borg. Il-ħruq tal-park fl-2017... Fl-2017, Christopher, il-familja u l-annimali għaddew minn traġedja meta l-wildlife park ħa n-nar. Kienu mietu wkoll xi annimali. Tkellimna dwar dak il-lejl, bi Christopher jisħaq li kienet daqqa kbira għalih iżda li minnha ħareġ aktar b'saħħtu. "Bl-għajnuna tan-nies u tal-Gvern ħriġna minnha malajr," qalilna s-sid. "Għaddejna minn trawna, imma trid timxi 'l quddiem." Kien hawn li insista wkoll dwar l-importanza li tkun taf kif għandek taġixxi f 'każ ta' emerġenza. Spjega kif meta nħaraq il-park, irnexxielu jidħol ħdejn l-annimali selvaġġi u jsalvahom mingħajr l-ebda reżistenza jew forza. "Kieku, bħala sigurtà, kien ikollhom joqtluhom," qalilna. Ma jibżax jidħol mal-annimali? Jagħtihom xi kalmant biex jidħol? Sakemm konna fil-park, Christopher daħal ħdejn iljunessa u annimali oħra qisu dieħel ħdejn qattusa. Ma jibżax? "Kieku nibża' ma nagħmilhiex ... jekk ikolli l-iċken dubju li l-annimal mhux qiegħed f 'siktu, ma nidħolx," weġibna. Forsi jkun hemm min jallega wkoll li lill-annimali, biex jidħol magħhom, jagħtihom xi ħaġa biex jikkalmahom. Jagħtina garanzija li ma jagħmilx hekk? "Min jaħseb hekk jiġi u jiċċekkjahom," insista magħna Borg. Mistoqsi jekk ikunx hemm spezzjonijiet tal-veterinarji, Borg wieġeb fil-pożittiv, anzi aktar milli spezzjonijiet, insista li huma stess isejħu lill-veterinarji regolarment. Staqsejnieh jekk qattx kien hemm każi fejn xi annimal għamel għalih. Mhux l-ewwel darba qalilna. "Riċenti kelli waħda mill-aktar tigri fidili li attakkatni ... s'issa dejjem żgiċċajt. Toħroġ imbellah imma trid issib ir- raġuni għaliex tkun ġrat. Dejjem ikun hemm raġuni," insista Borg. 'Kieku għex fis-selvaġġ anke lili jiekol' Tkellimna fuq l-iljun li għamel intervista ħdejna jilgħaq ix-xemx. X'jagħtih jiekol? Christopher spjega kif kuljum dan jiekol madwar 12-il kilo. "Nitimgħuh sitt darbiet fil-ġimgħa, ġurnata minnhom inħalluh sajjem biex jitnaddaf minn ġewwa," spjegalna Borg. "Fis-selvaġġ jieklu annimali bis-suf u l-ħaxix ... allura jitnaddfu waħedhom. Fiz-zoos jekk se titfagħlu l-ikel bis-suf mhux se jieklu ... Anke jekk inġibulu ħanżir żgħir ... se joqgħod jilgħab bih." Hawnhekk erġajna morna għall- kwistjoni tal-annimali fis-selvaġġ. Fi kliem Borg dan juri kemm qatt ma għex fis-selvaġġ. "Kieku għex fis-selvaġġ anke lili jiekol," insista Borg. "Allura qed tgħid li jekk nitfgħuh fis-selvaġġ mhux se jgħix?" komplejna nistaqsuh. "100%," weġibna. "Kieku jgħix, bħalissa għandi 20 tigra u nitfagħhom fis-selvaġġ. Kieku naf li jgħixu u nkun ċert li se jkunu aħjar, jiena nitfagħhom fis-selvaġġ." Nisfidawh tal-aħħar... Sfidajnieh tal-aħħar. Staqsejna lil Christopher x'jagħmel jekk xi espert, jew veterinarju, wara li jaqra din l-intervista, jitlob li jmur f 'dan il-park, jispezzjona l-annimali u jirriżulta li hemm minnhom imdejqa. "Jekk jiġi xi ħadd u jgħidli li dak l-iljun imdejjaq u li jrid imur lura fis-selvaġġ u jista' jagħmel dan, jiena se nikkopera miegħu," temm Borg. Intervista Il-Ħadd 1 ta' Settembru 2019 | illum fis-selvaġġ jiena lest li nikkopera miegħu'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 September 2019