Illum previous editions

ILLUM 1 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1161920

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

I s-sitwazzjoni li pajjiżna reġà affaċċja f 'Awwissu mhi xejn ġdid: bastiment mimli persuni li ħarbu mill-periklu f 'pajjiżhom b'ta' fuqhom senduqhom, li weħlu bejn sema u ilma qrib xtutna, għaliex il-pajjiżi Ewropej ma jistgħux jaqblu bejniethom. Mill-ġdid, il-Gvern Malti reġa' intervjena biex isalva t-tliet mija u ħamsin ruħ fuq l-Ocean Viking. Permezz tad-djalogu u r-relazzjonijiet internazzjonali tajbin li pajjiżna żviluppa f 'dawn l-aħħar snin, assigurajna li kull individwu salvat jiġi rilokat f 'pajjiżi Ewropej oħrajn, ċioè ġewwa Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Portugall, ir- Rumanija, u l-Lussemburgu. Dawn l-arranġamenti saru permezz tad-diplomazija, mhux l-infantiliżmu. Ħaddieħor, ċioè l-Gvern Taljan, li sa dakinhar kien prattikament immexxi minn Matteo Salvini, iddeċieda li jfarfar mir-responsabbilitajiet internazzjonali tiegħu u jagħlaq il-portijiet Taljani. "Jekk iridu, jeħduhom Malta", qal Salvini, daqslikieku hawn qed nitkellmu fuq xi ħwejjeġ. Din kienet biss waħda mill-bosta drabi li Salvini wera l-ideoloġija tal-lemin estrem li jħaddan. Salvini jaħbi l-estremiżmu tiegħu bl-iskuża li qed jiddefendi l-interess nazzjonali, filwaqt li l-Italja qed tikrolla politikament minħabba l-intriċċi politiċi li beda Salvini stess. L-interess nazzjonali ma jitħarisx billi tkun rasek iebsa maż-żgħir, iżda jitħares b'relazzonijiet internazzjonali tajbin u d-determinazzjoni li tibdel l-istatus quo. Din id-direzzjoni politika Taljana hi telfa għar-reġjun Mediterranju kollu, inkluż Malta. Mingħajr l-Italja bħala alleat fil-fora Ewropej, se jkun iktar iebes sabiex niksbu politika stabbli dwar l-immigrazzjoni. Għaliex, ngħiduha kif inhi, għal darb'oħra, ir-reazzjoni Ewropea għat-traġedji li għaddejjin fl-ibħra tagħna kienet diżappuntanti għall- aħħar. Ilna snin nafu li s-sistema Ewropea mhix taħdem u hija l-kaġun tar- rabja u x-xettiċiżmu lejn l-istituzzjonijiet Ewropej li jrejxu l-lemin estrem. Iżda għal darb'oħra erġajna bqajna fejn konna. Tajjeb li bl-abbiltajiet diplomatiċi u r-rabtiet sodi politiċi tagħna nsibu soluzzjoni ad hoc. Iżda issa sar wisq ħin, intilfu wisq ħajjiet, u batew iżżejjed pajjiżi ċkejknin bħalna biex oħrajn akbar żelqu mid- dover. Kmieni fil-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida, irridu naraw x'se jsir mill-aġenzija li ntlaħaq qbil fuqha fl-aħħar leġiżlatura, u x'riżorsi se npoġġu biex nimplimentaw kulma ilna ngħidu. Aħna, ir-rappreżentanti tal-kommunitajiet l-aktar impattati b'dawn il-ġrajjiet, irridu nibqgħu nżommu l-kwistjoni fuq nett tad- dibattitu bla heda sa ma niksbu r-riżultat. Jidher ċar li jekk ma nitkellmux aħna, ma jitkellem ħadd. Sfortunatament, pajjiżna ma ħelishiex mill-propoganda estremista, li issa mhux qed tasal biss mill-partiti ż-żgħar, iżda wkoll mill-qalba tal- Partit Nazzjonalista. Din il-ġimgħa stess, il-kunsillier lokali Justin Schembri għoġbu jeloġja l-mod ta' kif Salvini ħalla 350 ruħ f 'nofs ta' baħar f 'isem 'l-interess nazzjonali'. Lil hinn minn kull argument dwar razza u oriġini ta' dawn il-bnedmin, ladarba Schembri stqarr li mhix kwistjoni ta' nazzjonaliżmu, kif jista' bniedem Nazzjonalist – nazzjonalist fil-veru sens tal- kelma – jammira lil Salvini, li qiegħed jagħmel minn kollox biex id-dmirijiet tal-Italja jfarfarhom fuq Malta? Minkejja l-prietki ta' Adrian Delia dwar il-bżonn li l-Gvern Malti jkun iktar uman, is-skiet tiegħu dwar il-kummenti ta' Schembri jitkellem għalih. Faċli li wieħed jitkellem. Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Nifhem li hawn bosta Maltin li huma kkonċernati biż-żieda konsiderevoli fil-popolazzjoni f 'pajjiżna. Nifhem ukoll l-inkwiet ta' min jibża' li jibda jonqos ix-xogħol, jew li l-infrastruttura tibda tbati biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tas-soċjetà tagħna. Iżda l-istat diġà qiegħed jaħdem, u se jkompli jaħdem, biex jassigura li pajjiżna jiflaħ għal dan it-tibdil demografiku, mhux biss permezz ta' bidliet infrastrutturali, iżda wkoll soċjali. Pajjiżna qatt ma naqas mill-obbligi legali u morali tiegħi. Din it-tjubija tagħna, iżda, mhux se nħalli lil min jieħu vantaġġ minnha. Huwa għalhekk li nibqa' naħdem favur l-interess nazzjonali billi nirsisti għal politika Ewropea effettiva, mhux biss miżuri ta' emerġenza għal kull darba li bastiment jersaq qribna. Huwa għalhekk li l-ammirazzjoni tiegħi ma tmurx lejn politiċi perikolużi bħal Salvini, iżda lejn dawk li jfittxu soluzzjonijiet effettivi biex isalvaw il-ħajjiet f 'nofs il-Mediterran u li jitkellmu f 'isem pajjiżi żgħar u milquta bħal Malta. Josianne Cutajar hija MEP tal- Partit Laburista illum | Il-Ħadd 1 ta' Settembru 2019 Opinjoni 20 Is-saħħa ma' min hu b'saħħtu, mhux maż-żgħir JOSIANNE CUTAJAR Intilfu wisq ħajjiet, u batew iżżejjed pajjiżi ċkejknin bħalna biex oħrajn akbar żelqu mid-dover

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 September 2019