Illum previous editions

ILLUM 1 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1161920

Contents of this Issue

Navigation

Page 25 of 31

Sports 26 illum Il-Ħadd 1 ta' Settembru 2019 'Inħeġġeġ aktar nies sabiex jipprattikaw il-handball u l-beach handball' minn Cristian Antony Muscat ADAM Sule - kowċ tal-Melita Falcons BHC u wieħed mill- persuni li oriġina l-beach handball f 'pajjiżna. F'din l-intervista se nkunu qed insiru nafuh aħjar. Kif bdiet din l-idea tal-beach handball? Dan l-isport tal-beach handball beda fl-Italja madwar 20 sena ilu u kien iktar immirat bħala sport ta' divertiment. Fix-xhur sħan tas-sajf, dan l-isport qanqal ċertu interess bħalma kien diġà popolari l-beachvolley u l-beach football. Kienu jiġu organizzati attivitajiet fejn diversi sportivi kienu jipparteċipaw fejn filwaqt li jieħdu pjaċir, jissoċjalizzaw u jsiru jafu ħbieb ġodda. Dan kien wieħed mill-għanijiet tal- beach handball fil-peniżola Taljana dak iż-żmien. Diversi pajjiżi u gżejjer ħadu dan l-isport bis-serjetà u bil-mod il-mod beda jiġi pprattikat dejjem iktar. Għoxrin sena wara din il-logħba żviluppat, in-nies li jieħdu sehem fih żdiedu u issa nittamaw li sas-sena 2024 isir ukoll sport Olimpiku. M'ilux organizzajtu attività sportiva f 'Birżebbuġa. X'ġara eżatt hemmhekk? Kull sena nagħmlu xi forma ta' attività sajfija relatata mal-handball. Din is-sena ddeċidejna li nagħmlu din l-attività fil-Bajja s-Sabiħa f 'Birżebbuġa. Minkejja li ma tantx kellna ċans nagħmlu ħafna pjanijiet minħabba l-impenji internazzjonali li għandna dalwaqt, kellna konkorrenza sabiħa tant li kien hemm ħames timijiet li ħadu sehem. Il-livell ta' logħob kien wieħed ferm għoli u kulħadd ħa pjaċir b'din l-attività. Nittamaw li matul is-sajf li ġej inkomplu nkabbru dan l-avveniment. X'konnessjoni għandkom mal- Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball? Għandna konnessjoni kbira tant li aħna naqgħu taħt l-awspiċi ta' din l-assoċjazzjoni. Hemm plejers li jilagħbu fil-logħba normali indoor li pparteċipaw f 'din l-attività sajfija li organizzajna. Kien bis-saħħa ta' din il-konnessjoni eċċellenti li dalwaqt se nieħdu sehem f 'turnament internazzjonali. B'hekk se nkunu qed nipparteċipaw u nirrappreżentaw il-bandiera Maltija. Ħloqna klabb bl-isem ta' Melita Falcons u kellna ċ-ċans ukoll nieħdu sehem fiċ-Champions League tal- beach handball. Nafu wkoll li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball taħdem qatigħ sabiex iżżid il-popolarità ta' dan l-isport u mhux ta' b'xejn li l-attività li għamilna rnexxiet mija fil-mija! F'Malta għandna faċilitajiet mill-aqwa b'bajjiet sbieħ u pittoreski li ħafna minnhom huma ramlija. Kemm taqbel li aktar assoċjazzjonijiet sportivi jorganizzaw attivitajiet relatati mas-sajf bħal beachvolley u l-beachsoccer? Ejja ngħidu hekk, tkun idea sabiħa li kieku kollha kemm aħna ngħaqqdu l-isforzi kollha u norganizzaw attività kbira. Immaġina li kieku barra l-beach handball ikollna wkoll beachvolley u l-beach football. Min jaf kemm nolqtu nies ta' kull ġenerazzjoni partikolarment dawk dilettanti tal-isport u tas-sajf. Naħseb għandna bżonn naħdmu flimkien bħala assoċjazzjonijiet u bl- għajnuna tal-awtoritajiet ikkonċernati norganizzaw xi ħaġa kbira fis-sajf l-istess bħalma jagħmlu pajjiżi oħra Mediterranji bħal Greċja, Spanja, Ċipru u l-Italja. Kellimni ftit dwar it-turnament internazzjonali li se tieħdu sehem fih dalwaqt. Se nieħdu sehem fil-Mediterranean Beach Games li se jsiru f 'Patras lejn l-aħħar ta' dan ix-xahar. Dan hu turnament kbir li jieħdu sehem l-aqwa pajjiżi fil-beach handball. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti li għenna sabiex immorru nirrappreżentaw lil Malta. Ilna għal dawn l-aħħar ġimgħat nippreparaw bis-sħiħ għal din il- kompetizzjoni għax nafu li mhux se tkun missjoni faċli. Konna qed nitħarrġu bejn tlieta u erba' darbiet f 'ġimgħa għal dan it- turnament. Morna wkoll fi Sqallija fejn ħadna sehem f 'avveniment tal-beach handball. L-attività saret fil-belt ta' Messina u rnexxielna nieħdu l-midalja tad- deheb meta rbaħna l-logħbiet kollha li lgħabna. Kien ta' sodisfazzjon kbir għalina li wasalna għal dan it-tragward. Nafu li f 'Patras mhux se nsibu avversarji faċli minħabba li magħna fil- grupp hemm timijiet kbar fosthom l-Italja, it-Tuneżija u l-Greċja li kollha għandhom plejers ta' kalibru. Fuq kollox kellna l-iżvintura li jweġġgħulna xi plejers u għalhekk kellna mmorru għat-talent żagħżugħ sabiex ngħaqqdu l-iskwadra tagħna. M'hemmx dubju li dawn se jimlew sew il-vojt li ħallew dawn il-plejers li għandhom l-injury. Aħna se nagħtu l-mija fil-mija tagħna sabiex naqtgħu figura tajba u għalhekk qed nieħdu dan it- turnament b'serjetà kbira. X'inhu l-għan prinċipali tiegħek u tal-assoċjazzjoni? Bi pjaċir ngħid li għandna pjan fit- tul ta' ħames snin sabiex inkomplu niżviluppaw dejjem aktar il-logħba tal-beach handball. L-għan tagħna hu li nkomplu nżidu aktar atleti u fuq kollox li jkollna aktar ħoss fil-mezzi tax-xandir lokali. Għandna l-ambizzjoni wkoll li nipparteċipaw fil-kampjonat Ewropew ta' dan l-isport u fuq kollox li nżidu l-preżenza femminili. Fil-fatt nixtiequ ngħaqqdu tim tal- handball tan-nisa sabiex imbagħad inkunu nistgħu nipparteċipaw f 'kompetizzjonijiet internazzjonali u ntejbu l-livell tagħna. Fis-snin li ġejjin se nippruvaw ukoll nagħmlu turnament akbar għalkemm hawnhekk għandna bżonn il-parteċipazzjoni ta' aktar tfal u żgħażagħ. Nemmen li nistgħu nikbru għax meta tieħu l-affarijiet bis-serjetà jkollok ir-riżultati. B'hekk inħeġġeġ aktar nies sabiex l-ewwel u qabel kollox jipprattikaw il-handball tradizzjonali iżda kkumplimentat miegħu nżidu l-beach handball li hu sport simili għall-indoor, għalkemm hawnhekk trid iżżid iktar stamina u eċitament minħabba li l-wiċċ li fuqu qed tilgħab hu ramel. Nemmen għalhekk li min hu avventuruż, il-beach handball jgħodd ħafna għalih! Il-Melita Falcons BHC Għandna l-ambizzjoni wkoll li nipparteċipaw l-kampjonat Ewropej ta' dan l-isport u fuq kollox li nżidu l-preżenza femminili

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 September 2019