Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/448094
Il-Ħadd 18 ta' Jannar 2015 | illum 3 Droga possibilment moħbija fl-istonku taż-żwiemel Ikompli minn paġna 1 Sorsi qrib il-Korp tal- Pulizija kkonfermawlna li mhux l-ewwel darba li l-Pulizija kellhom din l-informazzjoni, imma skont l-istess sorsi s'issa qatt ma kien hemm riżultati pożittivi. L-istess sorsi komplew jispjegaw li madwar sentejn ilu kienet saret tfittxija intensiva wara informazzjoni anonima li waslet għand il- Pulizija, iżda anke dakinhar ma kienet instabet l-ebda droga. L-istess sorsi qalulna li jkun hemm min jieħu ż-żiemel barra minn Malta bi skuża jew oħra. Jekk iż-żiemel jipporga waqt it-traġitt, dawk li jkunu miegħu jiġbru l-ippurgar taż-żiemel u jpoġġuh f 'xi kontenitur, jew barmil, u din hija xi ħaġa normali għax kulma jkunu qed jagħmlu huwa li "qiegħdin inaddfu." Meta jinżlu l-art dawn jibqgħu għaddejjin bla ma jkunu interċettati. Nifhmu li dan l-aħħar reġa' kien hemm suspetti dwar dan it-tip ta' traffikar tant li fil-jiem li għaddew fil-Marsa u l-inħawi saru wkoll xi investigazzjonijiet. F'Awwissu tas-sena l-oħra l-Pulizija kienu arrestaw xi persuni fl- istess inħawi. Kien wara ġimgħat ta' osservazzjoni u investigazzjoni mill-Pulizija dwar suspett ta' traffikar ta' droga, li l-Pulizija mill- Iskwadra ta' Kontra d-Droga assistita minn membri tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Distrett wettqu operazzjoni fejn saru tfittxijiet f 'diversi stalel fil- Marsa. Matul dawn it-tfittxijiet instabu 18-il gramma eroina, 80 gramma kokaina, u 40 pakkett żgħir li kien fihom trab kannella suspettat bħala droga eroina. Fil-post kien hemm miżien, sikkina li l-ponta tagħha kienet imċappsa bi trab kannella u blender li wkoll kellu traċċi ta' trab kannella. B'konnessjoni ma' dan il-każ il-Pulizija arrestat u ressqet il-Qorti żewġt irġiel, wieħed ta' 40 sena u l-ieħor ta' 31 sena t-tnejn minn Ħal Qormi. Titnieda l-kampanja 'Spring Hunting Out' bl-appoġġ ta' diversi personalitajiet ILPREŻENTATTRIĊI u attivista għall-annimali Moira Delia, il-ġurnalista Saviour Balzan u l-eks- president ta' BirdLife Malta Joseph Mangion ilbieraħ nedew il-kampanja 'Shout – Spring Hunting Out' fil-Belt Valletta, u fissruha bħala 'moviment għal Malta aħjar.' F'indirizz li għamlet quddiem sala ppakkjata fil-Kavallier ta' San Ġakbu, il-kordinatriċi Romina Tolu żvelat l-isem tal-kampanja, is-sit u l-paġni tal-mezzi soċjali. "Fit-tliet xhur li ġejjin, aħna sejrin nagħtu lill-votanti t-tagħrif kollu li għandhom bżonn biex jieħdu d-deċiżjoni li jivvutaw 'le' fil-11 ta' April, biex il-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf darba għal dejjem u nagħmlu Malta post aħjar għall-ħajja tagħna," qalet Tolu. Joseph Mangion fisser kif Malta hi l-uniku pajjiż fl- Unjoni Ewropea li jippermetti l-kaċċa għal skop ta' delizzju fuq l-għasafar tal-passa fir-rebbiegħa, u żied jgħid li 'ma jagħmilx sens' li toqtol l-għasafar huma u telgħin 'il fuq biex ibejtu u jrabbu l-frieħ. Barra minn dan, żied jgħid li "Ilkoll inkunu nistgħu naraw u nisimgħu ħafna aktar għasafar f 'Malta jekk naqtgħu l-kaċċa fir-rebbiegħa, u nkunu qegħdin nagħmlu minn Malta post aħjar li fih nistgħu ngħixu." Moira Delia qalet li l-kaċċaturi qegħdin iżommu n-nies milli jgawdu l-kampanja fir-rebbiegħa, li hu l-isbaħ żmien tas-sena. "It-tgawdija tal-kampanja hi importanti għal saħħitna, u tgħinna nħossuna kuntenti u rilassati. Għandna dritt li ngawduha u li noħorġu nimxu fiha mal-familja tagħna mingħajr il-biża' tal-isparar u l-intimidazzjoni. Il-kampanja hi tiegħek ukoll." Saviour Balzan imbagħad irribatta t-theddid tal- kaċċaturi li "warajna jmiss in-namra tiegħek," u fisser dak li qed jgħidu bħala "assurdità mill-bidu sal- aħħar." Referendum bħal mhu dan jista' biss jabolixxi liġijiet eżistenti. Hemm liġi speċifika li tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa, u dan ir-referendum se jagħti ċ-ċans lill-poplu jivvota biex ineħħiha. Referendum abrogattiv ma jistax jiġi applikat għal affarijiet oħra, peress li m'hemmx liġijiet li jippermettu li jsir logħob tan- nar, festi, tiġrijiet taż-żwiemel u attivitajiet oħra. Hemm biss liġijiet li jikkontrollawhom. Huwa impossibli li jsir referendum dwar dawn l-affarijiet." "Il-kaċċaturi xorta jkunu jistgħu jikkaċċjaw għal ħames xhur fl-istaġun tal-ħarifa, minn Settembru sa Jannar. Meta jgħidu li d-drittijiet tiegħek qegħdin jitnaqqru, ikunu qegħdin jippruvaw iqarrqu bik," qal Balzan. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex "Ninqatgħu mill-imgħoddi u minn dan iċ-ċiklu ta' bullying mill-kaċċaturi, intimidazzjoni u tbeżżiegħ lill-poplu darba għal dejjem. Wasal iż-żmien li nivvutaw 'le'. SHOUT to get spring hunting out," temm jgħid l-Editur Maniġerjali tal- MediaToday. L-istilista tal-moda Carina Camilleri, il-kartunista Seb Tanti Burlo, il-mużiċista Renzo Spiteri, id-DJ tar-radju Frank Zammit, il-kantant ewlieni tal-grupp nosnow/noalps Nick Morales u personalitajiet oħra Maltin ingħaqdu ma' Balzan, Delia u Mangion fuq il-palk biex jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li fil-11 ta' April sejrin jivvutaw 'le'. Moira Delia, Saviour Balzan, Seb Tanti Burlo u Carina Camilleri fost il-personalitajiet li qed jappoġġjaw din il-kampanja Il-Pulizija sabu ammonti ta' droga fi stalel fil-Marsa