Illum previous editions

illum 15 February 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/463342

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 illum | Il-Ħadd 15 ta' Frar 2015 I rrid nammetti li l-programm ma tantx insegwih. Qiegħed ngħid għall-programm Xarabank. Għalkemm Peppi jaf jagħmel "television show", minn naħa l-oħra, l-banalizzazzjoni ta' suġġetti serji tweġġagħli l-intelliġenza tiegħi. Meta suġġetti mill-aktar serji u sensittivi jiġu trattati b'mod mill-aktar banali, issir ħafna aktar ħsara milli ġid. F'dawn it-tip ta' programmi, bl-iskuża li l-poplu jrid jgħid tiegħu, kulħadd isir professur u l-professuri jsiru l-mira tar- ridikolu. Meta l-Ġimgħa xgħelt it-TV, b'kumbinazzjoni kien hemm Xarabank. Kien fuq l-istorja ta' Angelik Caruana u l-viżjonijiet li jgħid li jkollu fuq l-għolja ta' Borġ in-Nadur. Ma stajtx ninqala' minn quddiem it-TV. Ma stajtx ninqala' minn quddiemu, mhux wisq għaliex kien interessanti s-suġġett, għalkemm kien sagru, iżda għaliex tant kien komiku, tant kien tad-daħk, li ma kontx lest li nitlef siegħa bħal dik wara ġurnata xogħol mimlija problemi. Stħajjiltni qiegħed nara l-verżjoni ta' The Little Shop of Horrors. Sebgħa persuni bilqiegħda jirrakkontaw kull xorta ta' abberrazzjonijiet li ma temminx li qegħdin ngħixu fl-era ta' meta qegħdin inħejju biex nikkolonizzaw pjaneti oħrajn. Minn wieħed li jgħidlina li ra lil Kristu b'libsa bajda, sa waħda tirrakkonta li minn ħalq wieħed ħarġet tħabbat parti minn qalb Kristu. L-isteriżmu minn qalb in-nies kien wieħed li jnikktek. Minn wieħed li jagħmel it-tpinġija, jirrakkonta kif kien ispirat li jpinġi l-qalb Imqaddsa ta' Kristu fuq il-persuna ta' Angelik Caruana, li m'għandniex xi ngħidu xi naqra riklam għal xogħlu involuntarjament kien hemm, sa waħda, li hija speċi ta' aġent turistiku li ġġib il-barranin biex jassistu għall-apparazzjonijiet ta' Angelik. Din tirrakkonta kif il-Madonna għafsitilha jdejha, sal-punt li qaltilha "Ouch!" għaliex għafsithielha żżejjed. Mill-panel li kien hemm bil-qiegħda, forsi nista' nsalva tnejn. Lil Dun Ġorġ Dalli u lil John Bundy. L-ewwel wieħed kien kawt u preċiż f 'dak li tgħid il-Knisja, l-ieħor tkellem skont ir-raġuni iżda kien ultra xettiku. Immeraviljani l-fatt, li mhux biss kien hemm kontroversja bejn Kristjani Kattoliċi u dawk li mhumiex, iżda anke bejn Kattoliċi nfushom. Kulħadd jikkwota l-Bibbja qisha xi Roget's Thesaurus reliġjuż. Kulħadd ifajjar l-argumenti mill-aktar stupidi u banali, b'mod li suġġett mill-aktar serju, rajnieh jiddeġenera f 'teatrin tas-sagru. Xilja li għamel Dun Ġorġ lil Peppi Azzopardi. Kultant na nistax nifhem, kif nies bħal Dun Ġorġ jaċċettaw li jieħdu sehem fi programmi bħal dawn, meta jkun antiċipabbli kif se jispiċċaw. F'dawn is-sitwazzjonijiet, il-fidi hija kollox. Xettiċi se jkun hemm dejjem. Meta fis-Seklu Dsatax bdiet tiġri l-aħbar li tfajla żgħira bdiet tara l-Madonna f 'Lourdes fi Franza, n-nies ġrew lejn il-grotta. Il-vulnerabbli kontinwament ifittxu spjegazzjoni għat-tbatijiet tagħhom u jiena ma għandi ebda dubju li r-reliġjon hija refuġju tajjeb u ta' konfort għalihom. Fejn ma jlaħħaqx l-ispjegabbli, jidħol l-inspjegabbli. Anke jiena nitlob meta nkun għaddej minn żmien ħażin, mhux għaliex nara xi viżjoni, iżda għax nemmen li għandi l-fidi. M'għandix għalfejn immur Lourdes jew Fatima biex nilmaħ lil Alla. Nilmħu f 'sens metaforiku u mhux reali, f 'mumenti u f 'postijiet fejn qatt ma naħseb li se narah. Meta ngħid narah, mhux qiegħed nitkellem dwar dehriet jew viżjionijiet. Iżda tħoss li fejn qiegħed ġrat xi ħaġa jew seħħew ġrajjiet li jġiegħluk tidħol f 'qoxortok u li bidlu l-umanità. Meta kont Assisi ħassejt din is- sensazzjoni, mhux għax San Franġisk kien qaddis, iżda għaliex għamel xi ħaġa li ftit lesti jagħmluha. Ħalla l-ġid għall- faqar, ħaġa li jiena mhux lest li nagħmel. Meta żort il-kamp ta' konċentrament ta' Tereżin fir-Reppubblika Ċeka, ħassejt il-preżenza ta' Alla fil-kotba tat-tfal li spiċċaw fil-fran, li hemm esebiti fil- mużew ta' dan il-post. Kienet ħaġa tal-mistħija għal dawk kollha li jemmnu, bil-mod kif ħafna ġabu rwieħhom, fuq suġġett tant sensittiv. L-istaġun tal-Karnival ma setax jibda aħjar jekk mhux bi programm mimli bluha. Ridt nidħak u nibki, meta assistejt għall-argumenti daqstant medjokri u b'nies li suppost iħaddnu l-istess fidi, jargumentaw sal-punt li bbażaw l-insolenzi. Imbagħad nissorprendu lilna nfusna li s-Shia u Sunni jitqatlu bejniethom! Il-problema tal-medjkorità nsibuha kullimkien. Mhux biss fil-kamp reliġjuż anke f 'dak politiku. Qisu għandna poplu li jinsab taħt il-loppju u ma għandux żmien biżżejjed biex ikun aktar razzjonali u jirrifjuta li juża dak id-dixxerniment li jistħoqqlu. Meta lbieraħ filgħodu għal darba oħra xgħelt it-TV, ħadt ħasda oħra. L-aħbar kienet li twaqqfet Kummissjoni mill- MFA biex tinvestiga l-korruzzjoni għandi nifhem fil-logħba tal-futbol. Għaġeb tal-għeġubijiet, David Aguis wieħed minn dawk li qiegħed fuqha għaliex hu l-kelliem tal-PN fuq l-isports. Dak l-istess bniedem li ġie ċċensurat talli ħebb jew kellem b'mod mhux xieraq lil xi referees waqt logħba u allura kien minn kollox barra sportiv u li nqabad jikkopja kemm-il darba waqt l-eżamijiet, darba minnhom meta kien membru parlamentari. Qisek qed tafda f 'idejn Neruni l-pumpiera ta' Ruma, għaliex min ma jafx x'inhu "fair play", mhux postu f 'Kummissjonijiet ta' din ix-xorta. Iżda mhux hekk biss. Uffiċjali ta' GRTU li kienu implikati fil-manipulazzjoni ta' xhieda u provi fil-każ ta' Sandro Chetcuti, f 'akkużi li setgħu swewh snin il-ħabs, smajna li baqgħu fejn kienu, jekk mhux ukoll jinsabu aħjar minn qabel. Għandna nismgħu b'nies li nstabu ħatja ta' falsifikazzjoni ta' dokumenti u għadhom jokkupaw karigi importanti. Imbagħad ninħasdu, meta jibdew joħorġu l-ismijiet ta' dawk li ħbew flushom l-Iżvizzera! Il-medjokrità twasslek biex tgħid u tagħmel ħafna affarijiet li ma jkunux dettati mir-raġuni, iżda minn sentimenti mimlija preġudizzji. Sal-punt li fis- saħna tad-dibattitu dwar id-divorzju, sa kellna politiċi, li bħal Angelik, lemħu lill-Madonna tibki. Jekk ma tridux temmnuni staqsu lil Tonio Fenech. Insomma, biex nassistu għall-Karnival m'għandniex għalfejn noqogħdu nidħlu l-Belt jew nistennew li jasal Frar. Nistgħu nassistuh is-sena kollha mill-kumdità ta' darna. Evviva l-Karnival! "Biex nassistu għall- Karnival m'għandniex għalfejn noqogħdu nidħlu l-Belt jew nistennew li jasal Frar. Nistgħu nassistuh is-sena kollha mill-kumdità ta' darna" TONI ABELA Republic Street, Valletta next to the Courts Sebgħa persuni bilqiegħda jirrakkontaw affarijiet li ma temminx li qegħdin ngħixu fl-era ta' meta qegħdin inħejju biex nikkolonizzaw pjaneti oħrajn

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 February 2015