Illum previous editions

illum 15 February 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/463342

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 31

Il-Ħadd 15 ta' Frar 2015 | illum 9 it-Tabib Forensiku Mario Scerri u l-Kurunell Albert Camilleri flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat. Il-bomba tpoġġiet minn xi ħadd jew żball tal-vittma stess? Sors li ħadem mill-qrib dwar dan il-każ, ġie mistoqsi jekk hux qtil jew le, ir-risposta kienet – "ma naħsibx li qatt xi ħadd jista' jgħid li definittivament il-bomba kienet ta' Camilleri u li kien se jagħmilha lil ħaddieħor, wisq anqas jista' xi ħadd jgħid li ma kinitx." Naraw għaliex ingħatat din ir-risposta. Oħt Kevin, Antoinette, kienet qalet lill-investigaturi li mhux l-ewwel darba li hi u Simon innutaw fuq ħoġor it-tieqa tal- kamra ta' Kevin oġġett li kien jixbaħ biċċa pajp ta' silencer ta' karozza. L-ewwel darba li Simon ra dan l-oġġett suspettuż kien il- Ġimgħa, 4 ta' Ġunju għall-ħabta tad-9am meta kien għaddej minn ħdejn l-appartament. Spiteri ddeskriva l-oġġett bħala pajp twil madwar 14-il ċentimetru b'dijametru ta' mhux aktar minn tmin ċentimetri. Miegħu kellu żewġ boldijiet forma ta' salib u miegħu kien hemm pajp ieħor irqiq li kellu sulfarini marbutin b'ħajt jew spag. Simon kien qal li s-sulfarini kienu maħruqin. Meta filgħaxija reġa' mar biex ikellem lil Kevin u ttawwal lejn ħoġor it-tieqa l-oġġett suspettuż ma kienx hemm. Antoinette stqarret li s-Sibt, 5 ta' Ġunju 1999 f 'xi ħin bejn it-8am u d-9am, ukoll rat oġġett simili. Kif daħlet fil-flat ta' ommha, Antoinette qalet lil Kevin, li dak il-ħin kien ħiereġ, bl-oġġett suspettuż mat-tieqa tal-kamra tiegħu, iżda kulma qalilha Kevin kien "Ħallini dalgħodu", u baqa' sejjer mingħajr ma mar jara x'kienet rat oħtu. Il-Ħadd filgħodu meta Antoinette reġgħet marret għand ommha, l-oġġett misterjuż ma kienx hemm. Iżda matul il-lejl li seħħet l-isplużjoni u Antoinette kienet fuq il-post tat-traġedja, ġibdet l-attenzjoni ta' wieħed mill- Uffiċjali tax-Xena tar-Reat li fl-art kien hemm biċċa ħadida li kienet tixbah parti mill-oġġett suspettuż li kienet rat fuq ħoġor it-tieqa ta' ħuha. Meta l-investigaturi talbu lil Antoinette u lil Simon biex ipinġu l-oġġett li kienu raw fuq ħoġor it-tieqa ta' Kevin, dan kien jaqbel kważi perfettament mal-kontenitur tal-bomba meta kien eżaminat bir-reqqa mill- esperti tal-Qorti. Jekk il-bomba kienet ta' Kevin allura li seta' ġara kien li meta Kevin poġġa l-bomba fit-tieqa u xegħel il-miċċa, skont il-fehma tal-esperti, il-vittma kellu madwar 40 sekonda ċans biex ipoġġi l-bomba fit-tieqa, jagħlaq il-persjana tat-tieqa li kienet tinfetaħ 'il ġewwa, dejjem jekk għalaq il-persjana u jersaq lura. Dejjem skont l-esperti 40 sekonda kienu biżżejjed biex dan iseħħ. Jekk kien dan li seħħ, allura Kevin seta' ma kienx totalment f 'sensih meta wettaq dan l-att. F'rapport f 'wieħed mill- ġurnali li kien ippubblikat fil-jiem ta' wara l-każ kien intqal li mill-awtopsja rriżulta li Camilleri mhux sigarett biss pejjep ftit tal-ħin qabel meta kien ma' sħabu, imma anke reżina tal-kannabis. Jekk verament kien għamel dan allura Kevin seta' ma kienx f 'sensih sew meta xegħel il- miċċa, imma kien tard wisq biex iwaqqafha milli tkompli tinħaraq u għalhekk poġġa l-bomba fit-tieqa, għalaq il- persjani u mexa lura. Min-naħa l-oħra jekk il- bomba tpoġġiet minn xi ħadd u Kevin qatt ma daħallu suspett, minkejja li oħtu ġibditlu l-attenzjoni, min għamel il- bomba ħa riskju tliet darbiet wara xulxin? Min poġġa l-bomba biex joqtol lil Kevin Camilleri ħa riskju li jneħħiha u jpoġġiha fejn darba minnhom anke beda l-eżekuzzjoni u l-bomba ma splodietx? Qed nirreferi għal meta ġew innutati sulfarini maħruqin ma' pajp. Dawn id-dikjarazzjonijiet komplew qajmu diversi mistoqsijiet u ipoteżi ta' x'seta' ġara bejn il-Ġimgħa, 4 ta' Ġunju u sbieħ it-Tnejn, 7 ta' Ġunju 1999. Kif instab il-vittma Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li għalkemm Kevin instab liebes biss qalziet ta' taħt, meta splodiet il-bomba ma kienx għadu daħal fis-sodda imma kien imqajjem u kien bilwieqfa. Mill-ġrieħi li sofra, li kienu ħruq estensiv f 'sidru u żaqqu kif ukoll ksur fil-pala ta' jdejh u l-minkeb, kienu jindikaw li Camilleri kien qiegħed iħares fid-direzzjoni tat-tieqa fejn kien hemm il-bomba u li dak il-ħin kien madwar 50 ċentimetru 'l bogħod mit-tieqa u l-bomba ma kinitx f 'idejh għax kieku kienet ittajjarlu parti minn idejh. Mill-eżamijiet forensiċi li saru fuq il-post kien irriżulta li kieku Camilleri kien fis-sodda meta splodiet il-bomba, kien isofri minn ġrieħi gravi biss, tant li s-sodda ftit li xejn ġarrbet ħsarat. Mal-isplużjoni Camilleri dar u mexa fid-direzzjoni tal-kamra tas-sodda ta' ommu. Iżda huwa wasal sa ħdejn il-kamra tal- banju fejn mal-ħajt instab tiċpis tad-demm li kienu jindikaw li Kevin ipprova jżomm mal-ħajt jew ipprova jixgħel id-dawl. Huwa miet ftit minuti wara li ħadet il-bomba. Ħsarat anke f 'karozzi Il-bomba kienet magħmula minn splussiv qawwi u l-materjal kien tpoġġa f 'kontenitur tal-metall forma ċilindrika b'tul ta' madwar 14-il ċentimetru b'dijametru ta' inqas minn seba' ċentimetri. Fil-fatt il-bomba kienet dik magħrufa mill-esperti bħala pipe bomb. Dan seta' kien jixbah ħafna l-pajpijiet li kemm oħt il-vittma kif ukoll is-sieħeb tagħha kienu raw fuq il-ħoġor tat-tieqa, għalkemm ma setax ikun ikkonfermat minħabba li dan spiċċa f 'diversi biċċiet. Għalkemm il-bomba kkawżat ħsarat fil-kamra fejn kien jorqod Kevin fosthom l-għamara, it- televiżjoni u apparat ieħor, ma kienx hemm ħsarat strutturali ħlief għat-tieqa u l-aperturi tagħha. Iżda l-bomba kkawżat ħsarat fi twieqi tal-ġirien kif ukoll fi tliet karozzi li kienu Kia Pride, Skoda Felica u Skoda oħra. Il-vittma kien suspettat dwar omiċidju Wara l-qtil ta' Joe Borg, l-għassies li nqatel fid-29 ta' Settembru 1990 barra l-fabbrika tal-għaġin f 'Ħal Qormi, Kevin Camilleri kien fost il-persuni li l-Pulizija kellhom suspett fih. Iżda minkejja li kien interrogat fit-tul qatt ma tressaq il-Qorti dwar dan l-omiċidju. Camilleri kien instab ħati ta' serq f 'Mejju 1991 u ntbagħat tliet snin ħabs. Meta l-Pulizija kienu kellmu lil Alex Mallia magħruf bħala "ix-Xokkijiet" wara l-qtil ta' Kevin Camilleri, dan kien stqarr li xi sentejn qabel huwa kien ma' Kevin u xi ħbieb oħrajn bil-karozza fl-inħawi ta' bejn Ħad-Dingli u l-Buskett meta nnuttaw li kienu qegħdin ikunu segwiti minn karozza Fiat. Mallia kompla jgħid li Kevin kien għaraf lis-sewwieq tal-Fiat u qalilhom li dak kien jiġi minn Joe Borg għax tal-familja kienu qegħdin iwaħħlu fih li kien fost dawk li daħlu fil-fabbrika tal- għaġin u qatlu lil Joe Borg. Nifhmu li l-Pulizija kienu kellmu lil din il-persuna, iżda ma rriżultax li b'xi mod kellu x'jaqsam mal-qtil ta' Camilleri. Allegat li l-vittma kien ikun mistieden minn sieħbu biex ikollu x'jaqsam ma' martu Frances Camilleri, omm Kevin, ukoll kellha s-suspetti tagħha f 'min qatel lil binha. Mal-Pulizija hija semmiet żewġ kollegi li kienu jaħdmu magħha fl-Isptar Sir Paul Boffa. Ir- raġuni li ssuspettat fihom kienet minħabba li kienu nqabdu jisirqu u kienu weħlu fiha li rrapportathom. Meta l-Pulizija kellmu lil Simon Spiteri, is-sieħeb ta' oħt Kevin, għalkemm semma xi nies b'isimhom u anke bil- laqam, qatt ma qal li kellu xi suspett fihom li kienu għamlu l-bomba. Issemma wkoll raġel, ċertu Ġorġ, minn Ħal Qormi li kien ħabib kbir ta' Kevin u li kien jieħu gost jara lil martu jkollha x'taqsam sesswalment ma' Kevin filwaqt li hu joqgħod jarahom. Iżda xi tliet snin qabel Kevin u Ġorġ kienu ġġieldu meta kienu Paceville u kisruha bejniethom. M'hemm l-ebda dubju li dan l-omiċidju se jibqa' magħruf għal mistoqsija – Kevin Camilleri qatel lilu nnifsu bi żball jew verament inqatel minn xi ħadd? Jekk ir-risposta hija din tal-aħħar, allura bir-raġun li mal-Pulizija dan huwa każ ieħor ta' omiċidju mhux solvut. Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Appell Ritratti: Bibjoteka Nazzjonali Ħsarat fit-tieqa fejn splodiet il-bomba Il-katavru ta' Kevin Camilleri qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija esperiment li mar ħażin

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 February 2015