Illum previous editions

illum 15 February 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/463342

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

Il-Ħadd 15 ta' Frar 2015 | illum 23 Il-MEPA u l-bejgħ tal-indulġenzi XI elf sena ilu l-Knisja bdiet tbigħ, fuq skala żgħira, l-indulġenzi: int tħallas tant u tiffranka li tgħaddi xi snin fil- Purgatorju. Ħames mitt sena wara iżda, il-Vatikan kellu bżonn somom kbar ta' flus u l-bejgħ laħaq proporzjonijiet ferm akbar minn qatt qabel. Luteru ħadha qatta' bla ħabel mal-Papa. Twieled il-Protestantiżmu, firda immensa bejn l-insara. Il-Papa sejjaħ Konċilju, il-Knisja għarfet li ma kinitx għamlet sewwa u l-indulġenzi bi ħlas m'għamlithom qatt iżjed. Imma l-ħsara kienet saret, għadha hemm u se tibqa' hemm għal żmien twil. Nistħajjel tistaqsu, "Biex inhu ġej dan?" Sempliċi: lill-Gvernijiet, din l-idea tal-indulġenzi, għoġbithom sew, u kultant żmien huma wkoll bdew ibiegħuhom: issa għal min ma ħallasx it-taxxi, issa għal dawk li għadhom ma ndunawx li daħlet il-VAT, issa għal min ħeba flusu barra mill-pajjiż, issa għal min bagħbas il-meter tal- elettriku; insomma kull skuża hija tajba, basta tirrendi. Imma l-Gvern għaraf li ma setax jagħmel wegħdiet bħal tal-Knisja. Dak li jgħid li se jaħfer ikollu jidher li ħafru ta' veru. Jagħlaq għajnejh għall-ħsara li tkun saret lis-soċjetà u, minflok, ipinġi l-maħfra bħala waħda li biha sa jdaħħal ħafna flus għall-ġid tal-poplu. U l-fidili jibilgħuha. Imma dan sewwa? Naħseb li iktar minn 90% tal-poplu jafu li dan mhux talli mhux sewwa, imma talli għandu jifferoċjak. Għamluh iż-żewġ partiti li tul ħajjitna dejjem kellna fil-gvern; il-poplu pprotesta… imma għalxejn; l-indulġenzi baqgħu joħorġu għall-bejgħ. U min gawda, ikompli jgawdi; jekk mhux igawdi iktar. Allura nerġa' nistaqsi, "Imma dan sew?" Il-MEPA ma baqgħetx lura, intebhet li dan tista' tagħmlu hi wkoll; ispirata minn, u bil- barka tal-Gvern naturalment. Hi wkoll toffri li taħfer dnubiet, venjali u sagrileġġi, kontra l-ambjent, kontra kull sens ta' diċenza, kontra kull liġi, għal kull min lest li jtiha somma flus. Għaliex qiegħda tagħmlu dan issa? Għax, kif qegħdin jgħidu, għandha €35 miljun dejn? Għax issa ntebhet li impossibbli għaliha li ssib irkaptu tal- eluf ta' avviżi ta' infurzar li ħalliethom jiġbru t-trab fuq l-ixkafef għal snin twal? Ħa nipprova nwieġeb għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet. L-ewwel nett, għaliex hemm dan id-dejn kollu? Wara kollox fl-aħħar snin, u iktar minn darba, l-MEPA għolliet il-ħlasijiet kollha li titlob għas-servizzi tagħha. Għax l-impjegati tal-MEPA għandhom salarji tajbin ħafna? Aħna m'għandna xejn kontra dan, basta dawn jagħmlu xogħolhom b'kuxjenza. Imma huwa ċar ħafna li fejn jidħol l-infurzar, avolja hawn ukoll il-MEPA għandha nies dedikati u effiċjenti, dan ma kienx qiegħed isir. Tort ta' min? Tan-nies fid-Dipartiment tal-Infurzar li neqsin mill- ħeġġa? Ta' nuqqas ta' nies biex ilaħħqu mal-ammont ta' xogħol li hemm? Ta' ndħil f 'xogħolhom minn parlamentari u oħrajn? Tal-Gvern li jċaħħadhom mir-riżorsi li għandhom bżonn? Ta' xi ħadd hu t-tort! U naħseb li għandna d-dritt għal risposta. Il-Gvern għamel mhux liġi waħda, għamel mija, u tajbin; xi wħud minnhom b'multi serji u oħrajn tad-daħk, għal min ma josservahomx, u oħrajn b'piena ta' biċċa karta li twissik imma ma twaħħlek xejn, u allura stajt trankwillament tinsiha. Imma anke fejn kien hemm il-multi, għal xi raġuni, ħafna ma kinux qed jiġu miġburin. Allura l-liġijiet qed isiru biss biex taparsi qed nagħmlu xi ħaġa! U issa tiġi toffri l-maħfra biex tgħatti dnubietek, jew tal-gvern! U maħfra fuq abbużi fl- ambjent diġà saret fl-2012, minkejja l-protesti tagħna l-ambjentalisti; u mhux minnu li kienu kollha każijiet żgħar. Aħseb u ara x'inhu jinħema issa. Niġu għan-numru kbir ta' twissijiet ta' infurzar li qatt ma sar xejn fuqhom, u issa, f 'daqqa waħda, saru problema kbira wisq għalihom. Johann Buttigieg, CEO tal-MEPA, qal li għandhom mal-10,000 każ x'jieħdu ħsieb. Ma nafux sewwa kif wasal għal dan in-numru; aħna naħsbu li hemm ħafna iżjed, għax sena ilu uffiċjal għoli tal-MEPA qal li kellhom mas-17,000; u esprima sodisfazzjon li fl-aħħar sena kienu solvew xi 400 minnhom. Ftit diffiċli tifhem kif issa, f 'sena waħda, solvew iktar minn 7,000 każ meta tulha saru għadd ta' abbużi ġodda. F'kelma waħda aħna naħsbu li n-numru u eqreb lejn l-20,000 milli lejn l-10,000. Ovvjament aħna m'aħniex qed nagħtu t-tort ta' dan l-istat tal-biki fejn jidħol l-infurzar lill-Gvern preżenti biss. Kellna partit ieħor li għamel 23 sena fil-gvern u allura jrid iġorrha hu l-biċċa l-kbira tal-piż ta' dan l-iskandlu. Imma issa erġajna koppi: erġajna se nbiegħu l-indulġenzi biex naħfru dnubiet oxxeni; dnubiet li flok jibagħtu fl-infern lil min wettaqhom, jikkastigaw lil min m'għamel xejn ħażin: lilna. U xi wħud jistaqsuk, "Imma xi triduhom jagħmlu l-MEPA u l-Gvern?" Aħna s-soluzzjoni ilna s-snin ngħiduhielhom, u hija waħda sempliċi ħafna: Agħmlu xogħolkom; araw li l-liġijiet jiġu osservati u li min jiksirhom iħallas. Dan m'għamluhx, u mhux dejjem għal raġuni aċċettabbli. Ħafna drabi għax ma kienx hemm rieda politika li dan isir. Jiġifieri, il-problema ħolquha huma, mhux aħna; mela huma jridu jsibuha s-soluzzjoni. Iwassluk tgħid li 'hekk riedu, hekk kien jaqblilhom'. Jaqblilhom jekk iħallu kollox għaddej, jaqblilhom jekk jidhru li qegħdin idaħħlu l-flus. Il-vot kollox! Imma dawn il-flus - qegħdin isemmu li se jdaħħlu €20 miljun - x'se jsewwu mill-ħsarat li saru? Ftit ħafna… u x'aktarx xejn; anzi, li hu żgur hu li se jagħmlu ħsara kbira. Dan hu bil-bosta iktar importanti mill-flus għax il-ħsara se tibqa' għal dejjem, u l-poplu se jitlef ċerti drittijiet li kellu, u se jitlifhom darba għal dejjem. L-indulġenzi għamlu ħsara dejjiema lill-Knisja ta' Ruma; u l-poplu jeħtieġ li jifhem li l-indulġenzi tal-MEPA huma agħar: se jkomplu jagħmlu ħsara lill-ambjent tal-gżejjer tagħna u lill-Maltin kollha, ħsara li se nbatuha aħna… u l-ġenerazzjonijiet ta' warajna. Il-poplu m'għandux iħalli lill-ambjentalisti jipprotestaw waħedhom. Min m'abbużax m'għandux jibqa' sieket u jħalli lil min abbuża u seraqlu sehmu. Li kulħadd isemma' leħnu mhux biss dritt, hu dover. JOE AGIUS Eks president tar-Ramblers

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 February 2015