Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/463342
4 illum | Il-Ħadd 15 ta' Frar 2015 FILĦAJJA tiegħi ta' saċerdot rajt persuni jibku bil-ferħ imma naf ħafna aktar li jolfqu għax qalbhom maqsuma. Filwaqt li huwa normali li f 'mumenti sbieħ naqsmu l-ferħ tagħna mal- oħrajn, ħafna drabi, meta l-inkwiet iżurna, nibku waħedna, kemm għaliex min-natura tiegħu l-bniedem ifittex jostor dan l-iżvog intimu tiegħu, u kemm għaliex drabi oħra ma jsibx min jibki miegħu. Waqt iż-żjajjar tiegħi fil-familji qed niltaqa' ma' diversi sitwazzjonijiet ta' qsim il-qalb. Hemm dawk li huma mifnija bis-sens ta' ħtija għax ma jistgħux jaħfru lilhom infushom għal xi għelt li jkunu wettqu fl- imgħoddi. Niftakar f 'dawk il-morda li ssibhom bl-għata fuq wiċċhom biex jaħbu għajnejhom li jkunu jgħumu fid-dmugħ minħabba l-uġigħ qalil jew għax ikunu tilfu kull tama ta' fejqan. Iltqajt ma' min ittallab u għadu jittallab biex iħallas għall-kura. Inġib quddiem għajnejja lil dawk li huma bla xogħol, għandhom xogħol prekarju jew saret inġustizzja magħhom. Għandi f 'moħħi dawk il-koppji li ma jistgħux isawru familja, jew għandhom xi wild b'diżabbiltà serja, inkella għandu xi marda gravi. Kif nista' ninsa lil dawk il-familji fejn hemm il-firdiet? Jgħaddu s-snin, u ġenituri u wlied jibqgħu ma jitkellmux, id-demm tal-aħwa bħal donnu jsir semm, u nanniet u neputijiet ma jiltaqgħux. Imbagħad hemm dawk li għaddejjin minn tbatija kbira għaliex iħossuhom imġenbin, jekk mhux ukoll ikkundannati mill-bqija minħabba li għażlu stil ta' ħajja partikulari, jew dawk li kienu miżżewġin u issa qegħdin fit-tieni relazzjoni. Hemm dawk li kapaċi jitbikkmu għax jinħaqru minħabba l-lewn tal-ġilda. Lil dawk li jibku, nagħmlilhom kuraġġ. Nixtieq infakkarhom li jekk aħna l-bnedmin ma nagħtux kas tagħhom u nħalluhom jingħu waħedhom, Alla tant iħobbhom li jmil fuqhom u jibki magħhom. Hi x'inhi r-raġuni għaliex għajnejk qed iqattru d-demgħat, Alla li qed jibki miegħek jixtieq idewqek il-kompassjoni u l-miżerikordja tiegħu. Id- dmugħ tiegħu jitħallat mad- dmugħ tiegħek u jibdlu minn dmugħ mielaħ fi dmugħ ħelu, għax id-dmugħ divin huwa n-nida tal-Ispirtu s-Santu. Fil-ħajja spiss jiġri li ċerti affarijiet narawhom biss jekk għajnejna jkunu xxarrbu bid-dmugħ. Min jirreżisti li jibki għandu problema biex jara u jtaffi d-dgħufija tiegħu u tal-oħrajn. Huwa fatt li llum, mikulin mill-egoiżmu u l-indifferenza, ħafna mhumiex lesti li jibku ma' min jibki. Ftit huma dawk li jaħlu ħinhom ma' min jibki. Din l-imġiba tikxef li l-faqar uman tagħna qed jitkattar. Jekk min-naħa l-waħda sar aktar evidenti d-dmugħ tal- kukkudrilli, għax hawn min jaf tajjeb li jekk ma jibkix, ma jerdax la mingħand il-Privat u lanqas mingħand il-Gvern, min-naħa l-oħra hawn oħrajn bħal donnhom instaddulhom il-kanali tad-dmugħ jew qalbhom saret samma daqs il-blat. Dawn huma kapaċi jagħlqu għajnejhom u widnejhom quddiem it-tbatija tal-oħrajn. Għaldaqstant illum hawn ħafna jibku waħidhom. Hemm bżonn nitgħallmu nibku ma' min għandu l-madmad fuq spallejh u ngħinuh biex tingħeleb it- tbatija li tkun taqsam qalb dak li jkun. Anki fil-Knisja hemm min qiegħed jibki. Hemm min qed ifittex il-ħobż (il-Kelma ta' Alla) imma qed jirċievi "ġebla"; hemm min jixtieq jiċċelebra s-sagramenti imma ma jistax; hemm min jixtieq jara Knisja mġedda imma qed isib ħafna reżistenza; hemm min tfixkel bl-eżempji ħżiena tagħna s-saċerdoti; hemm min fdana imma ngidem; hemm min instaram bil- firdiet u l-piki ta' bejnietna; hemm min ixxellef u dlonk urewh il-bieb ta' barra. Knisja li, biex ma tbiddilx l-iskemi pastorali tal-bieraħ u ma titlifx iċ-ċertezzi tal-bieraħ, tippreferi tagħlaq għajnejha għas-sinjali taż-żminijiet, hija Knisja tal-biki. Barra minn hekk, jekk il- Knisja tagħna ma jkollhiex il-bibien miftuħa beraħ biex min qed jibki, isib fiha l-kenn u l-faraġ, aħna nfallu fil- missjoni tagħna bħala ħabbara tal-Vanġelu. Għaliex jekk inżommu 'l bogħod minn dawk li jibku, min se jemmen u jilqa' l-Bxara t-tajba ta' Ġesù Kristu? Il-ħeġġa ta' dawk li huma msejħa biex ixandru l-Vanġelu tiddependi minn kemm huma konvinti li hawn persuni jibku! Hija ħasra li fil-Knisja fadal min għadu ma jistax jifhem li ħidma maħsuba biex ittaffi t-tbatija li tbikki, tiġi qabel kull "opra" oħra. Forsi hemm bżonn ukoll li nħallu lil dawk li jibku jevanġelizzawna, għax fil-biki tagħhom huma jiltaqgħu ma' Kristu li jibki. Inqiegħed din ir-riflessjoni taħt il-ħarsien tad-Duluri, dik li bkiet ma' binha jibki, bkiet mad-dixxipli meta wara l-mewt ta' binha sfaw waħidhom, imma bkiet ukoll bil-ferħ meta rat lil Kristu Rxoxt. Fil-Knisja hemm min qiegħed jibki MINN MARIO GRECH, ISQOF T'GĦAWDEX "Illum, mikulin mill-egoiżmu u l-indifferenza ħafna mhumiex lesti li jibku ma' min jibki. Ftit huma dawk li jaħlu ħinhom ma' min jibki"