Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/475087
Il-Ħadd 08 ta' Marzu 2015 | illum 19 Q iegħed nikteb dan l-artiklu bi swied ta' qalb kbir: il-ġimgħa l-oħra fid-dell tal-Kremlin, inqatel Boris Nemtsov, wieħed mill-akbar kritiċi tal-president awtoritarju Russu, Vladimir Putin. Ironikament, Nemtsov kellu jkun is-suċċessur ta' Yeltsin imma postu ttieħed mill-istess Putin wara manuvri tal-klikka tal-palazz xejn ferħanin bil-viżjoni ta' Russja demokratika, liberali u trasparenti ta' Nemtsov. Taħt it-tmexxija ta' Putin u tal-pupazz tiegħu, Dmitry Medvedew assistejna għall-proċess li permezz tiegħu, ir-Russja dejjem qiegħda titbiegħed aktar mill-ideali tad-demokrazija liberali. Pajjiż fejn min iħaddan ideat differenti minn dawk ta' Putin jew jispiċċa l-ħabs taħt xi akkuża jew ifalli jew inkella maqtul. L-assassinji ta' Nemtsov u tal-ġurnalista Anna Politikovskaya u l-każ ta' Mikhail Khohodorkovsky huma eżempji ċari. Barra minn hekk, l-aggressjoni minn taħt fir-rigward tal-ġirien tar-Russja saret parti mill-politika uffiċjali. Fin-nekroloġija ta' Nemtsov fl- Economist, laqtitni l-enfasi li saret fuq il-fatt li meta ma baqax deputat Prim Ministru, spiċċa ma jagħmel xejn u bla flus għax kien differenti minn dawk li stagħnew fiż-żmien tagħhom fil-poter. Skont l-Economist, il-valuri tiegħu kienu ċari: is-serq, it-tradiment u l-qtil kienu ħżiena; il-ħsieb, l-imħabba u l-ħajja kienu tajba. Sfortunatament, nafu d-direzzjoni li ħadet ir-Russja, direzzjoni li hija ħażina kemm għall-istess Russja u għal niesha, kif ukoll għall-kumplament tad-dinja u speċjalment għall-Ewropa li tagħha r-Russja missha qiegħda f 'simbjożi perfetta u mhux fi stat ta' antagoniżmu permanenti. L-eżempju ta' Nemtsov huwa pjuttost l-eċċezzjoni. Il-ġimgħa l-oħra, żewġ ex- ministri tal-intern Brittaniċi, Jack Straw u Sir Malcolm Rifkind, għal ġieħna wieħed Laburist u ieħor konservattiv, inqabdu jaċċettaw il-ħlas biex jużaw l-influwenza tagħhom. Din mhix l-ewwel darba li politiċi Ingliżi nqabdu jbigħu l-aċċess tagħhom għal poter jew inkella jbagħbsu fit-talbiet li jagħmlu sabiex jieħdu lura l-ispejjeż li jkunu għamlu. Imma bħalma ċ-ċiklisti ma jitgħallmu qatt ma jużawx id-droga, donnhom anke l-politiċi ma jitgħallmu qatt ma jabbużawx mill-poter li jiġu fdati bih, poter li spiss jittraduċi ruħu f 'aċċess għal flus u privileġġi oħra. L-amministrazzjoni tal-pajjiż hija l-amministazzjoni tal-ħaġa pubblika, tar-repubblika. Jekk tali amministrazzjoni ma tkunx ġusta u retta, il-pajjiż jaffaċja problemi li forsi fil-bidu mhumiex daqshekk apparenti. Imma fattur importanti fid-deċiżjoni ta' kwalunkwè imprenditur jekk jinvestiex jew le, speċjalment jekk ma jkunx tal-post, hija kemm il-pajjiż ikun immexxi korrettamentt. Wieħed m'għandux jistenna l-ħolqien tal-ġid fejn tirrenja l-arbitrarjetà u titkasbar is-saltna tad- dritt. Kwalunkwè gvern li jrid verament jippromwovi l-ġid ekonomiku tal-pajjiż irid iżomm dan kollu f 'moħħu : mhux biżżejjed li tnaqqas it-taxxi u t-tariffi tad-dawl u l-ilma imma huwa meħtieġ li tissawwar klima ta' serenità, trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet amministrattivi u ekwità. Jekk il-gvern jonqos li jagħmel hekk, inevitabilment ikun hemm reperkussjonijiet kemm fuq il-pjan politiku, kif ukoll fuq dak ekonomiku. Dan rajnih ukoll f 'pajjiżna fil-passat, u xejn ma jeskludi li jerġa' jiġri hekk fil-futur. Il-Gvern preżenti tela' fil-poter bl-għajta li ser ikun differenti min dak ta' qablu li wara snin twal fil-poter kien qed jiġi akkużat b'diversi istanzi ta' korruzzjoni jew ta' prattiċi amministrattivi ftit ċari. Wiegħed it-trasparenza fit-teħid tad- deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħaġa pubblika u li ma ma jispiċċax ingarbuljat fit-tip ta' skandli li ħażin jew tajjeb, ġustament jew inġustament, spiċċa l-predeċessur tiegħu. U tela' bl-akbar maġġoranza ta' voti mill-Indipendenza 'l hawn. Għaldaqstant, wieħed ma jistax ma jesprimiex diżappunt qawwi wara li jkun qara r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal- Awditjar dwar ix-xiri da parti tal-gvern tal-ħamsin sena li kien baqa' miċ-ċens li l-gvern stess kien ta tal-KafèPremier. Id-dettalji ta' dan in-negozju li ġie konkluż ftit ġimgħat biss wara l-bidla fl-amministrazzjoni issa saru magħrufin sew wara l-imsemmi rapport tal-Awditur- Ġenerali. U kull min għandu rasu fuq għonqu, kull min xi darba kellu x'jaqsam mal-amministrazzjoni u speċjalment mad-Dipartiment tal-Art u kull min kellu jagħti l-flus f 'xi forma jew oħra lill-Gvern ma jistax ma jkunx ferm perpless b'dak li qara u sema'. Il-kumpanija li ħadet iċ-ċens tal- Premier, Cities Entertainment Ltd ma kellhiex suċċess fin-negozju u għamlet telf kbir. Spiċċat b'dejn ta' xi €2.2 miljun mal-bank u ta' ċirka € 850,000 ma' bosta entitajiet pubbliċi fosthom id-Dipartiment ta' l-Art imma anke d-Dipartiment tal-V.A.T. u tat- Taxxi. Dawn tal-aħħar huma djun li kienu jibqgħu responsabbli għalihom personalment iż-żewġ diretturi tal- kumpanija, il-Kavallier Neville Curmi u l-Kavallier Mario Camilleri. Wara li ma ġewx irrispettati diversi ftehim sabiex jitħallsu l-arretrati taċ-ċens, id-Dipartiment tal-Art għamel kawża ftit xhur qabel l-elezzjoni sabiex jiġbor l-arretrati u jwaqqa' ċ-ċens. Minkejja din il-kawża, fit-8 ta' Marzu 2013, lejliet l-elezzjoni ġenerali, il-Kafè Premier għalaq il-bieb għal dejjem. Id-diretturi ppruvaw jevitaw il-katastrofi finanzjarja: il-Kavallier Curmi nnegozja ftehim għall-bejgħ tal-kumpanija lil Anġlu Xuereb bil-prezz ta' €3.5 miljun. Il-Kavallier Camilleri ma marx għall- firma ta' dan il-ftehim għax intant kien beda jinnegozja mal-Prim Ministru l-bejgħ tal-post u dan minn wara dahar sieħbu l-Kavallier Curmi. Fil-fatt, għal ftit ma rnexxilux jixtri sehem il-Kavallier Curmi għall-prezz modest ta' €150,000 imma dan il-ftehim ma seħħx għax il- Kavallier Curmi kien ser jibqa' mgħobbi bil-garanziji bankarji. Kien f 'dan il-punt li l-Kavallier Camilleri kixef il-karti u informa lill-Kavallier Curmi bin-negozjati li kienu għaddejjin mal-gvern. Dawn in-negozjati bdew b'pożizzjoni reċiproka apparentement irrekonċiljabbli: il-kumpanija fil-bidu talbet €5.3 miljun mentri l-gvern offra €3.3 miljun. F'temp ta' ftit ġimgħat, bejn Lulju u Settembru 2013, b'simetrija u veloċità impressjonanti, il-partijiet laħqu ftehim bil-prezz ta' €4.2 miljun li kienu jinkludu €504,000 taxxa li ma kinux ser jitħallsu kieku nbiegħet l-kumpanija. B'hekk, iż-żewġ kavallieri tagħna spiċċaw daħlu xi €200,000 aktar milli kieku sar il-ftehim ma' Anġlu Xuereb. U l-Gvern biex ġabar €850,000 spiċċa jħallas €2.85 oħra li permezz tagħhom iż-żewġ kavallieri ħallsu jew ser iħallsu sa Jannar 2016 id-dejn tal-bank ta' €2.2 miljun, l-avukati tħallsu ukoll €20,000 li evidentement ma tantx fdaw u riedu jitħallsu mill- ewwel mingħand il-gvern u xi €3,200 tħallsu lill-Golden Harvest. Barra minn hekk, iż-żewġ kavallieri ħadu ukoll bejniethom €423,000 li bihom kellhom iħallsu kredituri oħra waqt li l-Kavallier Camilleri ħa għalih waħdu s-somma ta' €210,000. Dwar din is-somma li inċidentalment hija 5% tal-prezz totali tan-negozju sar ħafna diskors u anke l-Awditur Ġenerali għamel sforz kbir sabiex jifhem x'kienet ir-raġuni vera għat-tali ħlas. Il-Kavallier Camilleri saħaq li dan kien jikkostitwixxi l-ħlas lura minn parti mis-self tiegħu lill-kumpanija. Kieku dan kien minnu, u kif ser naraw m'hemmx dubju li l-Kavallier Camilleri ftit japprezza l-virtù li wieħed jgħid il-verità, kieku kienet tkun sitwazzjoni tassew inkredibbli fejn investitur m'hux biss jinqala' mid-dejn li jkollu mal-bank kif ukoll ma' entititajiet pubbliċi li minħabba fihom ċittadini anqas ixxurtjati mill-kavallieri tagħna spiċċaw il-ħabs, imma anke jieħu lura s-self li jkun ħareġ għall-kumpanija falluta tiegħu. Il-Kavallier Camilleri pprova jiġġustifika ruħu billi stqarr li huwa kien investa inizjalment € 465,000 fil-kumpanija. Imma sieħbu l-Kavallier Curmi ppreżenta lill-Awditur-Ġenerali kopja ta' riżoluzzjoni tal-bord tad-diretturi ta' Cities Entertainment fejn ġie ddikjarat li dan il-ħlas kien senserija lill-kumpanija tal-Kavallier Camilleri talli rnexxielha tikkonkludi n-negozju mal-gvern. Wieħed qajla jista' jikkontempla l-assurdità ta' sitwazzjoni fejn azzjonist tal-venditur jispiċċa jieħu senserija ta' €210,000. B'din l-istorja, il-Gvern għamel dak li bosta gvernijiet oħra ġew akkużati li wettqu meta salvaw il-banek f 'diffikultà: ipprivatizza l-qligħ u nnazzjonalizza t-telf. Mur ġib kieku xi ħadd imiss il-qligħ li jagħmel il-monopolju tal-lottu pubbliku li tiegħu l-Kavallier Camilleri huwa azzjonista importanti. Xejn ma jiffoka l-moħħ tal-imprenditur daqs il-prospett ta' falliment u jekk min ifalli jispiċċa jingħata salvawomo mill-gvern, kemm il-finanzi pubbliċi kif ukoll il-kultura imprenditorjali jsoffru. Mill-banda l-oħra, l-anqas mhuwa ġust li salvajna żewġ kavallieri u nħallu għexieren oħrajn jitkeċċew mill-fabbriki u jitqaddu Kordin sakemm iħallsu l-VAT. Il-klassi politika trid tagħti rendikont ta' għemilha lill-elettorat. Minkejja rebħa elettorali enormi, stejjer bħal din jikkontribwixxu għall-erożjoni gradwali tal-fiduċja pubblika fil-gvern. Wieħed irid jevita ripetizzjoni tal-każ ta' Tony Blair li tela' bl-għajta li jrid inaddaf l-amministrazzjoni pubbliku mill-kultura ta' "sleaze" li kienet tippermeaha fl-aħħar snin tal-amministrazzjoni ta' John Major imma llum spiċċa ftit stmat mill-opinjoni pubblika. Imma fuq kollox, din l-istorja turi kemm naqsu l-kaptana taċ-ċivil, l-individwi li huma fdati biex jiggwidaw lill-politiċi u jgħinuhom ma jwettqux żbalji. Il-komportament tal-kap taċ-ċivil ma tantx kienet eżemplari meta bl-ebda mod ma nvolva lid-dipartiment tal-art fin-negozjati u b'memorandum lill- Kabinett xejn komprensiv, u mingħajr ma elenka l-għażliet kollha li kellu l-gvern. Is-segretarju permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi jidher li ma teptipx għajnejh meta qalulu kemm ser jiswa dan il-ftehim minkejja li huwa magħruf kemm kien iżomm iebes fil-passat sabiex il-gvern ma jdaħħalx nies miegħu. U l-Kap tad- Dipartiment tat-Taxxi ta l-parir li l-gvern iżid il-prezz ħalli jikkumpensa għat-taxxa li kellha titħallas sabiex li jevita li tingħata esenzjoni mit-taxxa li tista' toħloq problemi mal-UE dwar l-għajnuna tal- istat. Mill-banda l-oħra, id-dipartiment tal-VAT ma kkonvinċiex lill-Awditur Ġenerali għala naqqas it-taxxa li kellha titħallas u ma għamel l-ebda sforz sabiex jiġbor lura xi €60,000 li kellu jiġbor wara li nbiegħ il-post. L-unika xaqq ta' dawl huwa li għandna istituzzjoni, dik tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Awditjar li hija tassew indipendenti u għamlet rapport tassew eżawrjenti u preċiż. L-amministrazzjoni pubblika taf taħdem u għalhekk, meta tonqos li tagħmel hekk, is-sens ta' diżappunt ikun ferm ikbar. It-tama hi li l-każ tal-Kafè Premier huwa każ iżolat imma ż-żmien jurina jekk dan hux il-każ jew le. Iż-żmien jurina wkoll kemm tassew hemm volontà politika biex ma jinħmewx qassatat oħra bħal tal-Premier li jiswew qares kemm lill-poplu kif ukoll lill-klassi politika. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Ipprivatizza l-qligħ, innazjonalizza t-telf JOE ELLIS Boris Nemtsov, wieħed mill-akbar kritiċi tal-president awtoritarju Russu, Vladimir Putin