Illum previous editions

illum 8 march 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/475087

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 31

Il-Ħadd 08 ta' Marzu 2015 | illum 9 daqqiet ta' stallett u l-fatt li l-arma tħalliet fuq il-post tad- delitt – ma kienx hemm dubju li l-Pulizija riedu jfittxu xi ħadd ta' nazzjonalità Għarbija. Meta l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat sabu l-arma mċappsa bid-demm, kien hemm tama li d-demm ma kienx biss tal-vittma, iżda wkoll anke tal-aggressur l-aktar meta ġie stabbilit li l-mejjet kellu feriti ta' difiża. Il-Pulizija kienu għamlu diversi arresti, fosthom dawk kollha li kienu jgħixu fil-guest house f 'Tas-Sliema fejn kien jgħix il-vittma, iżda l-Pulizija baqgħu ma waslu mkien. Suspett fuq Libjani oħrajn L-iktar persuni li kienu ta' interess għall-Pulizija kienu ċirku ta' persuni kollha ta' nazzjonalità Libjana. L-investigaturi kienu viċin li jaslu kemm għall-mottiv kif ukoll biex jarrestaw xi persuni. L-aktar persuna li l-Pulizija kellha suspetti fuqu kien ċertu Ibrahim Zof Mohamed, Libjan li kien jgħix Malta flimkien ma' ħuh Haithem Ali Souf Cithachawi. Ibrahim Zof Mohamed kien spiċċa bla flus biex imantni lilu nnifsu u lanqas kellu fejn joqgħod u kien jaf li l-Awtoritajiet Maltin kienu se jkeċċuh minn Malta. Għaldaqstant huwa kien talab u ngħata kenn fl-Ambaxxata Libjana f 'Ħal Balzan. Is-suspetti li kellhom il-Pulizija f 'Ibrahim kienu minħabba li ġurnata qabel ma Amer Hirsham inqatel, dawn kellhom argument sħun fuq il-post tax-xogħol. Meta l-Pulizija avviċinaw lil Ibrahim, innuttaw li kellu idu nfaxxata u dan kompla qajjem aktar suspetti. Meta kien mistoqsi x'kien ġralu, huwa qal li kien waqa' fuq ix-xogħol u saħaq li kien eżamint minn tabib li anke tah injezzjoni kontra t-tetnu. Kemm Ibrahim kif ukoll ħuh kienu taw ix-xiehda tagħhom fl-inkjesta quddiem il-Magistrat Dr Noel Cuschieri, illum Imħallef. Minkejja s-suspetti li l-Pulizija kellhom f 'Ibrahim, ma kellhomx dik il-prova li setgħu jpoġġuh fuq ix-xena tar-reat. Ibrahim Zof Mohamed kien ħalla Malta nhar is-Sibt, 7 ta' Settembru 1996, 18-il ġurnata wara il-qtil ta' Amer Hisham Ali Mohammed. Min-naħa l-oħra l-investigaturi qatt ma eskludew il-fatt li min qatel lil Amer Hisham kien ħalla Malta sigħat wara l-qtil. Applika għal estenzjoni tal- viża Biex il-Pulizija jaslu għall- qattiel riedu l-ewwel ikunu jafu aktar dwar il-vittma u l-movimenti tiegħu. Wara jiem ta' investigazzjonijiet intensivi, il-Pulizija saru jafu aktar dwar il-karattru ta' Amer Hisham. Sar magħruf li xi jiem qabel inqatel, kien applika biex il-Pulizija tal- Immigrazzjoni jestendulu l-viża għal xahar ieħor. Amer Hisham kien ilu Malta madwar disa' xhur u kull darba li talab biex tiġġeddidlu l-viża qatt ma sab problemi. Bejn Marzu u April 1996, il-viża Amer Hisham kienet skaditlu u minħabba li kien applika wara li l-viża skadietlu, x'aktarx li t-talba tiegħu kienet irrifjutata u ried bilfors joħroġ mill-pajjiż, anke għal perjodu qasir. Għaldaqstant Amer kien mar għal xi jiem Tuneż u reġa' daħal Malta f 'April stess. Xi jiem qabel inqatel kien reġa' applika għal estensjoni tal-viża - liema applikazzjoni kienet instabet fil-but ta' wara tal-jeans li kien liebes meta nstab maqtul. Amer Hisham kien qed jibża' jmur lura lejn Tripli minħabba problemi politiċi li kien daħal fihom. Iż-żagħżugħ kien membru tal-Moviment Fundamentalista Islamiku u kien jitkellem b'mod apert kontra l-Mexxej Libjan ta' dak iż-żmien, il-Kurunell Muammar Gaddafi. Imfittex mill-Awtoritajiet Libjani L-Awtoritajiet Libjani riedu lil Amer Hisham imur lura lejn il-Libja għalkemm qatt ma kien magħruf għaliex riduh. Peress li Hisham baqa' hawn Malta u ma resaqx lejn pajjiżu, konxju bl-inkwiet li kien se jiffaċċja, kienu l-Libjani li bagħtu uffiċjal hawn Malta. Madwar ġimagħtejn qabel ma nstab maqtul Amer Hisham, kien ġie Malta uffiċjal Libjan li x'aktarx kien Pulizija tas- Servizz Sigriet Libjan. Fil-15 ta' Awwissu 1996, nhar Sant Maria 1996 u erbat ijiem qabel ma nqatel Amer Hisham, dan l-uffiċjal mar ifittex lil Amer Hisham f'guest house fejn kien joqgħod fi Triq Gorg Borg Olivier f 'Tas-Sliema. Dak il-ħin Amer ma kienx fl-appartament, iżda l-uffiċjal Libjan kien tkellem ma' sitt Libjani, Tuneżin u Marokkin li kienu jgħixu fl-istess post. Dawn kollha kkoperaw mal-uffiċjal Libjan u kollha pproduċew il-passaporti u d-dokumenti tagħhom biex ikunu identifikati. Il-Pulizija Maltija kienet għamlet minn kollox biex tidentifika min kien dan l-uffiċjal iżda nifhmu li dan baqa' qatt ma nstab. Ingħata parir biex ma joħroġx mill-appartament Ħabib ta' Amer Hisham, li kien joqgħod fl-istess appartament miegħu, kien mhux biss talbu biex joqgħod attent, imma saħansitra kien insista miegħu biex dak il-lejl tal-20 ta' Awwissu 1996 ma joħroġx mill- appartament. Meta dan il-Libjan kien interrogat mill-Pulizija Maltija, huwa kien ammetta li kien wissa lil sieħbu biex joqgħod ġewwa, iżda meta kien mistoqsi għal diversi drabi għaliex ma riedx lil sieħbu joħroġ, kulma rrisponda kien li riedu joqgħod fil-kumpanija tiegħu. Dan kien qal ukoll li mhux l-ewwel darba li ta parir lil Amer biex ma jitkellimx fil- beraħ kontra l-Mexxej Libjan (Gaddafi) u anke talbu jqaxxar il-leħja li hija sinonimu mal- Fundamentalisti Islamiċi. Iżda Amer webbes rasu u kien attiv sew u għalhekk baqa' jinjora l-pariri ta' sieħbu. Dakinhar li Amer inqatel kien wasal lura mix-xogħol, fejn kien jaħdem ma' kumpanija tal- kostruzzjoni, u wara li nħasel ħareg mill-appartament waħdu xi ħin wara s-6pm. Mhux magħruf fejn mar. Peter Jones, li nqatel fl-1997, identifika l-vittma Il-guest house fejn kien joqgħod Amer Hisham fi Triq Gorg Borg Olivier f 'Tas-Sliema kienet proprjetà ta' Peter Jones. Fis-7 ta' Diċembru, 1997 Peter Jones kien instab maqtul ukoll b'diversi daqqiet iżda l-arma li ntużat kien imqass mhux stallett. Fl-istess appartament fejn kien joqgħod Amer Hisham kien ukoll qed joqgħod wieħed mis-suspettati li qatlu lil Fathi Shqaqi, delitt li seħħ fis-26 ta' Ottubru 1995. Kemm il-qtil ta' Jones kif ukoll ta' Shqaqi, diġà ġew ippubblikati f 'din il- gazzetta. Kien l-istess Peter Jones li meta kien mitlub mill-Pulizija biex jiddentifka l-katavru, kien mar fil-kamra mortwarja tal-Isptar San Luqa u identifikah bħala Amer Hishami, wieħed mill- inkwelini. Missier il-vittma ħassu li kien it-tort tiegħu Dr Ali Mohamed Amer, missier Amer Hishami, kien ġie kkwotat jgħid li huwa jemmen li ibnu nqatel minħabba t-twemmin politiku tiegħu stess. Iżda peress li t-tifel ma kienx qed jgħix fil-Libja u għalhekk ma seta' jagħmel ebda' deni lil ħadd, ma setax jifhem għaliex ibnu nqatel brutalment. Dr Amer kien ġie Malta biex isegwi mill-qrib l-istħarriġ tal-Pulizija. Minkejja t-trawma li kien għaddej minnha huwa xorta waħda ried ikun jaf fejn instab maqtul ibnu u kien ittieħed fuq il-post fejn inqatel ibnu. F'ħin minnhom deher jitbaxxa u ġabar ġebla li dehret li kienet imċappsa bid-demm, x'aktarx ta' ibnu. Kienet xena kommoventi meta deher iħares lejn il-ġebla, għafasha miegħu u poġġiha fil- but tal-ġlekk. Dr Ali Mohamed Amer kien qal li ibnu kien ħalla Tripli fl-1 ta' Jannar, 1996 fejn kellu jiġi Malta għal perjodu qasir ta' madwar tlett ijiem biex jixtri xi affarijiet. Miegħu kien ġab $1,500 (madwar €1,340 illum), iżda Dr Ali qal li wara sar jaf li xi ħadd kien seraqlu dawn il-flus. Għalkemm it-tifel kien qallu li kien se jdum ftit ieħor hawn Malta, il-missier ħass li ibnu ma kienx se jirritorna lejn il-Libja minħabba t-twemmin tiegħu u li kien kontra l-mod kif kien qiegħed imexxi l-pajjiż il-Mexxej Libjan. Amer Hirsham kellu ħames ħutu oħrajn, żewg subien u tliet ibniet. Huwa kien it-tielet fost l-aħwa b'ħuh il-kbir iggradwat fl-Inġinerija Elettrika wara li attenda kors f 'Malta. Missieru kien tabib u kien uffiċjal għoli fil-Ministeru tal-Agrikoltura fi Tripli. Bħall-każ tal-qtil ta' Fathi Shqaqi, nafu li dan il-każ huwa kważi impossibli biex ikun solvut. Iżda minkejja dan xorta waħda bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Appell Ritratti: Bibljoteka Nazzjonali Ix-xena tad-delitt bil-vittma wiċċu 'l isfel stallett fl-1996 mis-suspettati ħalla Malta 18-il ġurnata wara "Amer Hisham kien qed jibża' jmur lura lejn Tripli minħabba problemi politiċi li kien daħal fihom"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 8 march 2015