Illum previous editions

ILLUM 11 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1050746

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 Intervista Il-Ħadd 11 ta' Novembru 2018 | illum affarijiet ħafna ikbar ma rreżenjawx' f 'każi partikolari bħal meta l-mara jkollha mard. Il-liġi l-ġdida se tagħmel l-iffriżar in-norma għax minn ħamsa, tnejn biss se jkunu impjantati fil-mara. Allura qed toħloq trabi u titfagħhom fil-friża." Imma l-Gvern diġà qal li dawk l-embrijuni jistgħu jkunu adottati. "Il-kunċett tal-adozzjoni hija frott sfortuna, mhux noħloq it-tfal biex ikunu adottati. Ikunu adottati meta sfortunatament mietu l-ġenituri jew sfaw abbandunati. Mhux faċli tfihem lit-tfal li kienu adottati," qal Fenech. X Factor: 'Inkisru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem żgur' Intant mingħajr ma nistaqsih, l-intervista ddur fuq il-kwistjoni ta' Matthew Grech u l-'audition' tiegħu fuq X Factor, ġimgħa wara li din il-gazzetta żvelat kif Ivan Grech Mintoff f 'isem Matthew Grech kienu qed jheddu b'azzjoni legali. "Jiena ħriġt ngħid li l-Gvern għamel żball li ħareġ jikkundanna lil Grech. L-ewwel nett hemm kwistjonijiet ta' libertà reliġjuża u anke libertà tal- espressjoni." Fenech jistaqsi x'soċjetà hi din fejn, skontu, kulħadd jista' jgħid li jrid ħlief min huwa Nisrani. Imma allura bl-istess argument, il-Ministru Helena Dalli ma kellhiex dritt tikkritika lil Grech? "Għandha dritt iva. Imma hi l-istat, mhux persuna kwalunkwe," qal Fenech illi sostna li dik tal-Gvern għal Matthew Grech kienet 'over reaction'. Imma Fenech jemmen li kien hemm pressjoni mill- Gvern kif qed jallega Ivan Grech Mintoff? "M'għandix dubju, fil-fatt fil-Parlament l-implikazzjoni kienet ċara." U jaqbel ma' Grech Mintoff li l-kwistjoni għandha titla' quddiem il-Qorti? "Jien avukat m'iniex imma d-drittijiet fundamentali tal- bniedem inkisru żgur." 'Ir-realtà tal-proprjetà qed tiggrava' Hu kien Ministru tal- Finanzi. Nistaqsih x'jaħseb dwar l-aħħar Baġit u mill- ewwel jgħid illi fil-pajjiż bħalissa waħda mill-aktar kwistjonijiet ta' tħassib hija l-proprjetà. "Illum hija realtà soċjali li qed tiggrava. Illum koppji qed imorru għal postijiet li huma iżgħar u iktar 'il bogħod minn fejn riedu minħabba l-prezzijiet. Allura dik kwalità ta' ħajja aħjar?" jistaqsi. Imma Fenech mhux qed isemmi l-fatt li 80% tal- poplu huwa sid ta' daru u allura għandhom ass li jiswa ħafna iktar flus. "Sewwa mela din id-dar żdiditilha l-valur. Jiena ma nista' nagħmel xejn b'dan il-valur jekk mhux inbigħ id-dar li qed ngħix fiha. Issa jekk se nixtri dar oħra se tiġini l-istess prezz (jew ogħla) allura fil-verità bqajt fejn kont." Jitfa' botta politika u jgħid: "Tajjeb li 80% sidien ta' darhom, imma mhux grazzi għal dan il-Gvern li għandna 80% li huma sidien darhom. Grazzi għal gvernijiet differenti, Nazzjonalisti u anke ta' żmien Mintoff li għamlu politika biex in-nies isiru sidien ta' darhom." Insemmilu l-white paper, imma jgħid li din mhi se tbiddel xejn. Mela x'jista' jagħmel il-Gvern? Ma jistax jikkontrolla. "Dak li dejjem għamel Gvern preċedenti. Il-Gvern irid jinfluwenza s-suq billi jibni appartmenti affordabbli fuq art tal- Gvern, għax l-art pubblika mhux għal tad-DB biss qiegħda. Kif gawdiet il- familja tiegħi fil-passat meta ngħatat post mill-Gvern. Għaliex waqafna llum?" 'L-elezzjoni tal-MEPS hija l-veru test' L-intervista riesqa lejn tmiemha u allura l-aħħar suġġett inevitabbli jkun il-Partit Nazzjonalista. Jaħseb li l-PN kien ħaqqu t-telfa tal-2017? "Jiena ma stennejtx li d-distakk se jibqa' daqstant kbir. Imma b'ekonomija sejra tajjeb u bi gvern fl-ewwel leġiżlatura, kont naf li se jitla' l-Partit Laburista. Jiena naħseb illi d-distakk kien daqstant kbir għax il-korruzzjoni baqgħet l-unika messaġġ tal-partit u allura jista' jkun li n-nies li kienu lesti jbiddlu l-Gvern għax kien imċappas, kienu jivvutaw PN kieku ta l-alternattivi ekonomiċi. Il- PN ma kellux risposta tajba biżżejjed għall-mistoqsija dwar x'kien se joffri differenti." Adrian Delia jitkellem ħafna fuq kwistjonijiet li jolqtu lin-nies, imma xorta mhux qed jagħmel wisq avvanz fis-sondaġġi. Għandu jibqa' Kap tal-PN? "Bl-istruttura ta' kif isir kap ta' partit hu għandu kull dritt jibqa' hemm sakemm jitlef elezzjoni ġenerali. Issa l-mazz f 'idejh..." Fenech ikompli jinsisti li l-veru test hija l-elezzjoni tal-MEPs is-sena d-dieħla. "Naħseb imma li l-partit ma jistax jirbaħ jekk ma jidhirx magħqud u jekk mhux se jkun magħqud se jkun qed jaħli l-ħin." Imma jekk is-sena d-dieħla jerġa' jiżdied id-distakk x'għandu jagħmel Delia? Għandu jitlaq? "Jekk id- distakk jerġa' jiżdied il-partit ikollu jagħmel eżami tajjeb tal-kuxjenza, lil hinn mill- Kap. Partit qatt ma jirbaħ biss bil-Kap, irid ikun sforz sħiħ, naraw il-kwistjonijiet li qed jitkellem dwarhom, hux qed jitwemmen u ħafna iktar." Imma qed jitwemmen? "Jiena niltaqa' mal-estremi kollha, min iridu lil Delia u min jaħseb li l-PN għamel żball." 'M'iniex interessat' Din il-gazzetta staqsiet lil Fenech jekk hux beħsiebu jikkontesta l-elezzjoni jew jerġa' jidħol fil-politika bir- risposta tkun fin-negattiv. "M'għandix interess. Kieku ridt noħroġ fl-aħħar elezzjoni kont nitla' minn żewġ distretti imma jien għażilt li daqshekk." "Jiena kburi li għamilt 10 snin immexxi l-finanzi tal-pajjiż u m'hemmx akkuża waħda li hi waħda ta' korruzzjoni u minn taħt idejja għaddew tenders ta' miljuni kbar," sostna Fenech. "Meta l-Labour kien fl-oppożizzjoni riduni nirreżenja fuq arloġġ, imma fuq stejjer ħafna akbar...m'għandi xejn fuq il-kuxjenza." Ritratt: James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 11 November 2018