Illum previous editions

ILLUM 11 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1050746

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

Q isu lbieraħ. Kull darba li niftakar, inħoss dehxa bard tiela' max-xewka ta' dahri li tħallini kważi pparalizzata bil-biża'. Meta noqgħod naħseb x'seta' ġara...x'seta' kien? U jkolli naqsamha magħkom. Ħalli hekk anke intom tkunu tafu minn xiex għaddejt. Dakinhar. Dak il-lejl partikolari. Lejl ta' xita. Sajjetti. Bard. Riħ ivenven minn kullimkien. Il-qamar ma kontx tarah fis- sema. Baħħ. Kullimkien baħħ. U kos, toqgħod taħseb, kienu għadhom s-sitta ta' filgħaxija. Imma fix-xitwa dejjem jidlam kmieni. U dik il-misħuta siegħa, aktar tħalli mpatt fuq il-ħin il-ġdid tax-xitwa. Bilkemm kont inkun għadni ħriġt mix-xogħol, ix-xemx kienet tkun ilha li parpret, u s-sema kienet tkun mudlama mhux ftit. Kien Novembru. Meta noqgħod niftakar, inħoss li dik ix-xitwa kienet l-agħar waħda li qatt kienet għamlet. U mhux hekk biss. Anke għalija. U għal binti Mandy. Mhux faċli trabbi tifla waħdek. Kont għadni qiegħda nissepara minn ma' Ted u għalkemm qabel bilkemm kont ninduna bih, bilkemm kont inħoss li kien f 'ħajti, meta ġejt biex inħassar minn miegħu, indunajt. Indunajt xi jfisser ikollok raġel id-dar. Jaqsam il-piż tal-ulied. Qabel konna nlaħħqu mal- 'iskeda' perfetta li kont drajt fiha. Xogħol. Privat tat-tifla. Skola. Żfin. Kant... U l-ħajja kienet għaddejja b'mod normali. Imma kemm kont ilni li bgħatt lil Ted isaqqi l-ħass tal-Marsa, minħabba l-vizzju tax-xorb li kellu, kont spiċċajt bi 'skeda' ta' ġenn organizzat. Eżatt malli noħroġ mill-bieb tax-xogħol, kien ikolli elf impenn. Żfin? Kant? Privat? Fejn suppost nieħu lit-tifla? Kont ippruvajt inħażżeż kollox b'mod normali fuq tip ta' djarju. Imma jiena qatt ma kont persuna organizzata. Qatt ma kont kapaċi norganizza l-appuntamenti li kien ikolli b'mod tajjeb. Għid illum Caroline (għax hekk jisimni) se tinsa xi ħaġa! Nipprova ta... tifhmunix ħażin. Imma m'iniex mara ta' skola u għalkemm kont nipprova nifhem dawk l-imberkin somom fuq il- blekbord, il-lingwa Ingliża u dik Taljana u s-suġġetti l-oħra... moħħi kien jittradini. Xejn ma kien ikun jista' jidħol! Meta kont iżżewwiġt lil Ted, kont ħsibt li sibt il-kuntentizza u l-ferħ. Imma x-xorti tal- bniedem kultant tidħaq bih. U lili hekk kien ġrali! Bintna Mandy twieldet wara ftit, u propju dak iż-żmien, kont indunajt li Ted ma kienx maqtugħ għaż-żwieġ! U kelli nipprova nidra waħdi. Nipprova nieħu ħsieb lit-tifla bl-aħjar mod possibbli. Inwassalha 'l hawn u 'l hemm; appuntamenti, lezzjonijiet u kull post li ikun hemm bżonn li neħodha. U dakinhar, kont qiegħda nħossni mkissra. Ġurnata sħiħa xogħol, bilkemm kont għadni nara sew. Kont ħriġt inħaffef mill- bieb tax-xogħol, inħares lejn l-arloġġ li kelli mdawwar ma' idi. Illum Mandy kellha l-privat tal-Ingliż. Dak kollu li jiena ma kontx stajt indaħħal f 'moħħi meta kont żgħira, kont qiegħda nagħmel mod li nagħtih lil binti. Mill-post tax-xogħol sal-karozza ġrejtha, avolja l-irkiekel ta' dahri kienu qegħdin jiżlugaw xi ftit, u sieqi l-leminija kienet qiegħda tuġagħni. Ridt inwassalha. Kien sar ħafna ħin! Soqt kif stajt f 'dak it-traffiku, wasalt eżatt quddiem id-dar ta' ommi, sibthom hemm barra jistennewni, it-tnejn li huma mingħajr tbissima, iħarsu lejja b'mod li riedu juruni li kont qiegħda tard. Bla ma kellimthom, ftaħt il-bieba tal-karozza, binti daħlet tħaffef fiha u tlaqt ta' malajr lejn il-post fejn is-soltu neħodha għall-privat tal- Ingliż. Ma tantx kien bogħod, imma kien l-agħar ħin għat- traffiku. Xħin wasalna quddiem id-dar tal-għalliema, kont qiegħda nħoss il-vini ta' moħħi jridu jaqbżu u saqajja kienu ġġammjaw fuq il-pedali tal-karozza. Malli rajt lil binti titbissem u ħierġa 'l barra mill-karozza, sellimtilha u ftehmna li siegħa u nofs wara kont ser niġborha fl-istess post. Tajjeb! Kelli ċans immur inħaffef sal-ħanut u nixtri l-ikel li kont beħsiebni nipprepara f 'dik il-lejla stess. U hekk ma kontx ser nitlef ħin! It-triq għal għand tal-merċa ma tantx kienet imbiegħda. Iżda xħin wasalt, qajla stajt insib parkeġġ...kullimkien kien mimli karozzi. Imma fl-aħħar, wara li ħassejtni kważi naqta' nifsi, sibt parkeġġ, u ftit ħin wara kont ħierġa minn ġol-ħanut b'żewġ basktijiet tal-karti kbar f 'idejja, mimlijin sa ruħ ommhom. Poġġejt il-basktijiet fil-bagoll tal-karozza u startjajtha. U kien dak il-ħin li nħsadt! Mhux ftit! Ifhem, mhux l-ewwel darba li kont waqaft bil-karozza minħabba li ma kontx inkun tajtha diżil! Imma qabel kont inċempel lil Ted, u għalkemm kien igerger u jeqred mhux ftit, kien jiġi għalija u jwassalni. Imma issa ma kelli lil ħadd. Ommi ma kinitx issuq. U jiena minn dejjem kont persuna maqtugħa għalija waħdi. Il-karozza kienet ser tieqaf daqt! Għal mument, bqajt hemm bl-istering f 'idejja, inħares iċċassata 'l quddiem! Lanqas kelli biżżejjed diżil biex nasal sal-ewwel pompa tal-petrol! U tgħidx kemm kien sar ħin! Issa x'kont ser nagħmel? U kien dak il-ħin... Propju dak il-ħin... Sajjetta. Ragħad. Xita. Ir-riħ kien qed jiżdied ġmielu. Soqt kif stajt lejn il-pompa, kważi nżomm in-nifs ħalli jekk tieqaf il-karozza nkun nista' ninduna. U kieku kont ser ninduna, kien ser jinbidel xi ħaġa? X'kont ser nagħmel? Niġri fix-xita? F'dan id-dlam ċappa? F'dan ir-riħ? Maltemp? "Inti traskurata!" stajt kważi nisma' leħen ommi ċċanfarni. U kont naf li kont ser nasal tard għat-tifla! U wasal fil-pompa tad-diżil! Għall-erwieħ! Inżilt mill-karozza. U dak il-ħin, lanqas biss kont rajtu. Kont mehdija nagħti d-diżil lill-karozza, biż- żennuna tal-pompa f 'idi. "Sinjura, jekk jogħġbok..." smajt leħen warajja. Ħassejt ruħi taqbeż minn ġol-ġilda ta' ġismi! U ħarist lejh. Kien jidher raġel pulit, imleflef sew f 'ġakketta sewda, liebes żarbun kannella li kien qed ileqq mad-dawl tal- pompa u f 'idejh kellu bagalja sewda mdaqqsa. Imnalla konna taħt it-tisqifa tal-pompa, għax konna nsiru mxarrbin għasra t-tnejn li aħna. "X'għandek bżonn?" staqsejtu. "Waqfitli l-karozza...jekk jogħġbok..." qalli dan ir-raġel, li għalkemm kellu wiċċu mikxuf, bil-barnuża li kellu fuq rasu, bilkemm kien jidher sew. "Jien għall-Għargħur..." ħtaftu fil-pront. "Vera?" smajtu jifraħ kemm kemm. Resaq lejja u rajt għajnejh ileqqu mad-dawl tal-lampa oranġjo li kien hemm faċċata. "U mgħaġġla... mgħaġġla ħafna!" ippanikjajt. "Jien għall-Għargħur ukoll tafx!" qalli b'leħen mitbuq. "La għall-Għargħur, ejja hux..." għidtlu jien, inħoss li bħala ċittadin kelli dover li nwasslu. Forsi kieku ġara hekk lili... Għal mument daħal fis-sedil ta' wara tal-karozza u sakemm poġġejt iż-żennuna tal-pompa tad-diżil f 'postha, rajtu joqloq hemm wara. "Kemm immur b'ġirja sal- kamra tal-banju!" qalli, b'leħen aġitat. Għal mument rajtu jisparixxi wara l-kantuniera. U stennejt. Stennejt ftit ieħor. U stennejt. U xbajt nistenna! Mingħajr ma qgħadt naħsibha darbtejn, startjajt il-karozza u tlaqt minn hemm b'kemm kienet issuq! Mandy kienet qiegħda tistennieni! U kien sar ħafna ħin! Jagħmel hu! Jagħmel hu, ir-raġel tal-bagalja sewda! U wasalt għaliha tard. Sibtha barra tistennieni fil- parapett. Kienet qiegħda tibki. U tinkwieta li seta' ġrali xi ħaġa. U kien dak il-ħin, li rajtha. Fil-ġenb ta' għajnejja. Bagalja sewda fuq is-sedil ta' wara tal-karozza. Ir-raġel kien nesieha warajh! Issa kif kont ser nagħtihielu lura? U malli wasalt id-dar, ħriġtha miegħi. "Issa nsibu ismu u d-dettalji tiegħu minn hawn ġew u nagħuhielu lura..." għidt lil binti, li kienet qiegħda tħares lejja b'għajnejha jixgħelu. U ftaħtha. U ġo fiha ma sibtx kartiera. Ma sibtx karti. Ma sibt xejn relatat mar-raġel. Sikkina u tejp. Dak biss sibt. U qalbi bdiet tħabbat mija mija. Imnalla tlaqt. Imnalla ma stennejtux. Lir-raġel tal-bagalja sewda. illum | Il-Ħadd 11 ta' Novembru 2018 20 Rakkont Sharon Calleja Ir-raġel tal-bagalja sewda

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 11 November 2018