Illum previous editions

ILLUM 3 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1088105

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

14 illum | Il-Ħadd 3 ta' Marzu 2019 L-impenn u s-sagrifiċċji wara l-kuluri tal-kostumi u l-karrijiet Minn Yendrick Cioffi ILKARNIVAL. Ħamest ijiem fejn il-kuluri jirrenjaw, is-serjetà titpoġġa xi ftit fil- ġenb u l-prinjolata u l-perlini jimlewlna żaqqna. Kbar u tfal jerħulha sal-Belt Valletta u jitpaxxew bil-kostumi, iż-żfin u l-karrijiet prominenti li wara xulxin iduru fit-toroq tal-Kapitali. Faċli tintilef fil-kuluri, fid-disinji oriġinali u fil-movimenti ta' karrijiet imponenti u tinsa li dak kollu li qed tara b'għajnejk ifisser immaġinazzjoni, kreattività u ħafna sagrifiċċji ta' artisti voluntiera li wara ġurnata xogħol jerħulha lejn l-imħażen biex fis-skiet, ta' kull sena, iżommu ħaj il-Karnival ta' Malta. Nhar il-Ħamis li għadda, ftit sigħat biss qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Karnival, il-gazzetta ILLUM żaret il-Forti Sant'Iermu fejn minkejja l-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li joffru dawn l-imħażen, għad fadal kumpaniji tal-Karnival li jaħdmu fihom. F'wieħed mill-imħażen sibna l-kuġini Paul Chircop u Stiefnu Debattista, li flimkien waqfu l-Beqqu & Stiefnu Carnival Company u li mal-voluntiera tagħhom kienu għaddejjin bl- aħħar preparamenti. Għalkemm din mhijiex l-ewwel darba li ramaw għal rashom, din is-sena, Pawlu u Stiefnu, ħadu f 'idhom il- kumpanija ta' Pawlu Curmi, magħruf bħala l-Pampalun, li wara 66 sena fil-Karnival ta' Malta, ħass li kellu jieqaf, anke jekk xorta waħda midd idejh. "Il-karru diġà huwa biċċa wġigħ ta' ras. Iżda meta qed tikkompeti b'kumpanija sezzjoni A, ma għandekx karru biss, iżda qed tikkompeti wkoll bil-kostum u ż-żifna," spjegalna Debattista. Il-kliem waqa' minnufih fuq il-maħżen f 'Sant'Iermu. Apparti l-kesħa u l-umdità, il-post huwa limitat, tant li l-karru jkollu jinħadem biċċa biċċa, bid-dilettanti jistgħu biss jimmaġinaw kif se jidher, għax jarawh sħiħ ftit sigħat qabel jibda l-Karnival meta jarmawh barra l-Forti. Fil-fatt, dawn il-voluntiera, qed jistennew bil-ħerqa l-mument li jkun lest il-Villaġġ tal-Karnival fil-Marsa, bl-għan li jkollhom imħażen akbar u attrezzati apposta għall-bini tal-karrijiet u l-ħjata tal-kostumi. "Għalina li narmaw f 'Sant'Iermu nkunu ftit fi żvantaġġ. Aħna limitati ħafna meta niġu biex naħdmu l-karru. Iżda wara kollox, anke jekk kulħadd ikun irid jirbaħ, narmaw biex nieħdu pjaċir," kompla Stiefnu. Kemm ilhom jaħdmu għall- Karnival? Isibu għajnuna? Mistoqsi kemm ilhom jaħdmu għall-Karnival ta' din is-sena, Debattista qalilna li f 'April tas-sena li għaddiet naddfu l-maħżen u minn Mejju bdew minnufih jaħdmu fuq il-karru, jiddisinjaw u jimmaġinaw il-kuluri, il-movimenti u d-dwal, biex aktar tard bdew ukoll jinħadmu l-kostumi u jippreparaw iż-żifna. Iżda karru kemm jiswa flus? "Jiddependi. Naf min jikkompeti b'karru trijonfali u ġieli nefaq €70,000. Din is- sena, nikkalkulaw li missejna t-€12,000." Anke jekk f 'Diċembru, kull kumpanija tingħata sussidju mill-Gvern, Debattista saħaq li ħafna mill-flus iridu jiġbru għalihom huma u saħansitra joħorġuhom minn buthom. Iżda għadhom isibu għajnuna? Iż-żgħażagħ qed imiddu jdejhom? Filwaqt li l-Karnival għadu maħbub ħafna, Debattista saħaq li mhux dejjem isibu żgħażagħ li jkunu lesti jidħlu għal din il-biċċa xogħol li titlob ħafna sagrifiċċji. "Illum ħafna żgħażagħ jippreferu jmorru jagħmlulek part-time biex almenu jkunu jistgħu jissellfu mill-bank. Din affettwatna," qalilna Stiefnu. "Imbagħad hemm min il- Karnival huwa għal qalbu u ħin isib xorta, anke jekk flus ma għandux." Jekk persuna se tiżfen ukoll trid tagħmel ħafna sagrifiċċji u bnazzi jew maltemp trid tkun lesta li tattendi għall-provi. Hawn ukoll mhux dejjem ikun faċli li tgħaqqad grupp ta' madwar 30 żeffien u żeffiena, b'mod partikolari fejn jidħlu l-irġiel, qalilna Debattista. Minkejja dawn l-isfidi, għajnuna dejjem sabu, anke għax fi kliemu, ħafna minnhom ilhom minn meta kienu żgħar ma' Pawlu l-Pampalun, trabbew u kibru flimkien u allura l-Karnival huwa ħajjithom. "Apparti minn hekk, kull voluntier dejjem iġib xi ħbieb miegħu u nassigurak li kull min jidħol hawn jimpressjona ruħu u jkun jixtieq imidd idejh. Is-Sibt u l-Ħadd ġieli konna 30 ruħ hawn ġew." Il-Karnival u l-progress? X'jaħsbu d-dilettanti? Tkellimna wkoll dwar il- progress tal-Karnival Malti, b'Debattista dlonk jurina ħafna ritratti ta' karrijiet. "Qabel kien ikollok pupu, titfa' raġel ġo fih u jagħmel il- movimenti. Illum il-karru kiber, il-movimenti jsiru bil-muturi ta' xi karozza, tal-wipers u ta' elf ħaġa oħra. Għalhekk trid ukoll nies li jifhmu jew dilettanti li kapaċi joħorġu b'dawn l-ideat," qalilna Stiefnu. Madanakollu, filwaqt li saħaq li l-progress huwa importanti, appella biex bħal f 'kollox jinħoloq bilanċ. "Ma ninsewx li t-toroq tal-Belt huma limitati. Jekk se nibqgħu nkabbru, u nżidu l-muturi, id-diesel u ż-żjut, se nżidu wkoll ir-riskju tal-inċidenti. X'se tagħmel fit- toroq dojoq tal-Belt jekk jiġri xi ħaġa? Irridu nsibu bilanċ, għax ngħiduha kif inhi, ikun ħasra jekk il-Karnival joħroġ mill-Belt Valletta." 'Sitt xhur u nqattgħu l-iljieli naħdmu l-kostumi' Iżda l-Karnival mhuwiex karrijiet biss u Kumpanija Sezzjoni A trid tinvesti wkoll ħafna flus u enerġija fuq il- kostumi. Dwar dan, fl-istess maħżen, tkellimna ma' Mario Debono li flimkien ma' ħajjata u dilettanti oħra, fosthom Marthese Caruana, ilhom mis- sajf jiddisinjaw, ifasslu, iħitu u jgħaqqdu l-kostumi. "Ilna sitt xhur, kuljum wara x-xogħol niġu hawn naħdmu sas-sagħtejn ta' filgħodu u s-Sibtijiet nagħmlu l-iljieli," qalilna Debono. Il-kostumista spjegalna kif xogħol il-ħajjata jibda malli l-kumpanija tkun għażlet it-tema, fil-każ ta' din is-sena "Oliver Twist." Minn hemm jibdew jiġu ddisinjati l-kostumi, għax ta' min wieħed ifakkar li f 'kumpanija mhux kulħadd ikun liebes l-istess kostum. Ġeneralment iż-żeffiena jkunu maqsuma f 'erba' gruppi, kull grupp ikollu l-kostum tiegħu u kull kostum irid jinħadem għall- istatura ta' kull persuna. Debono kompla jispjega kif imbagħad ikun imiss li jintagħżel u jinxtara d-drapp. "Mhux se tixxaħħaħ. Jekk se tagħmel xi ħaġa, tagħmilha sewwa. Id-drapp li għażilna din is-sena jiswa ħafna flus u dan biex ma nsemmux aċċessorji oħra, bħall-antaċċoli li bihom inżejnu l-kostumi," kompla jgħidilna l-kostumista. Kemm jiswa kostum? Qed nesaġeraw? Staqsejna lil Debono u anke lil Paul Chircop, li telaq ftit min idu biex ukoll jgħidilna kelma, kemm jiġi jiswa kostum. "Din is-sena kull żeffien ħallas €400, iżda fil-verità kull kostum ġie jiswa kważi €900," spjegawlna, waqt li fakkruna li l-kumpanija hija magħmula minn 36 żeffien u żeffiena. Komplejna nitkellmu dwar il- kostumi fil-Karnival Malti u dak li jagħmilhom differenti u uniċi minn dawk ta' karnivali oħra. "Xi kultant qed nitbiegħdu ftit minn dak il-kostum tradizzjonali li jagħmel il- Karnival Malti uniku. Qed jintuża ħafna rix, li jinxtara lest u li malajr jimla pjazza. Il-kostum tal-Karnival Malti jinħadem bl-idejn u huwa x-xogħol u t-tiżjin tad-drapp li jagħmlu uniku," spjegalna Debono. Semmielna fost oħrajn il- maskra tal-kartapesta li kienu jilbsu ż-żeffiena u li ftit ftit bdiet tinqata' biex illum, din it-tradizzjoni tal-Karnival Malti, kważi kważi ntesiet. Fil-fatt, Debono saħaq li l-kumpanija tagħhom tipprova kemm jista' jkun iżżomm ma' dak li jagħmel il-kostum tal- Karnival Malti uniku. "Aħna nagħmlu kollox aħna. Jekk mill-kostum se jkun ħiereġ fanal se noħolquh aħna bil-foam u niksuh u nżejnuh bid-drapp kif għandu jkun. Anke sempliċiment bokkla ta' ċinturin. Mhux se nixtruha lesta, iżda se nagħmluha aħna bil-foam," kompla jinsisti. Bla dubju ta' xejn, issa li l-Karnival jinsab fil-qofol tiegħu, id-dilettanti wrew ix-xewqa li wara sena ta' sagrifiċċji, it-temp iżomm bnazzi biex mhux biss jieħdu gost huma, iżda biex bil-kreattività tagħhom ipaxxu lill-Maltin u lill-barranin li se jżuru l-Belt Valletta. Karnival 2019 F'Ħadd il-Karnival, il-gazzetta ILLUM tinżel Sant'Iermu fi l-maħżen ta' Paul Chircop u Stiefnu Debattista li din is-sena komplew fejn ħalla Pawlu l-Pampalun u titkellem magħhom u mal-voluntiera sħabhom dwar is-sena impenn u sagrifi ċċji li jġibu magħhom ħamest ijiem ta' karnival

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 March 2019