Illum previous editions

ILLUM 3 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1088105

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 31

9 Il-Ħadd 3 ta' Marzu 2019 | illum mad-dimensja, id-dipressjoni u l-esklużjoni soċjali jidraha. "Għall-ewwel tista' tkun xokkanti. Immaġina perjodu twil ta' żmien li fih ma tkunx qed tistimola dik il-parti tal-moħħ li tgħinek tifhem dak li qed tisma' u f 'daqqa waħda tagħmel il-hearing aid u tibda tisma'. Għall-bidu tista' ma tirrikonoxxix ċertu ħsejjes, bħal pereżempju ċ-ċekċik tal-platti jew it-tħaxwix tal- karti." Komplejna nitkellmu dwar il-hearing aids, b'Deguara jinsisti dwar l-importanza li dawn ikunu adegwati. Fi kliemu, dawn ma għandhomx ikunu hearing aids li jamplifikaw il- frekwenzi kollha, għax dawn ma jkunux qed jamplifikawx biss il-frekwenzi neqsin, iżda jamplifikaw kollox u jispiċċaw jagħmlu aktar ħsara milli ġid. L-awdjoloġista spjega kif wara li jsir test kif għandu jsir, hearing aid tkun tista' tiġi ssettjata għall-bżonnijiet partikolari tal-pazjent, fejn jogħlew f 'ċertu livelli dawk il-frekwenzi li persuna tkun qed tbati biex tisma'. Kien hawn li l-awdjoloġista saħaq dwar l-importanza li meta wieħed jagħmel dan it-test, imur għand awdjoloġisti professjonali u rreġistrati li jistgħu jagħtu lill-pazjent stampa aktar olistika. 'Jekk espost għal storbju eċċessiv uża hearing plugs' Mistoqsi kemm hu komuni n-nuqqas ta' smigħ f 'Malta, l-awdjoloġista spjega kif statistika nazzjonali ma teżistix, iżda l-prelevanza internazzjonali hija ta' bejn 10 u 15% tal- popolazzjoni u qed ikun previst li r-rata se tkompli tikber, anke għax l-istorbju ta' madwarna kulma jmur qiegħed jiżdied. L-awdjoloġista tenna l-importanza li dawk li huma esposti għal storbju eċċessiv jużaw affarijiet apposta biex jipproteġu widnejhom. "Qed tiġini f 'moħħi persuna partikolari li ddoqq il-qniepen u ta' 40 sena diġà qed tbati minn nuqqas ta' smigħ." Malli l-ħsara tkun saret ma hemmx triq lura ħlief affarijiet li jistgħu jgħinuk, bħalma huwa nuċċali jew bastun. Bastun mhux se jfejqek iżda se jgħinek. L-istess hearing aid, spjega Deguara. L-ebda hearing aid mhi se tagħtik dak li hu naturali, iżda tista' tgħinek. 'Anke l-ħsejjes tal- kostruzzjoni jistgħu jħallu effett' Ma stajniex ma nirreferux għall-fatt li skont statistiċi Ewropej, inkluż il-Eurostat, Malta hija l-aktar pajjiż storbjuż tal-Unjoni Ewropea. It-traffiku, il- kostruzzjoni u ħsejjes oħra kollha jaffettwaw dak li jissejjaħ 'noise pollution.' Dan x'effett jista' jkollu fuq is-smigħ? "Dawn il-ħsejjes, inkluż dawk tal-kostruzzjoni, jekk wieħed se jkun kontinwament espost għalihom jistgħu jkollhom ukoll effett dirett fuq il- livell tas-smigħ ta' persuna," spjega l-awdjoloġista. "Meta għandek sit ta' kostruzzjoni wieħed f 'żona partikolari huwa differenti minn meta għandek erba' siti ta' kostruzzjoni fl-istess żona." '…anke s-sewwieqa tal-muturi għandhom joqogħdu attenti' L-istess jgħodd għat- traffiku, bl-awdjoloġista jagħmel aċċenn partikolari fuq is-sewwieqa tal-muturi li jkunu esposti għal ħafna aktar storbju mis- sewwieqa tal- karozzi. Iżda staqsejna lil Deguara x'jistgħu jagħmlu sewwieqa tal-muturi. Dawn jistgħu jilbsu ear plugs? L-awdjoloġista wieġeb li jeżistu ear plugs li jiffiltraw frekwenzi jew ħsejjes partikolari fejn pereżempju sewwieq ta' mutur ma jismax il-magna b'daqshekk intensità iżda ħorn ta' karozza jisimgħu. "Jeżistu filtered ear plugs għal mużika u anke għal ċertu ħsejjes tal-kostruzzjoni," kompla l-awdjoloġista. "Immaġina persuna li għandu passatemp ta' mastrudaxxa u qed jaqta' bil-jigsaw. Tqatta' llum u tqatta' għada… kollox jista' jaffettwa. Immaġina tal- laħam li qed jaqta' biċċa għadma jew mastrudaxxa li jaħdem fulltime." Interessanti li mal- awdjoloġista tkellimna fuq ħsejjes li nisimgħuhom il-ħin kollu. "Mhux se tkun affettwat jekk tmur siegħa kollox tkellem mastrudaxxa, iżda dak il-mastrudaxxa li jagħmel tmien sigħat jisma' taħbit u tqattigħ bil-jigsaw jista' jagħmel ħsara jekk ma jipprevenix," kompla Deguara. X'għandu jsir fuq il- postijiet tax-xogħol? Mistoqsi dwar il-postijiet tax-xogħol, fejn l-impjegati huma esposti kontinwament għall-istorbju, l-awdjoloġista spjega kif huwa rrakkomandat li qabel wieħed jibda xogħol għandu joqgħod għat-test tas-smigħ biex wieħed ikun jista' jassessja, kull tant żmien, jekk l-istorbju hux qed ikollu effett u anke jkun hemm testijiet fuq il-livell ta' storbju f 'post tax-xogħol. Fejn ma jkunx possibbli li l-istorbju jkun ikkontrollat, Deguara spjega li huwa importanti li l-ħaddiema jużaw dawn l-ear plugs li jiffiltraw il-ħoss. "Ħaddiem ta' gaffa għandu dejjem jużahom. Jekk xi ħadd se jgħajjatlu se jisimgħu xorta," kompla jisħaq. Kull meta għandu jsir test tas-smigħ? Mistoqsi kemm-il darba għandu jsir dan it-test tas- smigħ, l-awdjoloġista qal li l-ideali huwa li wieħed jagħmlu kull sentejn iżda għal min jaħseb li s-smigħ tiegħu mar lura ħafna, għandu jitkellem mat-tabib tal-familja jew inkella ma' speċjalista għax jista' jkun hemm diversi raġunijiet. Pereżempju wieħed jista' jkun li jagħmel ħsara lit- tanbur jekk ibati mis-sinus u jkun siefer b'ajruplan. "Ma rridux nallarmaw lin- nies iżda jista' jkun hemm affarijiet kliniċi wkoll li jinfluwenzaw is-smigħ u għalhekk tajjeb li wieħed ifittex l-għajnuna." Kif l-aħjar tikkomunika ma' persuni b'nuqqas ta' smigħ Għalaqna billi staqsejnieh kif l-aħjar li wieħed jikkomunika ma' persuna li tbati b'nuqqas ta' smigħ, bl-awdjoloġista jisħaq fuq l-importanza li wieħed jitkellem bil-mod. "Meta jonqos is-smigħ, il-bniedem jaddatta ruħu biex imur għal sensi oħra. Dawn il-persuni x'aktarx se jużaw aktar is-sens tal-ħars u jidraw iħarsu lejn ix-xoffa u kważi kważi jaqraw dak li qed jingħad," kompla jispjega għalkemm appella biex persuna nieqsa mis- smigħ tipprova kemm jista' jkun tikkoreġi l-problema biex ma toħloqx stress fuq is-sensi l-oħra.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 March 2019