Illum previous editions

ILLUM 24 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1096090

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

illum | Il-Ħadd 24 ta' Marzu 2019 18 Opinjoni M inn għada t-Tnejn, fil-Parlament se nibda bi proċessi leġiżlattivi biex inkompli nżid mal-lista abbundanti ta' riformi u liġijiet li rriformaw mill-qiegħ nett żewġ kolonni importanti ta' dan il-pajjiż – il- qasam Ġudizzjarju u s-Saltna tad-Dritt. U allura permezz tagħhom issaħħet sew id- demokrazija f 'pajjiżna. Għada se nibda proċess leġiżlattiv fil-Parlament biex jinfatmu l-funzjonijiet ċivili tal-Avukat Ġenerali mill- funzjonijiet prosekutorjali tiegħu. Għada fil-Parlament se nibda wkoll proċess legiżlattiv biex isiru emendi għal dawn il- ħames oqsma ulterjuri li wkoll hemm rakkomandazzjonijiet dwarhom mill-Kummissjoni ta' Venezja: l-Ombudsman, is-Segretarji Permanenti, il-pożizzjonijiet ta' fiduċja, il- Kummissjonijiet Indipendenti u l-Pulizija. *** Meta dħalna fil-Gvern fl- 2013, bdejna nwettqu l-pjan ta' ħidma li kellna f 'idejna u li ħdimna fuqu b'reqqa – li sintendi aġġornajnieh skont dak li sibna ma' wiċċna – il-wirt li ħallielna l-Gvern ta' qabilna. Pjan li wassal biex daħħalna riformi kbar, daħħalna u implimentajna liġijiet, bdilna sistemi u inkorporajna sistemi oħrajn – li kollha wasslu biex rajna s-setturi tant importanti għaċ-ċittadin Malti u Għawdxi – dak tal-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt – jieħdu żvolta. U b'hekk illum nistgħu niftaħru li għandna demokrazija vera fil-pajjiż. Mhux se niddejjaq ngħid li minkejja l-ftaħir ta' dik li llum hija l-Oppożizzjoni, li donnha inkurunat lilha nnifisha bħala x-xempju tad-demokrazija, kien dan il-Gvern li verament ittrasforma dawn is-setturi. U dan ma ngħidux jien biss. Tgħidu wkoll il-Kummissjoni Venezja. Infakkar li din tissejjaħ hekk għaliex il-laqgħat ta' din il-Kummissjoni jsiru f 'Venezja l-Italja. Hija l-organu konsultattiv fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa dwar materji kostituzzjonali u magħmula minn esperti indipendenti fil- qasam tal-liġi internazzjonali. Tipprovdi parir legali lill-istati membri tagħha – u Malta hija membru – u b'mod partikolari tgħin l-istati membri li jkunu jixtiequ jġibu l-istrutturi legali u istituzzjonali f 'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali fl-oqsma tad- demokrazija, drittijiet umani u s-saltna tad-dritt. Meta bdejna ndaħħlu liġijiet u nimplimentaw riformi, ma qgħadniex lura. Ma bżajniex immissu magħhom. Tant li l-elenku tagħhom ma jintemm qatt. Imma ma konniex kuntenti b'hekk biss. B'mandat mill- Gvern, bdejt sensiela ta' laqgħat biex inkompli nħares lejn titjib. Laqgħat minnhom kienu wkoll ma' din il-Kummissjoni Venezja. Dawn wasslu biex stedint lil din il-Kummissjoni tiġi f 'pajjiżna u tara b'għajnejha u tmiss b'idejha x'kellna fil- pajjiż. Ma qgħadniex lura lanqas hawn. Tant li l-Kummissjoni Venezja ltaqgħet ma' min kellha tiltaqa', iddiskutiet ma' min kellha tiddiskuti u tkellmet ma' min kellha titkellem. Fit-18 ta' Diċembru li għadda mbagħad, wara li fliet b'reqqa dan li semgħet f 'pajjiżna, din il- Kummissjoni għamlet pubbliku r-rapport tagħha – rapport li kien juri x'inhi l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar dik li kienet is-sitwazzjoni f 'pajjiżna. Aħna bħala Gvern mal-ewwel u mingħajr tlaqliq stqarrejna li naqblu mal-maġġoranza tar- rakkomandazzjonijiet. U l-Ħamis li għadda, f 'anqas minn 100 ġurnata mill- pubblikazzjoni tar-rapport tal- Kummissjoni Venezja, ħabbart li se nibdew naħdmu fuq terz tar-rakkomandazzjonijiet. Issa dan huwa paragun enormi meta tagħmel ftit kontijiet bl-aktar mod sempliċi. Dan il-Gvern ilu jirriforma bil-kbir għal dawn l-aħħar 6 snin. F'anqas minn 100 ġurnata se nibdew naħdmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal- Kummissjoni Venezja. Terġa' u tgħid, ir- rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja m'humiex rakkomandazzjonijiet li jmissu l-liġijiet u r-riformi li daħħal dan il-gvern! Imma huma rakkomandazzjonijiet fuq liġijiet li dan il-Gvern wiret mingħand ta' qablu. Rakkomandazzjonijiet fuq liġijiet li ilhom hemm għal ġenerazzjonijiet sħaħ – nazzarda ngħid sekli sħaħ. Jiġifieri fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Venezja tat l-opinjoni tagħha u qalet li għandu jsir titjib fuq liġijiet li ilhom hemm – allura tat ċertifikat lil dan il-Gvern ta' dak li għamel f 'dawn l-aħħar sitt snin. *** Issa hawn fuq fakkart li daħħalna diversi liġijiet, riformi u sistemi ġodda, filwaqt li saħħana u tejjibna dak li kien hemm. Dorna s-setturi kollha u tejjibna. It-tijib sar u biddel għall-aħjar mhux biss għal dawk li jaħdmu propju f 'dawn l-oqsma, imma wkoll pemezz tagħhom tejjibna l-ħajja ta' kuljum tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. X'ma daħħaliniex! Minn liġi li żżomm lill- politiċi responsabbli kontra l-korruzzjoni matul il-ħajja kollha tagħhom, sa liġi li tirregola d-donazzjonijiet li jingħataw lill-partiti politiċi; Minn liġi li tat ċans ieħor lill-vittmi ġenwini tad-droga, sa liġi li ħolqot sistema ta' grilling Parlamentari għal numru ta' uffiċċji pubbliċi; Minn liġi li tipproteġi l-Whistleblower – meqjusa bħala l-aqwa waħda fl-Ewropa – sa liġi li żiedet l-għodod ta' dixxiplina fuq il-ġudikanti, mill- ġudikanti stess; Minn liġi li bdiet tbiddel il-mod kif jinħatru l-ġudikanti, sa liġi li ħolqot struttura legali b'saħħitha għall-qasam tal- Għajnuna Legali (Legal Aid); Minn liġi li rat il-ħolqien ta' Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, sa liġi li naqqset il-poteri kbar li kellu l-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga. Minn tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-ġudikanti biex inkomplu nattiraw l-aqwa mħuħ, sa sistemi ġodda tal-Informatika b'xejn għal kulħadd. Mit-twaqqif ta' Sede oħra tal-Qorti tal-Appell għal iktar effiċjenza, sa għoti ta' riżorsi bla preċedent, anke fil-forma ta' Court Attorneys, lill- ġudikatura. Ma' dawn trid iżżid bosta riformi oħra wħud minnhom li jolqtu liċ-ċittadin fil-ħajja tiegħu ta' kuljum u tagħmilhielu aħjar fl-affarijiet l-iktar sempliċi. Ma ninsewx ukoll li kien dan il-Gvern li daħħal riforma li bis- saħħa tagħha twessgħet f 'livelli b'saħħithom ħafna l-libertà tal- espressjoni artistika u warajha daħħal liġi dwar il-midja u malafama, li tagħti libertajiet bla preċedent lill-ġurnalisti u li neħħiet għalkollox mill- vokabularju ta' pajjiżna l-kawżi ta' libell kriminali. Issa ħalliha li għad hawn min għadu jgħid li f 'pajjiżna l-ġurnalist huwa maħnuq u li m'hawnx libertà tal-espressjoni eċċetra. Dan kollu t'hawn fuq saħħaħ bil-bosta s-saltna tad-dritt. Il-ġudizzju dwar dak li jingħad minn esponenti tal- Partit Nazzjonalista u l-friegħi kollha li jappartjenuh, inħallih f 'idejkom. *** X'se jsir minn nhar it-Tnejn, minn għada stess? Għandi mandat mill-Kabinett biex b'effett immedjat nibda proċess leġiżlattiv fil-Parlament biex jinfatmu l-funzjonijiet ċivili tal-Avukat Ġenerali mill-funzjonijiet prosekutorjali tiegħu. Din hija riforma li, hekk kif se tidħol fis-seħħ, se tkun qed tara t-tmiem ta' sistema legali li ilha magħna sa mill-1936 u li kienet ġiet konfermata fil- Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964. B'hekk, kif jgħaddi dan l-abbozz, għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta Indipendenti se jkollna persuna responsabbli mill-funzjonijiet prosekutorjali differenti u distinta mill-persuna li taġixxi bħala Avukat u konsulent legali tal-Gvern tal-ġurnata. Aħna qed naraw li dan l-abbozz ta' liġi jkun għadda mill-istadji kollha tiegħu sas-sajf li ġej. Din hija l-bidla li wegħedna li se nagħmlu. L-ewwel qari ta' dan l-abbozz se jsir minn għada t-Tnejn stess. Il-Ħamis informajt b'dan lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni ta' Venezja b'ittra li ppubblikajt fil-mezzi tax-xandir. Lil dawn l-istituzzjonijiet informajthom ukoll li l-Gvern iqis bħala prijorità wkoll ir- riforma tal-metodu tal-ħatra u tneħħija tal-Ġudikanti kif intqal mill-Kummissjoni Venezja. Bidla f 'dawn is-sistemi tista' ssir biss bil-qbil ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Għalhekk se nibdew proċess ta' konsultazzjoni mal- Oppożizzjoni bl-għan li naslu għal kunsens b'mod spedit filwaqt li naċċertaw ruħna li l-bidla tiġi implimentata b'għaqal u attenzjoni. Imma dan mhux kollox. Il-Kabinett tal-Ministri tani wkoll mandat biex nhar it-Tnejn stess nibda l-proċess leġiżlattiv biex isiru emendi għal dawn il- ħames oqsma ulterjuri li wkoll hemm rakkomandazzjonijiet dwarhom mill-Kummissjoni Venezja: l-Ombudsman, is-Segretarji Permanenti, il-pożizzjonijiet ta' fiduċja, il- Kummissjonijiet Indipendenti u l-Pulizija. L-abbozzi rispettivi se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej u l-mira tal-Gvern hija li jiġu approvati sa tmiem is-sena kurrenti. Ħafna minn dawn l-emendi jeħtieġu l-qbil ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati u għalhekk il-kunsens tal- Oppożizzjoni. Il-Gvern se jkun spedit, imma se jaġixxi b'galbu u attenzjoni fejn tidħol it-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni Venezja stess saħqet fuq dan il-bżonn. Nagħlaq kif bdejt. Dan huwa Gvern riformista, motivat mill-bżonn ta' bidla, ta' titjib, ta' enerġija biex itejjeb lil dan il- pajjiż, fid-diversi oqsma tiegħu. Inkluż fil-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt. Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali OWEN BONNICI Dan huwa Gvern riformista

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 March 2019