Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1104598
illum | Il-Ħadd 14 ta' April 2019 Rakkont 20 D ejjem hekk jiġrilek. Meta tmur ħaġa. Tmur oħra. Dakinhar donnu bil- magħmul! L-ewwel, kien ġie d-direttur tax-xogħol u qalli li kien ser ikolli noqgħod naħdem xi erba' sigħat żejda minħabba li kienu ġejjin xi barranin l-għada filgħodu jaraw d-disinn li kelli nfasslilhom, imbagħad malli ħriġt fejn il-karozza indunajt li kont insejt nagħtiha l-petrol u ma riditx taqbadli, u biex inkun poġġejt iċ-ċirasa fuq il- kejk indunajt li l-mowbajl kien mingħajr batterija. Kont qiegħda hemm, fil- parking, inħares lejn l-iskrin iswed tal-mowbajl f 'idejja, bilwieqfa maġenb karozza mitfija li ma riditx tistartja. Issa x'kont ser naqbad nagħmel? "Ħeqq...mhux timxiha, belha!" bdejt ingedwed minn taħt l-ilsien. Ma kienx hawn xi bogħod. Ġieli mxejtha. U mela... hekk kont beħsiebni nagħmel. Imma mbagħad għal mument, ħassejt saqajja jogħtru. Dejjem fid-dawl tax-xemx kont nimxiha. U issa, issa kien dalam sew. Ħarist 'il fuq lejn id-dawl oranġjo tat-triq, li kien donnu għajjien iżżejjed, inemnem fi triq kwieta, mingħajr ruħ, kwiet taqtgħu b'sikkina. Imma m'hemmx x'tagħmel! Qbadt nimxi għal għonq it-triq. Hawnhekk, fid-djar, wieħed ma kienx jiddejjaq jimxi. Anqas billejl. It-triq kienet mixgħula sew. Imma aktar 'il fuq, aktar lejn tarf it-triq, hemmhekk kien jaqbadni l-bard nimxi waħdi fid-dlam. Ma kienx hemm dawl. Lanqas kien hemm bankina. U t-triq kienet imdawra b'siġar kbar tal-ballut, li allaħares joħroġ xi kelb jew qattus minn wara xi waħda minnhom, għax kien jagħtini xi qatgħa, iħallini tal-kolp! Imma dak il-ħin, ma tantx kelli soluzzjonijiet. Billi qatt ma kont naqbad tal-linja, lanqas kont naf fejn hi l-istejġ u jekk kienx hemm xi waħda li teħodni dawk in-naħat fejn kont krejt l-appartament dan l-aħħar. U komplejt nimxi. Ħarist lejn is-sema u ħassejtni nitwennes b'qamar mimli u sema mingħajr sħab. Ix-xita kien jonqos ma' dan it-taħwid li kont sibt ruħi fih! Fil-bidu, lanqas għaddiet karozza waħda. Imbagħad għaddew xi tnejn li komplew għaddejjin riħ minn miegħi, bilkemm jinnutawni. U xħin wasalt maġenb l-aħħar dar u rajt it-triq tas-siġar kbar quddiemi, bdejt inħoss ir-rieq tiela' fi griżmejja. Fid-dawl kienet triq sabiħa. Mimlija siġar kbar, li malli tgħaddi minn maġenbhom tħoss l-arja aktar pura, tara l-ġmiel tal-ħdura tal-weraq tagħhom u taħsbek qiegħed fi triq li tgħaddi minn ġo xi foresta. Imma billejl... Billejl kien mod ieħor... Waqaft għal ftit u ppruvajt nagħmel kuraġġ. X'kuraġġ! Tfajla tal-età tiegħi, waħdi billejl f 'dan il-post mudlam, biż-żarbun tat-takkuna li kont nilbes għal ġo l-uffiċċju u b'dublett sa nofs l-għarqub! Issa jekk jgħaddi xi ħadd b'xi għemil żieni? Jekk jiġrili xi ħaġa? Imma ma kellix mod ieħor ħlief li ngħaddas rasi 'l isfel u nkompli nimxi, forsi f 'xi waqt nasal f 'dari. U dak il-ħin, bdejt nisma' t-tħaxwix fil-ħaxix ta' taħt is- siġar, ir-riħ donnu beda jiżdied u kultant jagħmel ħsejjes tassew strambi bejn il-weraq tal-friegħi. Dehxa bard telgħet max-xewka ta' dahri, hekk kif ippruvajt ma nagħtix kas u nkompli nimxi b'pass kemxejn aktar mgħaġġel. Bir-riħ ma' wiċċi, li beda jimbottali xagħri lura, komplejt nimxi, b'qalbi trid toħroġ minn ġol-qafas ta' sidri. U biex ma nħossnix waħdi, bdejt inkanta bil-mod minn taħt l-ilsien. Imma leħni, leħni kien qed jikkontradixxini. Kien jinstema' kważi maħnuq, bla ħajja u stonat għall-aħħar, bir- rogħda li kelli fuqi. U smajtha ġejja. Fil-bidu, ma ħaristx lura. Iddejjaqt. Ħoss ta' karozza. Bdejt nismagħha ġejja mill- bogħod sa xħin waslet eżatt maġenbi. U waqfet. Waqfet eżatt warajja. U bla ma ridt ħarist. Tgħid kien xi ruħ tajba biex jagħtini triq lejn id-dar? Jew kien xi ħadd biex jidħaq bija? Iżda malli rajtha, qalbi għamlet tikk. Karozza sewda, twila, minn dawk tal-funerali. Imqabbda. Wieqfa eżatt warajja. Tgħid x'nagħmel? Nara x'ried? U għalkemm kelli s-suf ta' ġismi kollu mqajjem b'mod li bbalzma ruħu 'l fuq, dort lura u mort nara l-persuna li kienet qiegħda ssuq x'riedet. Forsi ma kellux intenzjonijiet ħżiena. Forsi... Min jaf? "Trid tirkeb?" staqsieni leħen profond, li kont ser nibqa' nagħrfu għal għomri kollu. "U le, grazzi," għedtlu, ir-rogħda tiżdied, hekk kif indunajt li dan ir-raġel kien liebes barnuża skura li kienet qiegħda tgħattilu wiċċu. Fid-dlam, kulma rajt, kienu għajnejh ileqqu mad-dawl tal- qamar. "Baqa' wisa' għal waħda," qalli minn taħt l-ilsien, donnu jiddejjaq jgħolli leħnu. U għamilli mossa lejn in- naħa ta' wara tal-karozza. Ħassejt għoqla fi griżmejja. Fin-naħa ta' wara tal-karozza, għalkemm kien id-dlam sew, stajt ninnota li kien hemm tebut tal-injam. Mingħajr ma weġibtu, tlaqt niġri kemm niflaħ! U għalkemm ilwejt saqajja xi darbtejn, ma waqaftx u lanqas biss indenjajt inħares lura. Il-karozza tal-funerali qatt ma għaddiet minn ħdejja! Forsi kien daħal f 'xi triq fil- ġenb! Insomma, jagħmel li jrid, l-importanti kien li ftit wara kont dieħla ġewwa dari għall- kenn. U l-episodju tal-karozza tal-funerali, għalkemm baqa' jberren għal ftit f 'moħħi, malajr insejtu hekk kif ilbist il-paġama u rqadt! Sal-għada... L-għada, wara li kont qabbadt lil ħija jwassalni x-xogħol, jitfali l-petrol fil-karozza u jqabbadhieli, erħejtilha lejn l-uffiċċju tiegħi. "Insibek eeee jien..." kien qalli ħija, hekk kif kien waqqafni eżatt quddiem il-bieb tal- uffiċini fejn kont naħdem, b'żewġ laned mimlija petrol fuq is-sedil ta' wara. "U jien ma niħux paċenzja bik ukoll!" kont għedtlu jien, bid-daħqa. U tlaqt għall-ħidma. Il-barranin kienu ġew u għoġbuhom ħafna d-disinji li kont għamiltilhom. Almenu ma kontx bqajt xogħol tard għalxejn! Kont għamilt biċċa xogħol siewja! Iżda eżatt malli ġejt biex nitlaq minn ġol-uffiċċju, bdejt inħossni kemxejn skomda. Qisu kien hemm xi ħadd qed josservani minn xi mkien. Hekk bdejt inħossni, hekk kif għalaqt il-bieb tal-uffiċċju tiegħi, sellimt lil xi kollegi li kont nara ta' kuljum u erħejtilha lejn il-lift. Billi kont naħdem fis-seba' sular, hawn fuq, ma tantx kont imdorrija ninżel it-taraġ. Ersaqt lejn il-lift li donnu kien diġà mimli ħaddiema neżlin isfel ħalli jitilqu lejn id-dar. U ħassejt dehxa ksieħ tiela' max-xewka ta' dahri, hekk kif ressaqt troffa xagħar ħamra minn quddiem għajnejja ħalli nara aħjar. "Baqa' wisgħa għal waħda," smajt leħen familjari jgħidli mill-ġenb fil-lift, eżatt quddiemi. Għaraftu. Dak il-leħen! Kien hu! Dak tal-lejl ta' qabel! Kien qiegħed hemm mal- kollegi tiegħi fil-lift! Rajthom jagħmluli l-wisgħa ħalli nidħol. "Idħol, Carolie..." qaltli waħda minnhom. "Baqa' wisgħa għal waħda," reġa' qalli dak. Dik il-barnuża. Wiċċu mgħotti. Kien twil u jidher irqiq. X'kien qed jagħmel fl- uffiċini tax-xogħol tiegħi? U bla ma ħsibtha darbtejn, tlaqt niġri lejn it-taraġ, il-ħoss tat-takkuna taż-żarbun tiegħi tħabbat b'ritmu mgħaġġel! Il-memorji tal-lejl ta' qabel reġgħu ġew quddiem għajnejja! Ħassejtni mwerwra. Inżilt it-taraġ kollu bla nifs. U hekk...hekk malli wasalt isfel. Eżatt malli wasalt fl-ewwel sular fejn kien jagħti għal barra, smajt ħafna twerżiq u għajjat mhux tas-soltu! "X'ġara?" kont qiegħda nistaqsi f 'geġwiġija nies li kollha bdew iduru 'l hawn u 'l hemm biex jaraw x'kien ġara. Imnalla ma kontx dħalt fil- lift. Kien inqata' l-ħabel tiegħu, waqa' għal isfel u mietu kollha mal-impatt! U hekk malli kont hemm ħalli nara x'kienu ġara eżatt, rajthom joħorġu l-iġsma bla ħajja tal-kollegi tiegħi. Ir-raġel tal-barnuża ma kien jidher imkien. "Baqa' wisgħa għal waħda..." Il-kliem baqgħu jidwu f 'widnejja. Sharon Calleja Baqa' wisgħa għal waħda