Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1104598
9 Il-Ħadd 14 ta' April 2019 | illum lcarter@mediatoday.com.mt Liam Carter FL-AĦĦAR ġranet tax-xahar id-dieħel, il- Maltin u l-Għawdxin se jkollhom l-għażla li jeleġġu r-rappreżentanti preferuti tagħhom fl-isfera lokali u dik Ewropea. Ovvjament wieħed mill-gruppi ta' votanti li jaffettwa l-eżitu hu żgur dak taż- żgħażagħ u l-istudenti. Apparti hekk, din is-sena se tkun l-ewwel darba fl-istorja ta' pajjiżna li żgħażagħ ta' 16-il sena se jkunu jistgħu jivvutaw f 'dawn l-elezzjonijiet. Fid-dawl ta' dan kollu, din il-gazzetta marret l-Università ta' Malta u staqsiet 100 student, numru kbir biżżejjed biex nieħdu idea ċara ta' x'qed jaħsbu ż-żgħażagħ Maltin fl-ogħla istituzzjoni edukattiva. Staqsejna żewġ mistoqsijiet bażiċi. L-ewwel nett jekk humiex se jivvutaw u t-tieni għal xiex. Għalkemm dan l-eżerċizzju kien sempliċiment indikattiv, jidher biċ-ċar li l-maġġoranza tal-istudenti ħerġin jivvutaw għaliex jemmnu bis-sħiħ, "li dan huwa dritt tagħhom." 'Jekk ma mmurx nivvota ma nistax ingerger' Mill-eżerċizzju li għamilna jirriżulta li 72% ta' dawk l-istudenti żgħażagħ intervistati mill-ILLUM beħsiebhom joħorġu jivvutaw filwaqt li 28% huma ċerti li mhumiex se jivvutaw ix-xahar id-dieħel. Fil-maġġorparti tagħhom dawk li qalu li beħsiebhom jivvutaw, saħqu li se jagħmlu dan primarjament għax il-vot huwa dritt u dmir tagħhom. "Għandna d-dmir li nivvutaw sabiex nkunu nistgħu niġu rrappreżentati sew u nsemmgħu l-vuċi tagħna ż-żgħażagħ." Numru sostanzjali ta' studenti għamluha ċara li, għalkemm forsi ma tantx għandhom interess fil-politika huma beħsiebhom joħorġu jivvutaw minħabba l-fatt li jekk ma jagħmlux dan ma jkollhomx 'dritt' igergru dwar l-andament tal-pajjiż wara l-elezzjoni. Kwistjonijiet ambjentali, kirjiet u proprjetà jimmotivaw il-vot Numru konsiderevoli ieħor ta' studenti jidher li se jkunu qegħdin jibbażaw il-vot tagħhom fuq kwistjonijiet li fi kliemhom stess iħossu, "li huma ta' importanza kbira mhux biss għall-pajjiż iżda għall-pjaneta kollha." Fost l-oħrajn huma qalu li l-ħeġġa biex jivvutaw ġejja minn kwistjonijiet ambjentali, bħal żvilupp eċċessiv, tniġġis u anke tisħin globali. Element ieħor, li għalkemm mhux fil- maġġoranza iżda preżenti sew, huwa l-vot motivat minn kwistjonijiet li qed jinkwetawhom: fosthom il-problema ta' akkomodazzjoni affordabbli u l-kontrolli tal-kera. Fiduċja fil-partiti, immigrazzjoni u Ewro-xettiċiżmu Min-naħa l-oħra dawk li huma rrassenjati li mhux se jivvutaw qalu li se jagħmlu dan minħabba li fost l-oħrajn, "tilfu l-fiduċja li xi darba kellhom fil-partiti politiċi lokali." Oħrajn qalu li għalkemm jaraw l-Unjoni Ewropea u l-Kunsilli Lokali bħala kunċett tajjeb, mhumiex konvinti li l-vot tagħhom se jwassal biex finalment issir il-bidla li huma jridu jaraw. Fi kliem ieħor dawn tal-aħħar jemmnu li dawn huma ineffettivi. Fl-aħħar nett kien hemm dawk ukoll li d-deċiżjoni tagħhom kienet motivata mill- problema tal-immigrazzjoni u li skonthom, "dawk li jmexxu mhuma jagħmlu xejn biex jindirizzaw serjament din il-problema." Kien hemm dawk ukoll li kif nissilna d-domandi baqgħu sorpriżi li x-xahar id- dieħel se jkun hemm elezzjoni! 'Jekk ma nivvutawx ma nistgħux noqogħdu ngergru wara l-elezzjoni' L-elezzjoni wara l-bieb iżda ż-żgħażagħ veru ma jinteressahomx? X'se jagħmlu din is-sena? Se jivvutaw? U x'qed iqanqal id-deċiżjoni tagħhom? Fuq dan kollu l-ILLUM tkellmet ukoll ma' Andrew Azzopardi, Professur u Dekan fl-Università ta' Malta. Skontu din is-sena hawn inqas interess mhux biss miż-żgħażagħ iżda minn kulħadd. "Naħseb li din is-sena l-interess huwa ħafna inqas. Ovvjament ir-raġuni hi marbuta mal-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma jafx fejn qiegħed u allura m'għandekx dik il-kompetizzjoni elettorali," sostna l-Professur. Azzopardi spjega kif il-pika hi waħda mill-fatturi li tqajjem interess dwar l-elezzjoni. "Din bħal festa, jekk ma jkollokx żewġ festi qawwijin mhux se jkollok daqshekk interess." Staqsejna wkoll lil Azzopardi jekk jaħsibx li l-Ewro- xettiċiżmu qed jaffettwa dan in-nuqqas ta' interess. Mal- ILLUM huwa qal li ma jaħsibx li dan huwa minnu iżda li, "il-problema hi li qed jiżdied ix-xettiċiżmu fil-konfront tal- partiti u mhux fil-kawża." Fl-aħħar nett staqsejna lid- Dekan jekk jaħsibx li hemm aktar ċans li ż-żgħażagħ jivvutaw lit-tielet partit jew lil xi kandidat alternattiv. Fuq din huwa qal li, "l-istudent huwa ġeneralment liberu u aktar ħieles fil-vot. Madanakollu huwa tal-opinjoni li, il-vot taż-żgħażagħ jintrebaħ ukoll mill-kariżma tal-mexxej tal-partit inkiwstjoni. "Joseph Muscat jattira ħafna żgħażagħ bil-kariżma tiegħu, Adrian Delia ħafna inqas," temm jgħid Azzopardi. 'Nuqqas ta' interess għax il- PN ma jafx fejn qiegħed' Andrew Azzopardi