Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1104598
3 Il-Ħadd 14 ta' April 2019 | illum Aħbarijiet Minn Yendrick Cioffi ĦAFNA jħarsu lejn spettaklu taż- żfin bħala sempliċiment divertiment iżda għal ŻfinMalta, iż-żfin huwa ħafna aktar minn hekk għax kull koreografija li din il-kumpanija taħdem fuqha għandha messaġġ li trid twasslu lill-ispettatur. Bħalissa ŻfinMalta għaddejja bit-tieni tour nazzjonali tagħha u din is-sena tixtieq tieħu lill-ispettatur f 'dinja oħra, fl-Univers, biex jirrifletti dwaru nnifsu, id-dinja li qed jgħix fiha u l-mod kif qiegħed jitrattaha. Iżda kif jista' jkun li żifna ġġiegħel lill- ispettatur joħroġ minnu nifsu, jinqata' mid-dinja ta' madwaru u jirrifletti? Dwar dan, il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda mad-direttur artistiku tal- kumpanija, Paolo Mangiola, żeffien b'esperjenza kbira tant li żifen madwar id-dinja mal-kumpanija ta' Wayne McGregor, qabel sar korjografu għal Baletto di Roma. Mal-gazzetta ILLUM, Paolo Mangiola saħaq li din il-koreografija li ħoloq kienet ispirata mill-faxxinu li l-bniedem għandu dwar l-univers u l-għatx tiegħu biex jifhem il-post tiegħu f 'dan l-infinit. Minn fejn nibtet l-idea wara din il-koreografija? Fil-fatt, din il-koreografija titratta l-operazzjoni storika tan-NASA, Voyager, partikolarment dik magħrufa bħala 'l-Golden Record,' diska kulur id- deheb, issiġillata f 'kaxxi tal-aluminium, li tinkludi ritratti u anke ħsejjes mid- dinja u li l-bniedem bagħat fl-univers bl-għan li jinstabu minn xi ħajja oħra fl-univers, jekk teżisti jew inkella minn bnedmin oħra fil-futur. "Il-koreografiji li noħloq kollha jibdew minn xi ħaġa li tqanqal fija kurżità u xi ħaġa li ma nafx dwarha. Kont naf dwar l-operazzjoni Voyager u l-Golden Record iżda ridt inkun naf aktar dwarha. Wara li għamilt ir-riċerka tiegħi, bdejt ninduna li dan jista' jkun suġġett interessanti li nista' nibdlu f 'koreografija," qalilna Mangiola. Madanakollu huwa kompla jispjega magħna li koreografija taż-żfin ma ssegwix storja b'mod lineali kif jagħmel dramm jew inkella xi opra, iżda hu jiddeskriviha aktar bħala kollezzjoni ta' xeni jiċċaqalqu li jqanqlu emozzjoni fl-ispettatur. Iżda persuna li ma tifhimx fiż- żfin, se tirċievi l-messaġġ? Staqsejna lil Mangiola jekk persuna li ma tifhimx fiż-żfin hux se ssib koreografija bħal tiegħu xi ftit jew wisq astratta u tibqa' ma tifhem xejn. Iżda għad-direttur artistiku din ma għandhiex tkun problema għax fi kliemu, iż-żfin fih innifsu huwa lingwa. "ll-moviment ma jikkomunikax b'mod lineali kif jagħmlu l-kliem iżda jagħmlu dan b'mod aktar kumpless," qalilna Mangiola u propju għalhekk li fi kliemu, iż-żfin huwa ideali biex jikkomunika dan is-suġġett astratt. Fil-fatt, għal dawk li forsi jibżgħu li jmorru u ma jifhmu xejn, Paolo Mangiola saħaq li koreografija ta' żfin hija l-aktar forma aċċessibbli ta' komunikazzjoni. "Kollha kemm aħna għandna ġisem u għalhekk l-ispettatur mill-ewwel se jħoss il-konnessjoni mal-movimenti taż-żeffiena fuq il-palk. Illum nippruvaw nifhmu, nispjegaw u nanalizzaw ħafna. Iż-żfin jgħinek tinqata' minn dan kollu," kompla Mangiola. X'se jieħu miegħu l-ispettatur? Komplejna nitkellmu mad-direttur artistiku dwar dak li jixtieq li l-ispettaturi jieħdu magħhom wara li jaraw din il- koreografija. L-ewwel nett, Mangiola appella lil dawk li se jmorru jaraw din il-koreografija biex ma jagħmlu l-ebda aspettattiva iżda jmorru b'moħħ miftuħ, lesti biex jilqgħu dik l-emozzjoni li l-movimenti taż-żeffiena se jqanqlu fihom. "Ejjew b'moħħ miftuħ u lesti biex f 'temp ta' 52 minuta tinqatgħu minn dak kollu ta' madwarkom u biex tikkonċentraw fuq xi ħaġa li hija unika. Iż-żeffiena professjonali tagħna, bil-movimenti ta' ġisimhom għandhom jgħinu lill-ispettatur li qed jirċievi dan il-moviment biex jirrifletti," qalilna Mangiola. Fil-fatt, ir-riflessjonijiet li Mangiola jixtieq li jwassal lill-Ispettur huma marbuta ma' Voyager u l-famuża 'Golden Record.' "Aħna min aħna? X'inhuma l-messaġġi li nixtiequ nwasslu hemm barra? Kif qed nitrattaw lill-pjaneta tagħha? Għalfejn qed nittrattawha hekk? Nixtieq li l-ispettaturi jaslu biex jagħmlu dawn ir-riflessjonijiet u joħduhom magħhom barra mit-teatru," qalilna d-Direttur Artistiku. Fil-fatt, waħda mill-mistoqsijiet li ispirat lil Mangiola biex joħloq din il-koreografija, titratta propju l-Golden Record. Kieku n-NASA kellha tagħmel l-istess illum, x'se tibgħat fl-univers? U l-koreografija kif tinħoloq? Kien hawn li tkellimna ma' Mangiola dwar kif joħloq koreografija. Spjega li bħal ħafna awturi huwa jibda bir- riċerka, jistaqsi mistoqsijiet partikolari, jesplora l-messaġġ li jixtieq iwassal, u minn hemm jibda joħloq il-kontenut li kull biċċa tkun tirrifletti parti mir- riċerka. Għall-kuntrarju ta' kittieb, minflok juża l-kliem, iwassal dak li jixtieq permezz tal-movimenti. "Aħna qed nużaw lingwa li kulħadd jista' jifhem," kompla jinsisti Mangiola. Iżda min se jmur għal dan l-ispettaklu mhux se jara biss żeffiena. Mangiola spjegalna kif għal din il-produzzjoni kkollabora mal-artist Għawdxi Austin Camilleri li ħoloq is-sett, ma' Luke Azzopardi li ddisinja l-ħwejjeġ u anke mal-kompożitur Veronique Vella li kitbet mużika oriġinali speċifika għal din il-koreografija. Meta se jsiru l-ispettakli? L-ispettakli bdew nhar is-Sibt li għadda, fl-Awditorium ta' Santa Agata fir-Rabat u jkomplu nhar is-Sibt 27 ta' April fit-Teatru tal-Opra Aurora f 'Għawdex u nhar il-Ġimgħa 3 ta' Mejju fi Pjazza Teatru Rjal. Nixtieq li nara kemm jista' jkun nies. Tibżgħux miż-żfin," temm jisħaq magħna Mangiola. ŻfinMalta - il-kumpanija nazzjonali taż-żfin, twaqqfet 4 snin ilu, meta saret leġiżlazzjoni apposta għat-twaqqif tagħha. Il-kumpanija, magħmula minn tmien żeffiena professjonali, tiżfen żfin kontemporanju. L-għan tal-kumpanija mhuwiex biss li ttella' produzzjonijiet fit-teatri Maltin, iżda li tqarreb iż-żfin iktar lejn il-pubbliku ġenerali, tgħin fit-tagħlim u l-edukazzjoni marbut maż-żfin f 'kuntest lokali, u twassal il-kultura taż-żfin li nħaddnu fuq livell internazzjonali. 'Biż-żfin nużaw lingwa li kulħadd jista' jifhem' L-operazzjoni Voyager tan- NASA tinbidel f 'koreogra ja taż-ż n minn Ż nMalta. L- ILLUM tiltaqa' mad-Direttur Artistiku Paolo Mangiola Żeffiena ta' ŻfinMalta jippreparaw għal Voyager Paolo Mangiola