Illum previous editions

ILLUM 20 October 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1178030

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

IL-FESTIVAL Nazzjonali tal-Ktieb 2019 se jlaqqa' lill-qarrejja Maltin ma' Dr. Lillian Sciberras waqt attività speċjali maħsuba apposta biex tfakkar il- ħidma wiesgħa tagħha fl- oqsma tal-bibljotekonomija u tal-letteratura. L-attività se tikkommemora wkoll il-premju prestiġjuż li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb aġġudika lilha – bħala parti mill-Premju Nazzjonali tal- Ktieb 2018 – għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba, b'mod partikulari fil-qasam tal-libreriji f 'Malta. L-attività se ssir nhar l-10 ta' Novembru fil-5.15pm fiċ- Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta. Bħala waħda mill-ewwel prattikanti tal-mestier tal- librara f 'Malta, Dr. Sciberras tat kontribut liema bħalu biex jitwaqqfu s-sisien moderni tal-libreriji u tat-tagħlim tax- xogħol tal-librara. Il-lettur tal-Istudji tal- Komunikazzjoni fl-Università ta' Malta ġabar fil-qosor il-ħamsin sena ħidma akkademika u letterarja ta' Dr. Lillian Sciberras b'dan il-kliem xieraq: "Bħala librara u mbagħad iżjed tard bħala akkademika fil-qasam tal- bibljotekonomija, Lillian kienet tgħix u tieħu n-nifs b'riħet il-ktieb... u mhux biss bil-manifestazzjoni fiżika tagħhom tal-karta u l-kartun, iżda wkoll bis-sinifikat inkredibbli tagħhom bħala vejjikli tal-għarfien, bħala muturi ewlenin tal-bidla u fl-istess waqt bħala reġistri tal-istorja." Dr. Sciberras hija lettriċi anzjana fl-Istudji tal- Bibljotekonomija kif ukoll Kap tat-Taqsima tal-Libreriji u l-Istudji tal-Informazzjoni fiċ-Ċentru tat-Teknoloġija tal- Komunikazzjoni fl-Università ta' Malta. Fl-imgħoddi okkupat bosta karigi oħra fil-librerija tal-Università, fosthom Deputat Librara bejn l-1984 u l-1992. Kienet ukoll membru ta' diversi bordijiet u kumitati u Ċerpersin tal-Kumitat Konsultattiv tal-Libreriji Pubbliċi. Minkejja li f 'żgħożitha ma kellhiex il-vokazzjoni ta' għalliema, wara madwar 25 sena servizz fil-librerija tal-Università Dr. Sciberras laqgħet l-isfida li tgħaddi l-għarfien li kisbet tul is- snin lill-istudenti li għażlu li jispeċjalizzaw f 'dan il-qasam. Għaldaqstant nediet kurrikulu li maż-żmien żviluppa fi programm mgħallem minn persunal akkademiku full- time. Kmieni fis-snin disgħin Dr. Sciberras tat ukoll kontribut sod fit-twaqqif ta' unità speċjalizzata fil- bibljotekonomija li toffri kwalifiki akkademiċi rilevanti fil-livelli kollha. Uħud mill-istudenti tagħha llum jokkupaw karigi importanti ħafna f 'diversi entitajiet ewlenin tal-pajjiż, fosthom il-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, l-Università, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Bank Ċentrali. Bħala akkademika professjonali li tassew tirrispetta l-mestier tagħha, Dr. Sciberras ma toqgħodx lura milli tiddefendi, qabelxejn, l-immaġni tal- librara – b'mod partikulari billi xxejjen il-perċezzjoni popolari li dan ix-xogħol jirrikjedi biss sempliċement is-self u l-istivar tal-kotba. Fost il-kapaċitajiet indispensabbli li tisħaq fuqhom insibu s-sengħa tal- katalgar kif ukoll l-għarfien u l-klassifikar tas-sorsi tal- informazzjoni. Temmen bis-sħiħ li fi żmienna dawn il-kapaċitajiet issa saru ferm iżjed kruċjali minn qatt qabel, l-iżjed minħabba l-isplużjoni tas- sorsi tat-tagħrif li ġab miegħu l-internet u l-fenemonu dejjem jikber tal-aħbarijiet foloz. Twissi wkoll li l-faċilitajiet moderni li llum toffri l-informatika m'għandhomx inaqqsu l-interess u l-investimenti fil-qasam tal- arkivjar. Fil-biċċa l-kbira r-riċerki akkademiċi ta' Dr. Sciberras iffokaw fuq l-iżvilupp bibljografiku nazzjonali, il-memorja nazzjonali u l-Melitensja bħala ħażna ġenerali ta' informazzjoni nazzjonali u memorja kollettiva ta' poplu sħiħ. Dr. Sciberras kisbet il-kwalifika ta' librara mill-Ealing College for Higher Education ta' Londra. Ukoll f 'Londra, iżjed tard kisbet Maġisteru f 'dan il-qasam mill-University College. Bħala akkademika barranija fl-2001 kisbet Dottorat mill-Università ta' Londra bit-teżi Melitensia: Information Resource and National Memory. Hija wkoll awtriċi ta' għadd ġmielu ta' kitbiet akkademiċi, fosthom kontributi f 'Some problems facing the current national bibliography in Mediterranean countries (1987), Retrospective record conversion and shared national library functions in Malta: reflections from the edge of Europe (1990) u National Memory in Malta: the extended role of libraries (2004). Fil-livell internazzjonali Dr. Sciberras hija membru taċ- Chartered Institute of Library and Information Professionals (UK) u tal-American Library Association, mentri f 'dak lokali kienet waħda mill-ewwel membri tal- Assoċjazzjoni Maltija tal- Libreriji u l-Informazzjoni (MaLIA). Minbarra l-ħidma sfiqa tagħha fil-bibljotekonomija, Dr. Lillian Sciberras tat ukoll kontribut siewi lil-letteratura lokali b'bosta poeżiji, novelli u rumanzi miktuba kemm bil- Malti u kemm bl-Ingliż. Bħala poeta, Dr. Sciberras titqies bħala waħda mill-ewwel ilħna feminili tal-Moviment Qawmien Letterarju tas-snin sittin. Il-poeżiji tagħha dehru l-ewwel darba fl-1971 f 'Malta: The New Poetry, u mbagħad fl-1979 f 'Wara r-Repubblika: Versi ma' Dr. Mario Vella. Ġabriet poetiċi oħra jinkludu Crosswinds: An Anthology of Post-war Maltese Poetry (1980) u Klessidra: Versi taż- Żmien Maħrub (2014). Il-poeżija bikrija tagħha kellha xeħta pjuttost politika – imnebbħa mill-ideoloġiji tax- xellug radikali – li tesprimi diżappunt bl-istituzzjonijiet politiċi u sogħba u kundanna kontra l-inġustizzji li naraw kuljum madwarna. Għaldaqstant dik il-ħabta Dr. Sciberras kienet tal-fehma li l-letteratura qabelxejn għandha tkun għodda politika favur il-bidla u l-ġustizzja soċjali. Il-quċċata ta' din il-fażi laħqitha matul il- kollaborazzjoni letterarja tagħha ma' Dr. Mario Vella. Madankollu maż-żmien Dr. Sciberras saret temmen li l-arti m'għandhiex tisfa' f 'monopolju ta' xi kawża politika jew ideoloġija partikulari. Fil-fatt tistqarr li llum tħossha iżjed komda fiċ- ċentru tal-ispettru politiku filwaqt li x-xogħol letterarju tagħha bil-mod il-mod qabad xejriet eżistenzjali u saħansitra spiritwali. Dan kien jeħtieġ bidla skjetta fl-attenzjoni tagħha: mill-esterjuri għall-interjuri. Fi kliemha stess, "hemm xi ħaġa li ġġagħlek taħseb u tħares lil hinn mid-dinja materjali. Jidhirli li tinkiseb ċerta maturità meta tibda tistaqsi lilek innifsek għalfejn qegħdin hawn, mnejn ġejna u fejn sejrin." F'dar-rigward, għaldaqstant, il-poeżija iżjed reċenti tagħha għandha mill- ħsus ta' diversi poeti veterani oħrajn bħala Marlene Saliba, Doreen Micallef u Mario Azzopardi. Iżjed tard fil-karriera tagħha Dr. Sciberras iddistingwiet lilha nfisha wkoll fis- sengħa tal-proża. Fl-2012 ippubblikat il-ġabra ta' stejjer Happenstance: Tales of Circumstance (2012) filwaqt li fl-2016 deher l-ewwel rumanz tagħha Shadows in Penumbra. Fin-novelli tagħha hija tirrifletti b'mod partikulari fuq ir-rapporti umani u tistħarreġ ukoll il-fenomeni paranormali li minn xi daqqiet jikkumplikaw bla mistenni l-ħajja tal- bniedem. Ir-rakkonti tagħha spiss joqogħdu lura milli jikkonkludu n-narrattiva b'mod feliċi għax jagħżlu, minflok, li jistħarrġu l-impulsi li jikkundizzjonaw l-imġiba tan-nies u s-sens ta' immedjatezza li lkoll naffaċċjaw f 'ħajjitna. Għaldaqstant bosta min- novelli tagħha jistgħu jitqiesu bħala riflessjoni fuq il-kundizzjoni umana f 'sens wiesa', sikwit imnebbħa mill- mogħdrija. Minkejja li Dr. Sciberras ma tgħoddx lilha nfisha b'kittieba prolifika, xorta waħda tisħaq li l-kittieba li tgħammar ġo fiha se tibqa' magħha sal-mewt. Fi kliema stess, "hi u jien se nibqgħu neżistu sal-aħħar"'. illum | Il-Ħadd 20 ta' Ottubru 2019 16 Aħbarijiet Il-Festival tal-Ktieb ilaqqa' lill-qarrejja ma' Lillian Sciberras Lillian Sciberras

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 October 2019