Illum previous editions

illum 14 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/433163

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 14 ta' Diċembru 2014 | illum 19 D aqshekk dam Toni Aquilina sabiex titwettaq ġustizzja miegħu. Nhar il- Ħamis, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li d-drittijiet fundamentali ta' Toni kif imħarsa mill-ewwel artiklu tal-ewwel protokol tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġew miksura. Toni rebaħ danni ta' €11,550 għal dan il-ksur mill-2008 'l hawn, € 2,500 għal danni morali kif ukoll €5,000 għall-ispejjeż li kellu jagħmel. Iktar mill-kumpens li ngħata li seta' kien aktar kieku mhux għal numru ta' ċirkostanzi partikolari għal dan il-każ, l-aktar ħaġa importanti hija li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabilixxiet dak li l-qrati tagħna sabuha tant iebsa biex jaslu għalih minkejja sitwazzjoni pjuttost cara. Tajjeb li wieħed jiddeskrivi ftit ir- retroxena ta' dan il-każ u min xiex kellu jgħaddi Toni Aquilina sabiex jasal għas-sentenza ta' nhar il- Ħamis. Fl-1970, omm Toni Aquilina, Marcella kienet kriet terran fir-Rabat, Għawdex lill-koppja Għawdxija. Il-kera oriġinarjament kienet ta' Lm70 fis-sena, li ftit wara tnaqqset voluntarjament mis-sid għal Lm65 fis-sena. Fl-1998, wara talba mis-sid biex jgħolli l-kera, il-Bord tal-Kera minflok naqqas il-kera għas-somma ta' Lm28. Għaldaqstant, sas-sena 2009, meta daħlu fis-seħħ l-emendi għal-liġi tal-kera fil-Kodiċi Ċivili, il-kera kienet ta' €65 fis-sena! U wara l-emendi tal-2009, l-inkwilin beda joffri €185 fis-sena. Meta nkera t-terran, il-post kien dekontrollat u tajjeb li wieħed jispjega ftit xi jfisser dan. Fl-1925, gvern Nazzjonalista għadda l-ewwel liġi tal-kontroll tal-kera. Ir-raġuni kienet li fil-perjodu ta' wara l-ewwel gwerra dinjija, f 'Malta, bħal bqija tad-dinja, tfaċċa fenomenu pjuttost ġdid, dak tal-inflazzjoni. Dan kien ukoll wieħed mir-raġunijiet tal-irvellijiet tal-1919 li ironikament wittew it-triq għall- ewwel gvern Malti wara li l-Ingliżi kienu ilhom jitmellħu bina fuq mitt sena. L-ewwel liġi tal-kontroll tal-kera tal-1925 kienet tipprovdi għall- arbitraġġ meta sid il-kera u l-inkwilin ma kinux jaqblu fuq il-kera li kellha titħallas. Naħseb li din ma kinitx soluzzjoni ħażina imma meta tela' fil-poter il-gvern tal-Compact, il-partit Laburista ta' Pawlu Boffa li kien "junior partner" mal-partit ta' Gerald Strickland insista fuq kontroll tal-kera aktar riġidu. Bil- liġi li għaddiet fl-1929, is-sidien m setgħux jirrifjutaw li jġeddu l-kera jew li jgħolluha mingħajr il-permess tal-Bord tal-Kera. U ma kienx faċli li ġġib tali permess. Barra minn hekk, il-liġi sal-lum iżżomm il-Bord milli jgħolli l-kera aktar minn 40% mill- kera ġusta f 'Awwissu 1914, meta l-Imperu Brittaniku ddikjara gwerra lil Ġermanja u lil Awstrija. Strickland kien laqa' għall-kritika tan-Nazzjonalisti dwar din il-liġi billi qal li din hija miżura temporanja, għal sena jew sentejn, sakemm is-suq tal-kera jistabilizza ruħu u wara kollox jitreġġa lura. Sir Ugo Mifsud kien ikkritika bl-aħrax din il-liġi ġdida u stqarr li l-Maltin kienu jħobbu jinvestu fil-ġebla u kienu se jitgerrxu milli jagħmlu hekk. Nota daqsxejn storika dwar id-dibattitu mqanqal ta' din il-liġi tal-1929: l-ispeaker Hamilton sab lil Carmelo Mifsud Bonnici, il-Gross ħati ta' disprezz lejn is-sedja u bagħtu l-ħabs Kordin fejn qatta' xi jiem. Ibnu Ugo rrakkontali li l-priġunieri kienu lestew siġġu speċjali lil missieru meta kien daħal il-ħabs. Strickland kien żbaljat u din il-liġi għadha hemm sal-lum. Sabiex itaffu l-effetti ta' dak li ppreveda Sir Ugo Mifsud, in-nuqqas ta' investiment privat fi propjetà residenzjali, il-mexxejja kolonjali fl-1959 ippromulgaw l-Ordinanza dwar id- Dekontroll tad-Djar. Permezz tagħha, kull min bena post ġdid u rreġistrah kien seta' jikrih mingħajr ix-xkiel tal-liġijiet speċjali tal-kera li ġew wara dik tal-1929. Kien għalhekk li omm Toni tħajret tikri l-post lill-koppja Għawdxija għax kieku probabilment kienet tippreferi tħallih vojt jew tatigħ b'ċens temporanju kif għamlu ħafna sidien. Fl-1979, il-gvern Laburista reġa' deherlu li kellu jintervjeni fis- suq tal-kera u emenda l-liġi tal-1959 biex kull ċittadin Malta li kien f 'post dekontrollat bħala r-residenza tiegħu ngħata l-istess protezzjoni li kellu min kien f 'kera ordinarja. B'hekk, l-effetti tal-liġi tal-1959 spiċċaw. L-istat kien wiegħed liċ-ċittadini tiegħu li min jiżviluppa post ġdid u jikrieh seta' jagħmel hekk bla xkiel imma fl-1979, l-istat reġa' bdielu u rtira l-impenn tiegħu. Il-Parlament għadda din il-liġi u minkejja l-inġustizzja ċara li nħolqot, għal 35 sena, il-qrati tagħna kienu inkapaċi li jagħtu rimedju għal min kien milqut minnha. Mill-banda l-oħra, il-klassi politika ħarġet b'soluzzjonijiet parzjali: fl-1995, is-suq tal-kera ġie liberalizzat fir-rigward ta' kirjiet ġodda u fl-2009, daħlu fis-seħħ emendi fil-Kodiċi Ċivili li tejbu marġinalment il-qagħda tas-sidien billi għoliet bi ftit il-kera u daħlu fis-seħħ mekkaniżmi biex jirrivedu l-kirjiet perjodikament. Madankollu, min kien f 'kirja ta' qabel l-1995, seta' jkompli fil-kirja sakemm hu u wliedu jibqgħu ħajjin u fil-każ ta' ħwienet sa 20 sena. Fl-2005, Toni Aquilina daħħal l-ewwel rikors kostituzzjonali. Minkejja li saru rappreżentazzjonijiet eżawrenti, minkejja li l-perit maħtur mill-qorti stma li l-valur tal-kera kien ta' €2,912 fis-sena, minkejja li ġie ppruvat li l-inkwilin kien, flimkien ma' oħtu wiret biċċa art kbira, li minnha biegħ disa' qatgħat tajbin għal bini, minkejja li l-inkwilin ammetta li kien talab is-somma ta' Lm100,000 sabiex jitlaq it-terran, il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili, sede kostituzzjonali ppresjeduta mill-Imħallef Farrugia Sacco f 'Ġunju 2008 dehrilha li Toni ma kellux raġun u ma nkisirlu l-ebda dritt fundamentali. Toni appella imma sfortunatament sar żball u l-appell daħal wara ż-żmien. Għaldaqstant, l-appell ġie miċħud. Toni Aquilina mar Strasbourg imma l-Qorti Ewropea dehrilha f 'Novembru 2009 li ma kienx eżawrixxa r-rimedji domestiċi kollha. Kellu għalhekk jerġa' jibda kollox mill-ġdid u din id-darba deherna quddiem l-Imħallef Tonio Mallia li ordna li jissejjaħ fil-kawża l-inkwilin. Minkejja li ma kienx parti fl-ewwel kawża, l-inkwilin tal-eċċezzjoni li din il-kawża ma setgħetx issir mill-ġdid. B'mod tassew inkredibbli, din l-eċċezzjoni ntlaqgħet u Toni Aquilina kellu jappella. Morna quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li mhux talli ma tatux raġun, talli mmultatu spejjeż doppji għax skont hi, l-appell kien frivolu u vessatorju! Tassew xi kultant tħoss li l-art qiegħda ċċedi minn taħt saqajk. Mill-ġdid għal Strasbourg fejn din id-darba r-rikors ġie ddikjarat ammissibli. Saru sottomissjonijiet mill-Gvern, replika ta' Toni Aquilina fejn intwera bl-aktar mod ċar li m'hawn l-ebda kriżi tad-djar f 'pajjiżna, tant li mill-1995 'l hawn, is-suq tal-kera ġie liberalizzat kompletament. Intwera ukoll li anke bl-emendi l-ġodda tal-2009, is-sid xorta qed jirċievi kera irriżorja ferm aktar baxxa minn dik li suppost qed jirċievi. Fis-sentenza ta' nhar il-Ħamis, il- Qorti Ewropea ddeċidiet li ma tistax tikkunsidra l-ilment fir-rigward tal-perjodu ta' qabel l-ewwel sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta' Novembru 2008. Dwar dan ma qbiltx għax il-Qorti ma kinitx iddeċidiet in mertu imma biss li r-rimedji domestiċi ma kinux ġew eżawriti. Madankollu, il-Qorti Ewropea sabet li fir-rigward tal-perjodu ta' wara Novembru 2008, l-ilment seta' jiġi kkunsidrat u għalhekk ordnat il- ħlas ta' €11,550 bħala danni. Dan l-ammont tnaqqas peress li skond il-Qorti, kien tort ta' Toni li kien qed jieħu kera anqas milli suppost wara li kien mar quddiem il-Bord tal-Kera bla bżonn meta fil-fatt il-kera kellha tiġi aġġustata skont il-liġi. Tajba din, wieħed ikollu jħallas minħabba l-liġijiet li suppost damu sena sentejn baqgħu hemm u għax kien sar żball 16-il sena ilu. Imma wara dan il-kalvarju kollha, wara li ssupera mewġa wara oħra ta' teknikalitajiet imqanqlin mill- Avukat-Ġenerali u mill-qrati tagħna li spiss ikollhom għamad quddiemhom li jitneħħa biss wara xi deċiżjoni minn Strasbourg, il-Qorti Ewropea ddeċidiet li l-liġi li minħabba fiha Toni kien qed jirċievi €65 kera fis- sena minflok €2,900 li suppost kellu jieħu tiksirlu l-jedd sagrosant tiegħu li jgawdi l-propjetà tiegħu. U dan anke minkejja li bl-emendi tal-2009, il-kera għoliet għal €185 fis-sena. L-istat Malti issa hu obbligat li jbiddel il-liġi. Imma mhux biss: is-sentenza tal- Ħamis turi biċ-ċar li l-anqas l-emendi tal-2009 ma jgħaddu mit-test tal- Konvenzjoni u jekk jiġu sfidati, x'aktarx li jinstabu li jiksruha. It-tama tiegħi hi li ma jkollniex għalfejn immorru Strasbourg sabiex id-drittijiet fundamentali tagħna jiġu ssalvagwardjati. Dan għandu jkun ir-rwol fundamentali tal-Qrati tagħna u anke tal-Avukat-Ġenerali li għandu jagħraf jiddefendi l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni u mhux il-liġijiet li jgħaddi l-Parlament. Toni kellu l-paċenzja li jibqa' jsus sakemm ingħata raġun. Sfortunatament, ftit huma daqshekk perseveranti u l-organi tal-istat m'għandhomx jieħdu vantaġġ minn dan jekk tassew nemmnu fis-saltna tad-dritt u fil- ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph. Kalvarju ta' għaxar snin JOE ELLIS "Ibnu Ugo rrakkontali li l-priġunieri kienu lestew siġġu speċjali lil missieru meta kien daħal il-ħabs"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 December 2014