Illum previous editions

illum 14 June 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/527019

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 14 ta' Ġunju 2015 | illum 17 X i ħmistax ilu ltqajt ma' ħabib li konna ilna biex niltaqgħu mill-Milied. Ħadni niekol f 'post il-Belt spnotta selvaġġa li tant kienet imsajra tajba li kienet verament ħalib. Ftit inbid tajjeb u d-diskors ma naqasx u inevitabilment, waqa' fuq il- politika. Dan il-ħabib, minkejja d-doppiopetto Nazzjonalista li jġorr, kien ferm simpatetiku lejn Joseph Muscat u l-moviment tiegħu. Kellu kemm- il esperjenza qarsa taħt il-gvern Nazzjonalista u ma niskantax jekk ivvota lil Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni. Jidher li dan l-entużjasmu issa ttappan xi ftit mhux ħażin u nifhem li mhux l-unika persuna li għaddej minn tali tranżizzjoni. Waqt din l-ikla kien qed jgħidli, u jiena qbilt miegħu, li mhux faċli li wieħed jattira l-investiment lejn Malta. Il-pagi tagħna huma ogħla minn ta' bosta pajjiżi oħra, id-disponibilità ta' art hi pjuttost limitata u s-suq domestiku huwa ferm żgħir. Verament x'jista' jattira investitur barrani sabiex jinvesti f 'pajjiżna? Għaddieli kumment li laqatni ħafna - nistgħu nibqgħu sejrin bl-istrateġija ta' Borg Olivier li investitur barrani noffrulu l-art ħalli nattirawh lejn xtutna? Naħseb li hija mistoqsija pertinenti ħafna u li akkwistat aktar rilevanza wara l-kontroversja li qamet dwar l-università proposta f 'Ras iż-Żonqor. Meta wieħed jara ftit il-mixja ta' pajjiżna f 'dawn l-aħħar ħamsin sena, m'hemmx dubju li pajjiżna kellna suċċess ekonomiku kbir. Meta wieħed jara l-mijiet ta' barranin li qegħdin jiġu jaħdmu Malta, wieħed ma jistax ma jirrimarkax li minn pajjiż ta' emigranti, f 'ħamsin sena, sirna pajjiż ta' immigranti. Hawn bosta setturi li saru ferm dipendenti fuq manodopera barranija - ipprova ħu kafè il-Belt jew tas-Sliema u x'aktarx li jaqdik xi barrani, speċjalment xi Taljan. Fil-qasam tal-kostruzzjoni, il-presenza ta' Serbi, Għarab u Afrikani tinħass sew f 'livelli differenti mentri fil-qasam tal-turiżmu, l-impressjoni li għandi hi li s-settur jiddependi ħafna fuq manodopera rħisa u ferm sfruttata mil-lvant tal-Ewropa. Il-Maltin saru ferm selettivi fix- xogħol li jridu jaħdmu. Xogħol ta' strapazz jevitawh u jippreferu xi xogħol mal-gvern jew f 'xi professjoni. Li jimpressjonani ukoll hu kemm hawn negozji li mhux ser jgħaddu f 'idejn ġenerazzjoni ġdida. Bosta huma l-ulied ta' negozjanti, u anke negozjanti prominenti, li mhux jimxu fuq il-passi tal-ġenituri tagħhom, imma qabdu triq ġdida. Sikwit niltaqa' ma negozji għall- bejgħ għax il-propjetarji m'għandhomx min jieħu t-tmexxija meta jkunu jridu jirtiraw u għaldaqstant, qed jaffaċjaw l-alternattiva li jew ibigħuh lil xi ħadd mill-management jew inkella lil xi barrani. Bosta huma l-ulied li taw daharhom għan-negozju tal-familja u qabdu mpjieg jew professjoni. Spiss niltaqa' ma' avukati u mhux biss li għandhom il-professjoni tagħhom, jaqilgħuha sew, u ma jinteressahomx minimament in-negozju tal-familja. Dawn it-tendenzi fis-soċjetà tagħna għandhom jagħtu lok għal riflessjoni profonda kemm fost min imexxi kif ukoll fis-soċjetà ċivili. Il-gvern b'mod speċjali jrid jagħraf xi strumenti jrid jadotta sabiex l-iżvilupp ekonomiku ma jbattiex. Imma xi kultant nieħu l-impressjoni li mhux dejjem huwa konxju minn dawn ix-xejriet emerġenti fis-soċjetà tagħna. Diskors bħal dak dwar l-ammont ta' barranin li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol tagħna juri ċertu distakkament mir-realtà li huwa nkwetanti. Fl-istess waqt, huma bosta l-Maltin li qed ifittxu x-xogħol u qed jippressaw lid-deputati u ministri sabiex isibulhom xogħol. Sfortunatament, is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż qiegħda sservi sabiex ikun hawn erożjoni tal-etika tax-xogħol. Dan rajnih wara l-aħħar elezzjoni meta reġa' kien hawn ġenn sfrenat bħalma konna rajna fin-nofs ta' snin tmenin, sabiex wieħed jidħol jaħdem fis-settur pubbliku. Bosta li kellhom xogħol stabbli fis-settur privat, abbandunawh sabiex jidħlu fis-settur pubbliku. M'iniex qed ngħid li ma kienx jiġri l-istess taħt in- Nazzjonalisti imma ċertament l-affarijiet kienu jsiru b'mod aktar sottili u n-numri kienu ferm anqas. Tant li fejn qabel it-tendenza kienet li s-settur pubbliku jiċkien, issa beda jerġa jikber u jikber sew. Dawn ir-riflessjonijiet iġibuna mill- ġdid għall-mistoqsija ċentrali - x'tip ta' investiment għandna nippruvaw nattiraw lejn pajjiżna? Verament hawn ħafna Maltin li qed ifittxu xogħol imma jekk dawn ma jinteressahomx impjieg fis-settur privat imma biss fis-settur pubbliku, b'min ser jaħdem l-investiment barrani? Probabilment l-akbar differenza bejn l-1985 u l-2015 huwa l-fatt li llum sirna membri tal-UE li tħaddan fost il-prinċipji fundamentali tagħha dik tal-libertà ta' moviment tal-individwu, tal-kapital u tal-istabiliment. Ħdax-il sena wara li sirna membri, it-tibdil huwa fenomenali - regolarment niekol f 'post il-Belt fejn il-kok huwa l-unika Malti. It-tfajla tiegħu, Pollakka, tagħtih daqqa t'id sew u speċjalment fil- preparazzjoni tal-ħelu mentri fis-servizz għandu jgħinuh persuna minn Sorrento u tfajla minn Palermo. It-tfajla hija ferm edukata u ma trid xejn biex tikkwotalek lil Kant; filgħaxija tmur taħdem f 'lukanda l-Qawra biex tgħaqqad is- sigħat u d-dħul. Is-Sorrentin ilu sitt snin hawn Malta, huwa edukatissimu, ferm espert fl-inbejjed u jrid jitgħallem il- Malti u jsir ċittadin Malti. Meta staqsejtu għala jrid jagħmel hekk, qalli li llum iħossu aktar Malti milli Taljan. Din mhix xi sitwazzjoni eċċezzjonali - tara ħwienet sħaħ immexxija minn Sqallin jew minn Liguri. Id-diżastru ekonomiku fl-Italja qed jinkoraġixxi ħafna Taljani jitilqu pajjiżhom u x'uħud waslu f 'pajjiżna ukoll. Ħadd mhu ser iwaqqaf il-mewġa u jalla dawn jintegraw bħalma integraw bosta qabilhom. Jekk tletin sena ilu l-Belt kien hemm Rubino u Blackley ibigħu l-ħelu, dawn m'oriġinawx minn Ħal Safi. Is-suċċess ekonomiku ta' Malta jitkejjel ukoll kemm jirnexxielha tattira barranin lejn xtutna u żżomm lil Maltin milli jitilquha. F'dan is-sens, għalkemm bosta huma l-Maltin, li temporanjament jew anqas temporanjament, imorru jaħdmu barra minn pajjiżna, ir-riżultat nett huwa li Malta saret tassew metropolitana b'babel ta' lingwi u razez li jfittxu jaqilgħu l-għixien tagħhom minn din il-blata f 'nofs il-Mediterran. Malta għandha bosta vantaġġi oħra - il- poplu huwa ġeneralment bieżel, ħawtieli u anke rasu fuq għonqu. Opportunità ma tintiliefx malajr. Il-banek tagħna huma ferm likwidi u l-kultura finanzjarja hija soda. Tirrenja s-saltna tad-dritt u anke jekk jibqa' t-tgergir dwar il-qrati, l-investituri m'għandhomx biża' li ma jingħatawx rimedju mill-qrati tagħna jekk meħtieġ. Il-likwidità tas-swieq finanzjarji tidher kif l-investituri jilqgħu s-sejħiet għall-investiment f 'titoli ta' l-istat u anke tal-privat. Propju nhar il-Ġimgħa tħabbar li investituri offrew € 193.6 m għal b'kemm jiswew € 90 miljun titli tal-gvern b'imgħax ferm baxx ta' 2% u 2.3%. Jiġifieri l-gvern irċieva offerti aktar mid-doppju minkejja r-rati ta' mgħax. Aktar spettakulari kienet l-offerta għat- titli tal-International Hotel Investment, propjetarja ta' seba' lukandi Corinthia madwar id-dinja u nofs sehem dik prestiġjuża ta' Londra. Xahar ilu l-IHI ħarġet offerta għal €45 miljun ta' titli b'rata ta' mgħax ta' 5.75%, liema offerta ngħalqet fl-istess jum li fetħet. B'kollox, l-IHI rċeviet offerti b'kemm jiswew €186 miljun, kważi erba' darbiet aktar milli kien meħtieġ. L-IHI kienet riċentement fl-aħbarijiet għal raġuni oħra : f 'Jannar li għadda għamlet offerta ta' € 50 m sabiex takkwista l-kumpanija rivali, Island Hotels tal-familja Zahra. Jidher issa ċar li l-aktar li interessa lil IHI li jagħmlu din l-offerta hija l-possibilità li jagħmlu megażvilupp fil-ponta ta' San Ġorġ tipo Portomaso. Ma niskantax jekk fil-futur għad jiddisponu mil-lukanda ta' Għajn Tuffieħa. U nista' nibqa' għaddej : l-istess ħabib semmieli laqgħa li kellu ma' kumpanija lokali li għandha turnover ta' xi € 120 m ; Ħili Ventures ħabret li din is-sena qiegħda tistenna li t-turnover tagħha jikber minn € 200 miljun għal €300 miljun, ovvjament mhux kollha f 'Malta. U hemm ħafna entitajiet oħrajn li huma ta' ċerta piż, anke jekk mhux daqshekk viżibbli pubblikament. Problemi għandna ukoll. Minkejja l-likwidità qawwija li għandhom, il- banek lokali nsew li huma fin-negozju tar-riskju u jippreferu jselfu lil tlett kategoriji ta' nies biss: min jixtri dar l-ewwel darba, min irid jixtri karozza u min irid jixtri dgħajsa. Dan tarah mir- reklami tagħhom. Imma jekk tmur biex tissellef ħalli tixtri magna għall-industrija jaqilgħulek fwiedek. U jagħmel ħafna sens l-iżvilupp ta' bank ta' investiment kif ħabbar il-gvern u t-tnedija ta' pjattaforma tal-crowdfunding għax il-banek lokali mhux jaqdu kif suppost il-funzjoni primarja tagħhom li jsarrfu t-tifdil kollettiv f 'opportunitajiet għal self u espansjoni ekonomika. Fl-isfond ta' dan kollu, bosta għażliet tal-gvern attwali iqanqlu ħafna tħassib. Jagħmel sens li tbigħ terz mill-Enemalta u 90% mill-impjant tal-BWSC għal €330 miljun f 'xenarju ta' rati tal-imgħax daqshekk baxx u meta l-Enemalta kienet għadha ma bdietx tgawdi l-frott tal-investimenti kbar li kienet għamlet? Bejgħ li jista' jfisser prezzijiet ogħla tal- enerġija fil-futur. Jagħmel sens li tissagrifika biċċa art pristina sabiex tinbena università li l-benefiċċji ekonomiċi tagħha huma dubjużi u li fi kwalunkwe każ tista' tinbena f 'post diġà mibni? Xi studji saru ħalli wieħed jara l-benefiċċji konkreti ta' dan l-investiment li l-investituri stess qed jammettu li ma jagħmilx sens f 'art fabbrikabbli? Kieku aħna Sqallija, wieħed jista' jagħlaq għajn imma hawn Malta l-art verġni naqset ferm u l-poplu jidher li fehmu dan. Jagħmel sens li wieħed jipprivatizza l-isptarijiet meta bosta qed iwissu l-gvern, li bħalma ġara fis-settur tal- enerġija u bħalma ġara r-Renju Unit, l-ispejjeż għan-nazzjon matul is-snin ser ikunu ferm akbar? Kemm sar studju bil-galbu ħalli wieħed jasal għal tali deċiżjoni li tħabret ħabta u sabta? Ir-rwol tal-gvern għandu jkun li jiddirieġi l-forzi tal-pajjiż fid-direzzjoni li l-aktar tista' toħloq ġid. L-investiment barrani huwa wieħed mill-elementi meħtieġa għal tali żvilupp ekonomiku imma investiment hekk m'għandhux ikun akkost ta' kollox. Għandna biżżejjed riżorsi u kapital sabiex inxamru mneħirna x'tip ta' investiment naċċettaw. Hija l-ironija tal-istorja li fil-qasam tas-saħħa u tal-enerġija, l-eredi ta' Mintoff qed iħott il-wirt tiegħu. Imma aktar importanti minn hekk, tkun aktar traġika jekk il-gvern jittraskura l-opportunitajiet li l-investituri lokali jistgħu jisfruttaw a skapitu ta' investituri barranin, qajla magħrufa, li mhux dejjem iwetqu dak li jkunu wegħdu b'ħafna fanfarunati. Experientia docet. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Ftit ħsibijiet ta' fuq fuq JOE ELLIS F'dawn l-aħħar 50 sena kellna suċċess ekonomiku kbir

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 June 2015