Illum previous editions

illum 28 June 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/534051

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

14 illum | Il-Ħadd 28 ta' Ġunju 2015 S nin ilu, mhux ħafna ħafna, kienu jgħidulek li l-gvern jieħu ħsiebek mill- benniena sat-tebut. Veru li fid-dinja tisma' bilfors, u temmen jekk trid. Imma dik kienet il-perċezzjoni. Kif kulħadd, jew kważi, kien jemmen li l-faqar fuq din ir- roqgħa art kien inqered darba għal dejjem Biex isaħħu din it-teorija, il-galloppini u t-tesserati kienu jġibulek għadd ta' eżempji. Fosthom li llum m'għadekx tara tallaba fit-toroq. U meta tiġbdilhom l-attenzjoni li t-tallaba spiċċaw fuq l-istazzjonijiet tat-tv, ikunu pronti jwieġbuk li qed tħallat il-ħass mal-gass. Tal-anqas illum għandna Gvern li jammetti li l-faqar jeżisti, għalkemm fl-istess waqt jimlik bl-ottimiżmu meta jgħidlek li l-ekonomija sejra tajjeb, li l-qgħad qed jonqos bis-sigħat, u li huwa marbut bil-Manifest Elettorali li jaħdem attivament biex il-faqar - kemm dak magħruf u kemm dak moħbi, jerġa' jiġi eradikat darba għal dejjem minn pajjiżna. Statistika L-istatistika, tajba jew ħażina, turi li naqra naqra wasalna biex kwazi persuna minn kull erbgħa fuq din il-gzira tal-konkos spiċċaw f 'riskju ta' faqar. Biex ma ngħidux fil- faqar. Uħud minnhom lanqas għandhom biex isaħħnu d-dar fix-xitwa. U aktar iva milli le li l-ikel tagħhom huwa ħobż bil-butir jew għagin b'xi naqra ketchup fuqu. 'L hawn u 'l hinn dawn in- nies ma jibqgħux moħbija. Meta ċ-ċintorin jibda jagħfas jispiċċaw għand xi NGO bħad-Daqqa t'Id. U biex forsi jiġbrulhom xi ħaġa jġibu l-istorja tagħhom fuq xi gazzetta. Oħrajn, l-aktar dawk li m'għandhomx biex jixtru l-mediċina, iħabbtu l-bieb tal- Community Chest Fund. U nista' nibqa' sejjer. Min imur ifittex lil Fr Hilary l-Millennium Chapel, forsi jagħtih xi xirja. Min imur għand il-kappillan tar-raħal. U min imur jiġri wara xi ministru bit-tama li jsiblu xi impjieg, imqar għassa ma' latrina. Imma s-sabiħa hija li l-maġġoranza l-kbira ta' dawk li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja huma tfal u xjuħ. Jew aħjar anzjani, biex inkun korrett politikament. Nies li għadhom iridu jibdew id-dinja u digà qed isibu ruħhom esklużi soċjalment. Jew persuni li ħadmu u tbagħlu ħajjithom kollha u issa qed jaraw li bil-pensjoni lanqas tibda. Eluf Ftit jiem ilu kellna biċċa informazzjoni interessanti. Biex ma ngħidx tal-biki. Li aktar minn 22,000 anzjan għandhom pensjoni ta' anqas minn €500 fix-xahar. U ma nafux kemm għandhom anqas. Kif ma nafux kemm għandhom €600. Jew kemm għandhom €700. Lanqas nafu kemm minn dawn it-22,000 jgħixu waħidhom jew inkella mal- partner. Għax altru tiekol int u altru trid titma' u xi ħadd iehor miegħek meta llum biċċa laħam żgur li mhix b'xejn. Għax kemm se ddum tiekol pastizzi? U kulhadd jifhem li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss. Li naf huwa li maġġoranza minn dawk li għandhom €500 pensjoni fix-xahar għandhom id-dar tagħhom. Tal-anqas ma jħallsux kera. Għax immaġina li minn dil-pensjoni miżera trid tħallas xi €200 jew €300 kera fix-xahar. Imma din is-sitwazzjoni naqra naqra mhux se tibqa' l-istess. Min bħali, xtara fejn joqgħod fis-snin sebgħin jew tmenin, jaf li seta' jagħmel hekk grazzi għall-gvern ta' Mintoff - li ħareġ mijiet ta' plots u bena mijiet ta' djar. Dak iż-żmien il-prezz tal-proprjetà naqas drastikament. Mhux bħal-lum li minn sena għal sena qed naraw li minkejja d-diskors kollu ta' progress, wieħed mill-ftit investimenti li jirrendi huwa l-bini. Anzjanità attiva Il-kunċett tal-anzjanità attiva huwa sabiħ. U nieħu gost nara anzjani bħali li qabżu l-65 sena u għadhom jaħdmu. Nieħu gost ukoll li ħafna anzjani għadhom attivi fil-komunità u kultant allaħares ma jkunux huma. Kif ukoll tajjeb li l-kunsilli lokali jorganizzaw attivitajiet għall-anzjani. Li mhux tajjeb huwa li jkollok tibqa' taħdem bilfors wara l-65 sena għax inkella taqa' fil- faqar. U agħar u agħar huwa li meta ma tibqax tiflaħ tfekren u tkeċċen, ma jkollokx pensjoni adegwata biex tmur f 'home. Għax f 'tal-Gvern ma tidħol qatt u f 'tal-privat, anke l-aktar wahda tal-qamel, bil-pensjoni biss ma tasalx. Veru li legalment l-ulied huma obbligati jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom meta jaslu f 'dan l-istat. Imma ma ninsewx li llum qed nagħmlu minn kollox biex il-koppja jaħdmu t-tnejn. U lit-tfal mhux biss ngħallmuhom l-iskola, imma wara neħduhom il-mużew, in-nursery u jitgħallmu xi strument. Għidli kemm jifdallek ħin biex tmur titma' lil ommok u/jew lil missierek meta l-ġurnata tiegħek tibda fis-6am u tispiċċa f 'xi l-10pm jew il- 11pm? Riforma Wara stennija interminabbli, issa tħabbret ir-riforma fil- pensjonijiet. U għall-grazzja t'Alla qalulna li l-bolla mhix se togħla. Lanqas mhi se togħla l-età tal-irtirar. Tajjeb. Anzi tajjeb ħafna. Kif inhi ħaġa sabiħa wkoll li r-romol se jibdew jingħataw il-pensjoni sħiħa tal-konjugi li jiġi nieqes. Imma mbagħad hemm il-kanen. U stunat l-istqarrija tas-sur Carmel Mallia mill- Alleanza tal-Pensjonanti. Is-sur Mallia qal li huma jirrappreżentaw 85,000 pensjonant iżda qatt ma jkunu fid-diskussjonijiet. U kompla "nammetti li mwarrbin u ħallewna mwarrbin. Ma ġara xejn. Konna, għadna u se nibqgħu mwarrbin u mitfugħin fuq l-ixkaffa. Jien ilni mdaħħal fil-pensjonijiet sa mis-sena 2003. Illum iċċaqlaqna naqra iżda ddispjaċut ħafna li mwarrbin". U daqskemm jaf is-Sur Mallia ma nafx jien. Tal-anqas iċċaqlaqna naqra. U kif qal xi ħaddieħor, tal-anqas issa l-pensjonijiet qegħdin fuq l-aġenda politika. Imma għalija l-akbar diżappunt huwa li biex il-pensjoni minima nazzjonali tidħol fis-seħħ għall- pensjonanti kollha għanda sal-2026. U mhux qed nitkellmu fuq xi pensjoni ta' xi €60,000 bħalma għandhom l-eks Prim Ministri. Imma fuq pensjoni li tpoġġi lill-anzjani eżatt mal-linja tal-faqar - sempliċiment li ma jaqgħux fuq il-faqar u ma jidħlux fl-istatistika. Sostenibilità Ma rridx intawwal iżżejjed. U lanqas irrid ninstema' negattiv. Imma għalija l-abjad abjad u l-iswed iswed. Għalhekk bilfors se jkolli ngħid xi ħaġa fuq dan il-qabda diskors vojt fuq is- sostenibiltà tal-pensjonijiet. Sostenibiltà tidher li hija l-kelma preferuta tal-kelliema tal-gvern. Ministri u ma nafx xiex. U donnu li jekk se nagħtu xi ħaġa lil min l-aktar jeħtieġa, se nifqgħu l-kaxxa ta' Malta. Sintendi din il-kelma tingħad ħafna meta nitkellmu fuq il- pensjonijiet imma, kif qalilna ċ-ċerperson tal-Grupp dwar l-Istrategija tal-Pensjonijiet, ir- realtà hija li f 'Malta l-pensjoni se tibqa' sostenibbli sal-2040. Tal-anqas. Mhux se mmutu bil-guħ għada, anke jekk iċ- ċerperson kompla li wara din id-data se jkun hemm problem kbar bis-sostenibiltà. Imma l-mistoqsija toħroġ weħidha. Għaliex nitkellmu fuq is-sostenibiltà biss meta nsemmu l-pensjonijiet. Liema ministeru, dipartiment jew xi forma oħra ta' struttura li fiha mdaħħal il-gvern hija sostenibbli? Ovvjament minbarra d-Dipartimenti tat-Taxxi Interni u tal-VAT. Charles Miceli huwa attivist fl-Alleanza kontra l-Faqar ILPUNT CHARLES MICELI Eluf ta' anzjani jgħixu fil-faqar Aktar minn 22,000 anzjan għandhom pensjoni ta' anqas minn €500 fix-xahar

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 June 2015