Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/534051
Il-Ħadd 28 ta' Ġunju 2015 | illum 15 M a rrid lil ħadd jaħseb li jien nemmen li l-Ewropa m'għandha tagħmel xejn dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran bl-eluf tal-immigranti jissugraw ħajjithom meta jaqsmu l-baħar fuq dgħajjes żgħar bil-ħsieb li jibdew ħajja ġdida fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra ma rridx li nkun miżinterpretat billi jingħad li ma rridx li dawn l-imsejkna jsibu l-kenn meħtieġ meta jaħarbu mill- gwerer, il-ġuħ u l-faqar morali u ekonomiku. Kompromess x'imkien jeżisti u għandu jinstab, kif kien instab wara kollox meta miljuni ta' Ewropej – Taljani, Irlandiżi, Ingliżi, Skandinavi, Maltin, Pollakki, Ġermaniżi, Lhud u bosta oħrajn – li wkoll kienu mejtin bil-ġuħ, bla xogħol u m'għandhomx x'jilbsu qabel marru l-Amerika, l-Awstralja u l-Kanada jfittxu ġejjieni aħjar għalihom u għall-familji tagħhom. Issa li fl-Ewropa saret aktar qalila l-pressjoni min-nies li jivvutaw biex isir, kif hu meħtieġ li jsir, xi ħaġa dwar l-immigrazzjoni, f 'daqqa waħda hemm min qed jieħu l-attitudni kolonjali u jsostni li għandha tintbagħat missjoni militari fil-Libja minn fejn ġejjin il-biċċa l-kbira tal-immigranti u hemm ikissru d-dgħajjes u jwaqqfu l-mewġa li qed tkidd lill-pajjiżi Ewropej, l-aktar dawk li bħalna jinsabu fuq il-fruntieri tal-kontinent. Imma l-Libja mhix tal-Ewropej, anki jekk bħalissa tinsab maqsuma fi tnejn jew tlieta, bil-poplu Libjan mifxul u mħawwad b'dak kollu li qed jiġri madwaru. Jista' anzi jingħad liberalment li s-sitwazzjoni fil-Libja hi li hi grazzi għall-istess Ewropej, dak iż-żmien immexxija mill- President Nicolas Sarkozy, u l-Amerikani li riedu, b'kull mezz u b'kull mod, itajru lid-dittatur Gaddafi biex – mingħalihom – idaħħlu d-demokrazija. Illum nafu x'daħħlu – qerda, tifrik u mwiet. Il-Libjani jixirqilhom kull rispett għax huma nazzjon sovran u ħieles daqs kull wieħed li hemm fl-Unjoni Ewropea. Veru, bħalissa qed tirrenja l-firda u l-Libja marret lura għall- għeruq tribali tagħha, minbarra l-influwenzi terroristici u estremisti li laħqu infiltrawha, iżda anki fi ħdan l-istess Unjoni Ewropea hemm pajjiżi li għadhom ma solvewx il- problemi nazzjonalistiċi tagħhom, fosthom il- Katalonja u l-Baski fi Spanja, l-Lombardia u s-Sud Tyrol fl-Italja, l-Flammini fil- Belġju u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Jekk l-Unjoni Ewropea jidhrilha li tista' taqbad u tidħol fil-Libja biex twettaq ħidma militari qajla hemm ħadd li jista' jżommha. Hekk għamlu l-Ewropej u l-Amerikani fl-imgħoddi qrib u mbiegħed, imma ma jippretendux imbagħad li jistgħu jikkundannaw u jissanzjonaw lil ħaddieħor li jkun għamel, jew akkużat li għamel, bħar-Russija fil-Krimeja u l-lvant tal- Ukrajna. Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tagħna dejjem kienu ċari fi kliemhom li azzjoni militari (fl-UE jsejħulha missjoni biex tidher inqas aggressiva!) fil-Libja għandha ssir biss kemm-il darba jkun hemm il-kunsens ċar tal-Ġnus Magħquda. Għalhekk ma ħadthiex bi kbira li l-forza tal-ajru fil-Libja qed thedded li tattakka kull bastiment Ewropew li jkun fit-territorju marittimu Libjan mingħajr permess. Hu x'inhu l-iskop ta' ndħil militari sfaċċat mhu qatt iġġustifikat. Għaldaqstant it-twissija li ħareġ il-Gvern Libjan ta' Tobruk, ironikament rikonoxxut mill-komunità internazzjonali kollha, tagħmel sens u l-Ewropej jagħmlu sew jomogħduha qabel ifattru kollox. Jagħmel sens akbar l-appell tal-kmandant tal-Awtorità Kontra l-Immigrazzjoni fil-Libja, Mohamed Abu Breida, biex l-Unjoni Ewropea tikkordina aktar mal-Libja fuq il-kwistjoni. Huwa għamilha ċara li attakk fuq dgħajjes Libjani fit-territorju Libjan ikun qed jimmina b'mod l-aktar serju s-sovranità tal-pajjiż ġar tagħna. Naħseb li l-punt ewlieni joħroġ waħdu: l-ebda skuża, l-ebda inċertezza, l-ebda pressjoni politika u l-ebda raġunament filosofiku ma jiġġustifikaw li l-Ewropej jaqbdu u jreġġgħu l-arloġġ lura għaż-żmien meta li tkun f 'saħħtek, militarment u ekonomikament, ifisser li tista' tagħmel li trid u tgħaffeġ fuq il-ħelsien u s-sovranità ta' pajjiż ieħor, anki jekk ikun fi stat ta' kriżi. L-għajnuna, d-djalogu u l-perżważjoni ilhom li ħadu post l-intervent militari, anki dak imlibbes libsa ta' missjoni kważi umanitarja! KIF NAĦSIBHA CHARLES FLORES IL-Libjani jixirqilhom kull rispett Il-Libja mhix tal-Ewropej, anke jekk bħalissa tinsab maqsuma fi tnejn jew tlieta AĦBARIJIET ONLINE .cOm.mT