Illum previous editions

illum 28 June 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/534051

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 28 ta' Ġunju 2015 | illum 17 M a nafx hix traġedja u lanqas naf hux kummiedja imma probabilment hija taħlita tat-tnejn illi eventwalment il-poplu Grieg ikollu jħallas qares għaliha. Żgur imma illi hija telenovela.Mhux l-ewwel darba illi rajtha l-qorti: persuna jkollha biċċa raġun jew forsi anke ħafna raġun imma bil-mod kif iġġib ruħha, titlef il-ftit jew ħafna raġun li jkollha. Għaliex mhux biss importanti illi jkollok raġun imma illi tkun taf tieħdu, jew ta' lanqas ma titilfux. U kif kien għalliemni avukat akbar minni fil-bidu tal-prattika tiegħi, huwa importanti illi wieħed jakkwista s-simpatija tal-ġudikant waqt il-kawża, għalkemm mhux dejjem wieħed jirnexxielu. Applikat dan kollu għal Greċja, wieħed ma jistax ma jibqax imbellaħ bl-aġir u mutetti tal-gvern Grieg ta' Alexis Tsipras. Qiegħed nikteb is-Sibt waranofsinhar, u għal darba l-editur ser jaħfirli għas-soltu dewmien tiegħi, eżatt kif bdiet il-ħames laqgħa tas- sbatax il-Ministru tal-Finanzi taż-żona ewro f 'anqas minn ħmistax. Mhux ta' b'xejn x'uħud minn dawn il-Ministri tal-Finanzi lmentaw fil-pubbliku dwar il-ħela ta' air miles illi dawn il-laqgħat qed jikkawżaw. U l-opinjoni pubblika Ewropea, inkwetata b'ħafna affarijiet, fosthom it-terroriżmu Iżlamiku u s-sitwazzjoni ekonomika, mhix tieħu gost bit-tattiċi Griegi. Verament issa wasalna f 'mument kritiku fit-traġikummiedja ellenika, dak illi fil-litteratura jsejħulu mument ta' denouement. Fil-ħin illi qiegħed nikteb, l-affarijiet ma jidhrux sbieħ għal Greċja wara illi Alexis Tsipras ħabbar fis-1am tal-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt illi l-gvern tiegħu ser isejjaħ referendum il-Ħadd li ġej sabiex il- poplu Grieg jingħata l-opportunità jiddeċiedi jekk jaċċettax l-aħħar proposti tal-kredituri tal-Greċja. Tsipras uża ton verament aħrax fl-indirizz tiegħu. "Wara ħames xhur ta' negozjati iebsin, sħabna, sfortunatament, spiċċaw jagħmlulna proposta illi kienet ultimatum għad-demokrazija Grieg u għall-poplu Grieg, ultimatum illi jistona mal-prinċipji fundamentali u l-valuri Ewropej, il-valuri tad-dar komuni Ewropea." Tsipras stqarr illi r-riformi illi pajjiżu kien qed jiġi mitlub iwettaq kien rikatt illi jfisser illi Greċja taċċetta "awsterità severa u umiljanti bla tmiem u mingħajr il-prospett illi xi darba tiffjorixxi soċjalment u ekonomikament." Wara illi l-Greċja ssottomettiet matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn il-proposti ġodda tagħha sabiex ssib € 7 biljun għall-budget tagħha, ir-reazzjoni tal-pajjiżi ewropej kienet ġeneralment posittiva u deher xaqq ta' dawl għall- kriżi interminabbli Griega. Fl-aħħar kien hemm proposta Griega illi kienet strutturata u bis-sens. Dan minkejja illi kien hemm ftit konfużjoni m'hux ħażin meta l-Greċja oriġinarjament bagħtet Bruxelles sett ta' proposti żbaljati. Forsi dan l-inċident sfortunat jillustra bl- aktar mod drammatiku dak kollu li hu ħażin fir-rigward tal-Greċja. Kif inhu possibli illi f 'negozjati f 'dan il-livell u ta' importanza daqshekk straordinarja illi l-Greċja ma tibgħatx il-proposti tajbin? Ċertament, ma ngħatatx l-impressjoni ta' serjetà u professjonalità da parti tal- Greċja. Imma dawn it-tamiet ma damux ma sfumaw. Il-FMI ma kkondividietx l-entużjasmu tal-pajjiżi Ewropej. Filwaqt illi l-FMI ried illi ż-żieda fil-finanzi pubbliċi tkun permezz ta' tnaqqis fl-ispiża pubblika fir-rigward ta' 80% ta' tali żieda u 20% permezz ta' żieda fit-taxxi, il-proposti Griegi kienu strutturati l-kontra b'92% mid-dħul ġdid suppost ser jiġi minn żidiet fit- taxxi, speċjalment permezz ta' taxxa ġdida fuq negożji illi jkollhom bejgħ ta' aktar minn € 500,000 u żieda fir-rata tal-VAT. Il-FMI deherlu illi tali miżuri ser ikollhom effett aktar riċessjonarju fuq l-ekonomija griega illi diġà ċkienet b'25% minn mindu faqqgħet il-kriżi fl- 2010 u għalhekk, m'aċċettathomx. Barra minn hekk, il-Greċja għandha rekord verament fqir fir-rigward tal-ġbir tat- taxxi illi hija waħda minn dawn il-kawżi tal-kriżi attwali u ma kien hemm l-ebda garanzija illi jirnexxielha tiġbor it-taxxi illi kienet qiegħda tgħid illi ser tiġbor. Segwew aktar negozjati u beda iktar jidher illi d-differenzi bejn iż-żewġ naħat ma kienux daqshekk kbar illi ma setgħetx tinstab soluzzjoni. Tajjeb illi wieħed ifakkar f 'dan l-istadju illi wara żewġ bail-outs mill-pajjiżi Ewropej, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill- FMI, il-Ġreċja għandha tagħti € 242. 8 biljun lil kredituri uffiċjali. Minbarra hekk, investituri privati għandhom f 'idejhom € 38.7 biljun ta' titli tal-gvern Grieg wara illi fl-2012, kien hemm tnaqqis kbir ta' € 107 biljun tad-dejn privat Grieg, jiġifieri b'75%. Min-naħa tiegħu, il-FMI kkommetta ruħu illi jsellef € 48.1 biljun lill- Greċja illi minnhom € 16.3 biljun jiġu żbursati sa Marzu 2016 jekk il-Greċja jirnexxielha tlesti t-tieni programm ta' bail-out b'suċċess. S'issa, il-Greċja dejjem ħallset lura s-self tal-FMI fil-ħin imma jekk sa l-aħħar ta' dan ix-xahar ma tħallasx € 1.6 biljun illi għandha tagħti lura f 'Ġunju 2015, il-Greċja tkun l-ewwel pajjiż żviluppat illi m'onoratx is-self tal-FMI. U biex dan ma jseħħx, il-ħlas irid isir sa nhar it-Tnejn. Mill-banda l-oħra, il-BĊE għandu b'kemm jiswew € 19 biljun titli tal- gvern grieg illi effettivament huwa self lill-gvern grieg minkejja illi teknikament, tali self mill-BĊE huwa pprojbit. F'Lulju u Awwissu, il-Greċja trid tifdi € 6.7 biljun minn dawn it-titli illi hija sfida oħra kbira għal gvern Grieg meta wieħed iqis illi jekk jintlaħaq ftehim, possibilità illi issa qiegħda dejjem tidher aktar remota bis-sigħat, kull ma ser tirċievi hu € 7.2 biljun illi għadhom disponibbli mit-tieni programm t'għajnuna. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali fis-sistema Ewro għandhom € 7.2 biljun oħra f 'titli Griegi. Imma fuq kollox, kif għidna l-ġimgħa l-oħra, il-BĊE qiegħda żżomm is-sistema bankarja griega fuq saqajha billi dejjem iżżid il-limitu illi l-bank ċentrali Grieg jista' jsellifhom. Il-B.Ċ.E. ser jiltaqa' aktar tard illum u d-deċiżjoni tal-kapijiet tal-banek ċentrali tal-ewrożona ser tkun deċisiva sabiex il-banek Griegi jkunu jistgħu ikomplu jiffunzjonaw jew le. Il-BĊE diġà ħabret illi mhix ser tkompli testendi din l-għajnuna t'emerġenza wara l-aħħar ta' Ġunju meta jiskadi t-tieni programm t'għajnuna u dana ma jawgurax tajjeb għall-Greċja. Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi taż-żona ewro taw lil Greċja € 52.9 biljun f 'self bilaterali taħt l-ewwel ftehim t'għajnuna fl-2010. Taħt it-tieni ftehim tal-2012, Ateni rċeviet € 141.8 biljunn mill-mill- Fond Ewropew tal-Istabilità Finanzjarja illi minnhom tista' tieħu € 1.8 biljunn immedjatament jekk jintlaħaq ftehim. Ta' min jgħid ukoll illi b'dawn iż-żewġ bail-outs, il-Ġermanja hija esposta fl-ammont ta' € 57.23 biljun (u l-Griegi qed juru r-rikonoxximent tagħhom billi jerġgħu jqanqlu pretensjonijiet fir- rigward tad-delitti mwettqa mill-armata tal-okkupazzjoni tedeska matul it-Tieni Gwerra Dinjija u b'karikatturi ta' Merkel u Schauble f 'unformi nażista), Franza hija esposta sa € 42.98 biljun, l-Italja € 37.76 biljun, Spanja € 25.1 biljun u wieħed jibqa' sejjer hekk sakemm jasal għal € 177 miljun ta' Malta. Dan barra l-kontribut ta' kull pajjiż għas-self tal- F.M.I. skond il-kwota li għandu fil-FMI. Wieħed irid igħid ukoll illi l-pajjiżi taż-żona ewro estendew il-maturità tas-self tagħhom lil Greċja minn 15 sa 30 sena u naqsu r-rata tal-imgħax għal 0.5 punt bażi aktar minn kemm jiġihom is-self. Taw ukoll moratorju ta' għaxar snin fuq il-ħlas tal-imgħax fuq it-tieni programm ta' self mill-F.E.S.F. U kollox jindika illi kif stqarr il-Prim Ministru Muscat, kienu lesti illi jikkonċedu termini aħjar sabiex is-self tal-Greċja jitħallas lura. Is-rata tal-imgħax fuq is-self tal-F.M.I. fl-ewwel programm ta' għajnuna huwa ta' 3.5% illi għalkemm ogħla mis-self Ewropew, huwa pjuttost ġeneruż ukoll. Madankollu, il-FMI ilu jargumenta illi d-dejn Grieg illi jammonta għal xi 180% tal-PGD Grieg mhuwiex sostenibbli u jrid jitnaqqas bħalma tnaqqas id-dejn tal-banek fl-2012. Il-grazzi ta' Tsipras kien illi jgħajjar lill-FMI b'intenzjonijiet kriminali fil- proposti illi tagħmel. Kollox jindika, għalkemm l-użu tal- verb kondizjonali huwa obbligatorju, illi qegħdin nassistu għat-tmiem tan-negozjati mal-Greċja. Ħames xhur ta' negozjati ma tawx ir-riżultati mixtieqa u l-aħħar mossa tal-gvern grieg illi jsejjaħ referendum illi fih huwa mistenni jħeġġeġ lill-elettorat jivvota "le" għall-proposti tal-kredituri Ewropej u l-FMI ma ntlaqgħet xejn tajjeb mill-maġġorparti tal-ministri tal- finanzi tal-ewrożona mlaqqa' fi Brussell il-bieraħ waranofsinhar. Ir-reazzjoni ta' ħafna ministri kienet illi l-Greċja għalqu n-negozjati b'din is-sejħa għal referendum. Kif qed nikteb, qed nassisti għall-konferenza tal-aħbarijiet minn Jeroen Dijsselbloem, il-kap tal- ewrogrupp illi qed iħabbar illi t-18-il Ministru tal-Finanzi tal-ewrogrupp (kollha ħlief dak Grieg) qablu illi ma jilqgħux it-talba tal-gvern Grieg illi jestendi t-tieni programm t'għajnuna wara nhar it-Tlieta sabiex ikun jista' jżomm ir-referendum. Dijsselbloem sejjaħ il-pożizzjoni tal-gvern Grieg illi jsejjaħ referendum illi fiha qed jikkampanja għal "le" għall-proposti tal-kredituri bħala ftit korretta. Issa l-ewrogrupp ser jibda jiddiskuti l-pjan B illi ser isir pjan A : x'ser jiġri nhar l-Erbgħa meta t-tieni programm t'għajnuna ikun skada? L-ekonomija Griega hija xi 2% ta' dik taż-żona Ewro u għaldaqstant, l-impatt tad-default Grieg m'għandhux jiġi esaġerat. Qisu jfalli xi raħal żgħir f 'pajjiżna. Imma ċertament il-konsegwenzi fuq il-povri ċittadini Griegi illi tant ilhom isofru ser ikunu kbar. Il-ġimgħa d-dieħla nkomplu nitkellmu fuq din it-telenovela illi kif titlob it-tradizzjoni ma jidhirx illi qatt ser tintemm. Naraw jekk kienx hemm xi salvataġġ tal-aħħar minuta minkejja illi kollox jindika illi ma jeżistux il- kundizzjonijiet għal tali eventwalità. U nippruvaw nitkellmu xi ftit fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż qarib tat-Turkija fejn qed jikbru l-ħsejjes illi ser titwaqqaf koalizzjoni bejn il-partit Iżlamista, l-AKP u l-ikbar partit tal-oppożizzjoni, is-CHP, il-partit Repubblikan tal-Poplu, il-partit sekulari ta' Kemal Ataturk, il- fundatur tar-repubblika Turka. It-telenovela Biżantina żgur ser ittina ħafna aktar puntati interessanti. Segwini fuq il-paġna tiegħi ta' Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Telenovela Biżantina JOE ELLIS Verament issa wasalna f 'mument kritiku tat-traġikummiedja ellenika

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 June 2015