Illum previous editions

illum 29 January 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/779070

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 29 ta' Jannar 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Kirjiet: Storja ta' 'issa', 'illum' u 'għada min rah?' I l-prezz tal-kirjiet privati mhux għola, imma sploda. Fatt. Din iż-żieda hija frott tas-suċċessi ekonomiċi li qed jikseb il-pajjiż u sforz il-fatt li Malta qed tattira lejha numru kbir ta' barranin li qed jimlew postijiet tax- xogħol li ħafna drabi, jew m'hemmx biżżejjed Maltin kwalikati biex jimlewhom jew inkella l-Maltin ma jridux jagħmluhom. Fatt. Il-kirjiet qed jogħlew għax hemm domanda ikbar għal postijiet b'valur għoli, imma wkoll għax qed jiżdied il-fenomenu ta' gruppi li jgħixu f 'appartament wieħed u ta' nies li jikru kamra waħda. Fatt. Is-suq qed jimbotta ħaddiema u familji Maltin 'il barra mis- suq tal-kiri u qed joħloq 'lower class' ġdida. Fatt. Din il-'lower class' ġdida tinkludi ha, jekk mhux primarjament magħmula minn, 62,200 persuna (skont l-aħħar studju SILC-2014) li llum la jilħu jikru u lanqas jieħdu self mill-bank u li mhux neċessarjament qegħdin fuq il-paga minima. Fatt. Għall-grazzja t'Alla, m'għandniex kriżi soċjali u faqar estrem għax il- maġġoranza assoluta tal- Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta' darhom. Fatt. Nibdew mill-ewwel billi niċċaraw li din il-gazzetta temmen fis-sħiħ li (apparti min jabbuża) kull min għandu proprjetà privata, jekk hux waħda, tnejn, tlieta jew mija, ħadem għaliha. L-istat, f 'kull mument, irid jirrikonoxxi dan. Għalhekk ma nemmnux f 'kontrolli li jimponu prezz. Il-Gvern ma jistax jimponi prezz ta' servizz jew oġġett. Il-Gvern ma jistax lanqas jippenalizza lil min ikun investa, u min investa ma jistax ikun imġiegħel iżomm prezz partikolari. Il- falliment ta' dawn il-miżuri ma ngħiduhx aħna, imma jgħiduh il-fatti madwarna (ara paġna 10 u 11). Imma dan ma jfissrix li għandna nħallu s-suq isuq u nippermettu ġungla ta' abbużi li issa bdew telgħin fil-wiċċ, tant li ż-żewġ mexxejja politiċi llum qed jitkellmu dwar il-problema ta' kirjiet għoljin. Għal snin sħaħ, kerrejja kienu qed iħallsu kontijiet b'rati tat-tieni residenza (li huma ħafna ogħla), meta din kienet l-unika residenza tagħhom. Fi ftit kliem, min jikri kien qed iħallas tlieta, erba' u anke ħames darbiet iktar minn konsumatur li jgħix f 'daru. Dan ġust? Ġust li lanqas biss hemm gwidi ċari u legali u li minnhom diffiċli taħrab, dwar meta depożitu għandu jinżamm? Ġust li jeżistu aġenziji tal-proprjetà li jagħtu dettalji dwar min iħallas kemm f 'każi differenti, biex imbagħad f 'dan il-qasam hemm attività sħiħa 'taħt l-art' fejn il-kerrej m'għandu dritt ta' xejn? Ġust li kerrej m'għandux ikollu żmien stipulat bil-liġi, minn meta jkun infurmat b'żieda fil-prezz tal-kirja? Ġust li m'hawnx awtorità li tirregola lanqas l-affarijiet l-aktar bażiċi, bħal inventarju, qabel tibda u tispiċċa kirja? Ġust li jeżistu ħafna każi, imma speċjalment f 'każi fejn il- kirja ma ssirx minn aġenzija kbira, fejn sid ma jaqdix l-obbligi li jirranġa jew jagħmel manutenzjoni, biex bil-pulit tkeċċi l-kerrejja 'l barra? U nistaqsu iktar. Fiex waslet ir-riforma li kien ħabbar dak iż-żmien il- Ministru responsabbli Josè Herrera għall-aġenziji? Kif f 'dan il-pajjiż għandna industrija bħal din tal-kiri li qed tikber kull ġimgħa, u lanqas biss għandna linji gwida ċari għal min jaħdem fiha? Qed niftaħru b'kemm qed toħloq flus din l-industrija u għadna lanqas biss nafu eżatt min qed jikri, kemm hu kwalifikat, min qed jitfa' l-flus fil-kirjiet u min qed jixtri xiex. Ngħaddu lil min irid jixtri minn għarbiel bankarju strett u mbagħad, bħalissa f 'pajjiżna, hawn min qed jikri blokok t'appartamenti sħaħ u ħadd ma jistaqsi minn fejn ġejjin il-flus. L-aqwa li l-flus deħlin. Ħasil ta' flus? U issa, x'jinteressana! Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta indikazzjoni li l-Gvern se jkun qed jieħu azzjoni u saħansitra stqarr li lest li jirregolarizza s-suq jekk bl-għajnuna li qed jagħti l-Gvern jibqa' ma jinbidel xejn. Minkejja li din il-gazzetta ma qagħditx tistenna lil Muscat jitkellem biex tirraporta dwar dan is-suġġett, u fil-fatt ilha tirraporta dwaru tmien xhur sħaħ, xorta naqblu miegħu. Il-ġungla ta' bħalissa mhi għall-vantaġġ ta' ħadd, lanqas għall-ekonomija. Għada pitgħada dawk il- barranin li qed jiġu Malta, se jindunaw li f 'pajjiżna qed iħallsu wisq f 'kirjiet u jifdallhom inqas fil-but. Se jagħmlu s-somom u jintebħu li bieb u għatba magħna hemm gżira oħra, li qed tiżvojta mill-ħaddiema għax l-ekonomija tagħha majnat sew, li fiha hemm kirjiet baxxi u li minn hawn u ftit żmien ieħor, malli tirpilja, se tiftaħ il-bibien tal-opportunitajiet għal ħaddiema ġodda. Irridu nieqfu nħarsu lejn l-issa u l-illum. Irridu nkunu razzjonali, ninżaw il-preġudizzji u nintebħu li ġungla ma tiswa lil ħadd, la lil min qed ibati llum u lanqas minn qed jagħmel kemxa ġmielha llum. Għax jekk se nibqgħu sejrin hekk, se tinfaqa' l-bużżieqa waħda sew u min illum qed jagħmel il-flus, għada jkun qed jittewweb. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 January 2017