Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/779070
Il-Ħadd 29 ta' Jannar 2017 | illum 23 Rakkont FIRRISTORANT fejn kienet qiegħda, kien hemm atmosfera ferriħija. Iżda Loren kienet qiegħda tħossha qisha ħuta barra mill-ilma. Kulħadd kien mehdi; min jiekol mill-platti perfetti taċ-ċeramika rikka li kien joffri dan il-post eleganti, min ifesfes minn taħt ma' xi persuna li kien hemm miegħu fuq il-mejda, min jidħak, min jikkumplimenta lill-wejters li kienu qegħdin jaqdu lill-klijenti b'mod perfett, min jixrob l-inbid u min għadu qed jaħseb x'kien ser jordna mill-menu estensiv li kien joffri dan ir- ristorant sabiħ. Loren kienet qiegħda tħares lejn dawk li kienu qed jakkumpanjawha f 'din l-ikla madwar il-mejda. Kienu qiegħdin xi tmienja kollox u xi ħadd minnhom, li hi bilkemm kienet taf l-isem, kien qed jgħid xi ċajt li hi xejn ma ħasset umoristiku. Kien żball. Missha ma ġiet xejn. Imma riedet toħroġ. Kienet xebgħet id-dar. Wara relazzjoni ta' seba' snin li kienet għadha kemm tkissret, Loren ma kellhiex aptit nies. "Loren, lil Alex rajtu jiekol ma' waħda taħdem miegħu," kienet qaltilha Greta, waħda li kienet taħdem fl-uffiċċju magħha u li kienet it-tort li hi kienet spiċċat hawn illejla. Iżda Greta ma kellhiex għalfejn tgħidilha. Il-mobile dejjem moħbi, il-messaġġi u t-telefonati sigrieti. Il-bidla fl- attitudni tiegħu. "Tħobbha?" Kienet staqsietu malli kienet marret lura fl- appartament. Ma kienx tkellem. Ma kienx raġel biżżejjed biex jgħidilha l-verità. L-għada, wara x-xogħol kienet sabet l-appartament fejn kienu jgħixu nofsu vojt. Kien ħa sehmu. Loren kienet taħdem f 'uffiċċju ma' kumpanija privata. Fuq ix- xogħol, ftit li xejn kellha ħbieb. Ħajjitha kienet mimlija b'Alex. Qatt ma tat kunfidenza lil ħadd. Bilkemm kienet tkellimhom. Kienet tfajla kwieta u xi ftit riservata. "Issa oħroġ magħna tal- uffiċċju," kienet qaltilha Greta, dik il-ġimgħa stess. Loren qabdet it-tazza tal-ilma li kellha quddiemha, għamlet xufftejha mat-tarf tal-ħġieġ imdellek tat-tazza u ndunat li t-tazza kienet vojta. Qamet bilwieqfa. Inħasdu. Daru kollha jħarsu lejha. "Jien se nħallikom," qaltilhom. Kien hemm xi tnejn minnhom għamlulha iva b'rashom, xi ieħor li lanqas biss indenja jħares lejha u l-oħrajn baqgħu skantati jħarsu lejha donnha kienet qalet xi ħaġa ħażina. Kienet kważi għejjiet tipprova tagħti l-impressjoni li kienet qiegħda tinteressa ruħha f 'dak li kienu qegħdin jgħidu, għaliex fil-verità ma kinitx. "Diġà?" staqsietha Greta, tqum bilwieqfa hi wkoll. "Qed inħossni għajjiena..." "U oqgħod ftit ieħor!" qaltilha Greta, tersaq lejha. "Le!" kważi ħatfitha Loren, tipprova titbissmilha iżda ma rnexxilhiex. "Sejra." "Kollox sew..." "Narak nhar it-Tnejn l-uffiċċju..." "Żgur ma tridx...?" kienet ser issaqsiha Greta iżda Loren kienet diġà waslet sal-bieb ta' barra, fetħitu u ħarġet barra fl- arja sħuna ta' dak il-lejl sajfi. Hekk kif ħasset l-arja fietla ta' barra, widnejha ħassithom donnhom jiżvojtaw mill- mużika li kienet għaddejja b'mod sottili u kontinwu fir-ristorant li kienet għadha kemm kienet fih. Lanqas biss kienet indunat li tant kemm kienet xebgħet, anke l-ħsejjes tat-tazzi jċekċku malli jmissu mal-imwejjed, id-diskors fil-widnejn, id-daħk, il-passi tal-wejters...kollox kien beda jdejjaqha. Imxiet bil-galbu lejn il- parkeġġ u waslet sal-karozza tagħha. Daħlet fiha, qabditha u telqet issuq bil-mod 'il barra mill- parkeġġ. Hi u ssuq, xegħlet ir-radju tal-karozza. Kien hemm diska romantika għaddejja fuq l-istazzjon. Alex. Alex kien weġġagħlha qalbha. Għalfejn? Għalfejn...meta hi kienet imxiet tant sew miegħu! Ħasset demgħa ttappnilha l-viżta. Għal mument telgħet għoqla fl-istonku tagħha. It-triq li kien hemm quddiemha dehret donnha xi ftit imċajpra. Id-djar li kienet għaddejja minn maġenbhom bil-karozza tagħha, donnhom bdew jieħdu forom strambi; forom differenti. Rasha ħassitha ddur. Ħasset l-istordament. Inħasdet. Karozza. Għaddiet riħ! Bil-fixla li qabditha, Loren ħadet brejk pjuttost qawwi u l-karozza tagħha ntfiet. Kellha xokk kbir fuqha. Qatt ma ppretendiet li fit-triq li kienet xi ftit jew wisq iżolata, li ma tantx kienu jgħaddu karozzi minnha, kienet se ssib sewwieq li kien se jsuq b'dak il-mod! Għal mument, għalqet għajnejha ħalli tikkalma, żammet l-isteering sod f 'idejha u ħadet nifs twil. Dawret ħarsitha lura lejn it-triq. Baħħ. Dik il-karozza kienet ħalliet baħħ warajha. Loren ippruvat tqabbad il- karozza ħalli tkompli ssuq. Bix-xokk li kellha fuqha lanqas kienet indunat li r-radju wkoll kien donnu mar għaliex kull darba li bdiet iddawwar iċ-ċavetta kienet qiegħda tisma' ħafna textix. "Il-bambin ibierkek!" bdiet tgerger waħedha hekk kif baqgħet tipprova ddawwar iċ- ċavetta tal-karozza iżda ma kien qed jiġri xejn. Il-karozza ma riditx taqbad! Donnu kollox kien ġej ħażin! Bdiet tgerfex fid-dlam li kienet toffri t-triq u tfittex il-basket li kienet tefgħet ftit ilu bl-addoċċ fuq is-sedil ta' wara tal-karozza. Ħarġet il-mobajl u bdiet iċċempel. Tat ħarsa madwarha lejn it- triq. Ċappa dlam. Ħasset is-suf ta' ġisimha jqum xewk xewk. Il-mobile ma riedx jaħdem. Bdiet kważi tħoss nifisha jinqatgħalha hekk kif reġgħet bdiet iddawwar in- numru ta' missierha. "Issa x'se nagħmel?" bdiet tibki waħedha. Ma kellhiex aptit toħroġ timxi f 'dan id-dlam waħedha. Ħasset il-paniku jieħu kontroll ta' ġisimha. Għal mument bdiet tibki qisha tarbija. Iżda mbagħad indunat li kellha tagħmel xi ħaġa. Inkella kienet se tibqa' hawn. Waqfet għal ftit tħares u tieħu nifs tqil. Bdiet tiddejjaq. Tibża' xi ftit. Kif kellu jiġrilha hekk? F'temp ta' ftit sekondi kienet spiċċat bla karozza, bla mobile u waħedha f 'din it-triq hekk imwarrba. Ħarġet mill-karozza, sakkritha u għamlet żewġ passi. Il-ħsejjes li bdew ġejjin minn qalb xi ħaxix li kien qed jikber bl- abbundanza mat-truf tat-triq, bdew ibeżżgħuha aktar. Minn xi bnadi bdiet tisma' xi insetti ta' bil-lejl jagħmlu l-ħsejjes qalb l-għelieqi mudlama tal- madwar. L-orizzont kien jidher imdallam bil-friegħi ta' siġar kbar li kien hemm kullimkien madwar it-triq imserrpa li kien hemm quddiemha. Ħasset qalbha trid toħroġ minn ġo sidirha. Iżda kellha tagħmel aktar kuraġġ u timxi. Tgħid kien ser jgħaddi xi ħadd? Tgħid kien ser jgħinha xi ħadd? Dak il-ħin semgħet il-ħoss ta' karozza ġejja mill-bogħod. Loren resqet lejn il-ġenb tat- triq. Tistenna. Ħasset l-għaraq ixoqq għaliha hekk kif bdiet tinkwieta jekk kienx xi ħadd li kien ser jieqaf jew le. Jekk kienx xi ħadd lest li jgħinha jew le. Rat id-dwal tal-karozza li kienet ġejja lejja jersaq eqreb u eqreb. Il-ħoss jikber. Jikber u jikber sa xħin wasal eżatt maġenbha. Ħarġet bil-mod mill-ġenb tat-triq u b'għajnejha t-tnejn imbexxqin minħabba li d-dwal tal-karozza bdew iweġġgħulha għajnejha, ħarġet idha ftit 'il barra ħalli x-xufier jaraha. Il-karozza, li ħaġa tal- iskantament, kienet l-istess waħda li kienet għaddiet riħ minn magħha qabel u li minn banda kienet it-tort li kienet intfiet il-karozza tagħha, reġgħet għaddiet minn magħha mingħajr ma waqfet. Loren baqgħet b'ħalqha miftuħ. Dak il-ħin ma kienet se tinsieh qatt. Ġara kollox f 'temp ta' ftit minuti jew biex inkunu preċiżi, sekondi. Il-karozza, fl-ewwel parti tat- triq, baqgħet għaddejja bi dritt sa x'ħin kien hemm l-ewwel liwja. Dak il-ħin, donnu tilfet il-kontroll, ħabtet ma' siġra li kien hemm fil-ġenb u b'konsegwenza ta' hekk, spiċċat qisha ddur fil-vojt u taqa' għal isfel. Għal ftit sekondi, Loren ma ċċaqalqitx. Ħassitha statwa. Kesħet. Il-ħoss qawwi tal-impatt tal-karozza mal-ilma ta' xi xmara li kienet għaddejja, apparentament minn taħt it- triq, ħalla warajh skiet assolut. Skiet misterjuż. Skiet tal-biża'. "Madonna tal-ħniena!" bdiet tgħajjat Loren. Ġriet lejn in-naħa l-oħra tat- triq minn fejn kienet għadha kemm waqgħet il-karozza. Semgħet il-ħoss tal-ilma tax- xmara għaddej bil-galbu minn taħt it-triq fejn kienet tinsab Loren. Bi tbatija, bdiet tersaq lejn it-tarf fejn kien hemm parti mit-triq imkissra, tittawwal għal isfel ħalli tara aħjar. Bil-ftit dawl li kien qed inemnem mill-qamar felli ta' dak il-lejl rat li l-karozza ma kienet għadha tidher imkien! Kienet waqgħet fix-xmara! Loren ippruvat tinżel għal isfel iżda bejn għax kien hemm parti mit-triq imkissra u bejn għax ma kinitx qiegħda tara sew, ma setgħetx. Dak il-ħin kienet ġejja karozza oħra! Bla ma ħasbitha darbtejn resqet lejn nofs it-triq u qisha waħda mitlufa minn moħħha bdiet ixxejjer idejha u tgħajjat. Waqfitilha. Wara ftit minuti, il-karozza li kienet misjuqa minn mara ta' iktar minn ħamsin sena, wasslitha l-għassa tal-pulizija. "Iva...karozza qed ngħidilkom!" bdiet tfiehem lill-Ispettur li kien qiegħed fl-għassa, bla nifs u b'leħinha jirtogħod. "Waqgħet għal isfel! Is-sewwieq jaf imsakkar fiha! Għaġġlu!" Bil-kemm setgħu jifhmuha, kif kienet mitlufa bil-paniku li kellha! Dik l-avventura ma kienet se tinsiha qatt. Wara li kienet waslet id-dar, il-mobile kien donnu beda jaħdem normali. Bil-kemm riedet temmen. "Għada nwasslek għall- karozza," qalilha missierha. "Tgħid sabuh lil tal- karozza?" qalet bejnha u bejn ruħha Loren, hekk kif kienu ser jidħlu jorqdu. Lanqas kienet ser torqod bil-ħsibijiet. "Ħalli f 'idejn il-pulizija!" qalilha missierha. L-għada, Loren qamet kmieni u b'rogħda kbira fuqha, fetħet it-televiżjoni fuq l-aħbarijiet ħalli tara jekk kienx hemm xi aħbar. Bdiet tagħmel idejha ponnijiet u titlob f 'qalbha li l-aħbarijiet ikunu tajbin. Ma tantx damet ma semgħet il-leħen ħelu tat-tfajla li bdiet taqra l-aħbarijiet. "Kurt Mamo, ġuvni li kien ilu nieqes għal dawn l-aħħar sitt xhur, instab fi stat qawwi ta' dekompożizzjoni fix-xmara ta' taħt il-pont..." Loren ħassitha tipparalizza. Sitt xhur...kif jista' jkun? Sabet il-karta li kien taha l-Ispettur. "Loren, ma nafx eżatt x'ġara dal-lejl..." qalilha l-Ispettur. "Skont l-eżamijiet li għamilna, dik il-karozza li ddeskrivejt inti li għaddiet darbtejn minn miegħek, kien ilha taħt l-ilma fix-xmara għal dawn l-aħħar sitt xhur! U s-sewwieq ilu mejjet fiha minn dakinhar li sparixxa!" Sharon Calleja Inċident marbut b'misteru