Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/788856
Il-Ħadd 19 ta' Frar 2017 | illum 3 Aħbarijiet 'Mingħajr għajnuna mill- Gvern, m'hemmx ċans ta' self bla depożitu' "LUNIKU mod kif il-banek jistgħu jsellfu 100% tas-somma neċessarja biex tinxtara proprjetà huwa li l-Gvern jagħti kontribut dirett favur ix-xerrej u jagħmel tajjeb għad- depożitu ta' 10% li jitolbu l-banek kummerċjali." Dan intqal lill-ILLUM minn sors fis-settur bankarju, li xtaq jibqa' anonimu, fid-dawl ta' proposta li d-Deputat Laburista Silvio Schembri għamel fuq din il-gazzetta, jiġifieri li hemm bżonn tingħata għajnuna għal min jixtieq jissellef flus mill-bank, għandu paga fissa, iżda m'għandux is-somma mitluba għad-depożitu. "Għandha tingħata għajnuna lill-persuni li jridu jixtru proprjetà permezz ta' ħlas tad-depositi tal-10% waqt ix-xiri ta' proprjetà li ma taqbiżx ċertu ammont," sostna Schembri, li żied jgħid ikun possibbli wara kontrolli tal-mezzi adegwati u evalwazzjoni tal-persuni individwalment. Is-sors li tkellem mal-ILLUM, li għandu esperjenza vasta fil-qasam bankarju, spjega kif id-depożitu, minbarra li jnaqqas mis-somma msellfa, li tiġi kkalkulata fuq il-paga tal-persuna, iservi bħala prova tal-affidabbiltà. B'hekk il-klijent ikun wera li kapaċi jwarrab somma qabel jikkommeti jħallas rati ta' self għal numru ta' snin. "L-affidabbiltà ta' persuna hija importanti għall- banek għax fil-każijiet fejn il- pagamenti ma jibqgħux isiru, il-bank ikun f 'riskju kbir biex iġib lura l-flus mill-bejgħ tal-proprjetà li bil-mod kif inhu s-suq, jaf mhux dejjem iġġib biżżejjed biex tkopri kollox. Imbagħad jidħlu wkoll l-implikazzjonijiet legali u morali meta l-bank jiġi f 'punt li se jitfa' persuna 'l barra minn daru." Is-sors żied jgħid li filwaqt li l-Gvern qatt ma jista' jimponi fuq il-banek kummerċjali, jista' jipproponi skemi biex flimkien jaqsmu l-piż tad-depożitu għall- gwadann tal-poplu. "Jekk il-Gvern bħalissa jinsab daqshekk kunfidenti li l-ekonomija sejra tajjeb, ikun tajjeb li jkun fuq quddiem biex joffri għajnuna lil min għandu bżonnha." F'kuntatt ma' din il-gazzetta, Schembri sostna li l-proposta tiegħu għadha qed tiġi diskussa u s'issa għad m'hemm xejn konkret. "Hemm ir-rieda li jew bi ftehim mal-banek, jew b'xi forma ta' self jew garanzija min-naħa tal-Gvern, dawk il-persuni eliġibbli għall- għajnuna, li jkollhom impjieg u paga fissi, iżda jonqoshom is-somma għad-depożitu, jiġu megħjuna biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta' darhom." Id-deputat Silvio Schembri jindika li hemm rieda mill-Gvern biex jintlaħaq qbil għal għajnuna fuq depożitu għall-proprjetà Ruben Anthony Xuereb rxuereb@mediatoday.com.mt Id-Deputat Laburista Silvio Schembri Meta l-bank ma kienx isellef, ħafna krew...imma issa l-kera saret wisq għolja SPEĊJALMENT mis-snin 90 'il quddiem, minn meta s-self biex tinxtara proprjetà sar komuni jew l-uniku mod biex persuni mhux benestanti jifilħu jħallsu għal dar, ġara li l-Gvern, kien min kien, ħalla wisq f 'idejn il- banek kummerċjali biex isolvu dan il-bżonn tal-poplu. Aktar ma għadda ż-żmien, bil- prezz tal-proprjetà jiżdied aktar mil-livell tal-pagi tan-nies, żdied l-ammont ta' dawk li ma setgħux jissellfu flus. Għal numru ta' snin, min kien jiġi rrifjutat mill-banek biex jissellef flus u jsir sid ta' proprjetà, ħafna drabi għax ma' kellux paga biżżejjed jew stabbli, jew għax ma kellux l-ammont mitlub bħala depożitu, kellu bilfors jagħżel li jikri. Il-mentalità ta' min kera flok xtara kienet li b'paga medja, flok tħallas €400 pagamenti lill-bank, kienet titħallas l-istess somma f 'kirja. Vera li l-post qatt ma kien se jkun tagħhom iżda flus bi flus u mingħajr bżonn ta' eluf f 'depożitu, kellhom saqaf fuq rashom. Imbagħad inbidel kollox... Il-kirjiet bdew jogħlew f 'daqqa, anke bid-doppju, u għal xi ħadd b'paġa ta' €1,000 fix-xahar per eżempju, li kien diġà jlaħħaq bil- ħniena ma' kera ta' €400 fix-xahar, issa żġur li ma kienx se jiflaħ iħallas kera ta' €800 jew aktar. Rata ta' loan tkun irħas... iżda wara snin jikru, flus għal-depożitu dawn in- nies ma kellhomx, u 'loan' setgħu jinsewh. U hekk huwa kif inħolqot klassi ġdida ta' faqar f 'pajjiżna, ta' nies impjegati, jħallsu t-taxxa, ma jieħdux benefiċċji soċjali, iżda ma jifilħux jew ma jitħallewx iħallsu għal saqaf fuq rashom. ISSUQ tas-self mill-banek jibda mill-ewwel fuq nota diskriminatorja hekk kif waħda mill-ewwel mistoqsijiet li jsiru meta xi ħadd japplika għal self huwa jekk u b'kemm jistgħu jgħinu l-ġenituri. Dan joħloq preċedent għal min m'għandux ix-xorti li l-ġenituri jifilħu jagħtu palata tajba, ta' eluf ta' Euro biex tkopri d-depożitu u l-ispejjez legali u assikurattivi li jitolbu l-banek qabel jagħmlu self. Dan mhux każ ta' Malta biss, hekk kif fir-Renju Unit f 'dawn l-aħħar snin bdew jiġu reklamati '0% deposit loans' li ħajru u taw tama lil numru ta' nies li jinsabu f 'sitwazzjoni simili ta' ħafna Maltin bħalissa. Li ma qalux il- banek Ingliżi fir-reklam tagħhom kien li l-10% depożitu kellhom jiġu koperti minn self jew friżar tal-ammont ta' flus mill-kont tal-ġenituri. Dawn it-tip ta' loans malajr ħadu t-titlu ta' 'mummy & daddy loans' għax fil-verità ma solvewx il-problema ta' individwi li ma kellhomx flus għad-depożitu u ħadd min jgħinhom. Biex ma tissallabx int bid-depożitu, hemm il-'mummy u d-daddy' Banek Ingliżi bdew joffru self ta' 100% tas-somma