Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/788856
Aħbarijiet 4 illum | Il-Ħadd 19 ta' Frar 2017 Spiċċaw iħallsu biex jagħmlu proċessi li suppost għamlithom il-Lands Tkompli minn paġna 1 Agħar minn dan, parti mill-art li ġiet esprorijata, ttieħdet mingħajr lanqas biss saret proċedura ta' esproprijazzjoni, jiġifieri lanqas biss saru l-proċessi neċessarji biex ikun dokumentat il-fatt li l-Gvern ħa l-art ta' din il-familja, li tkellmet mal-ILLUM u li għalissa tixtieq tibqa' anonima. L-Awtorità tal- Artijiet kienet mitluba biex tibda tali proċessi iżda dan baqa' ma seħħx, xi ħaġa li l-Qorti fis-sentenza tagħha f 'Ottubru 2016, iddikjarat bħala ksur tal-Kostituzzjoni. "It-teħid forzuż tal-art proprjetà tal-familja biex saret dik il-parti tat-triq... ma sarx a bażi ta' qafas legali u għalhekk fil-fehma ta' din il-Qorti jikkostitwixxi ksur tal-artiklu 37(1) tal- Kostituzzjoni." Il-familja qed ikollha hi stess, minn butha, tagħmel proċeduri li suppost saru mill-Gvern u mill-Lands. Spejjeż li jinkludu periti, nutara u anke avukati. Il-Qorti kienet pjuttost skjaċċanti fil-kummenti tagħha lejn il-Kummissarju tal-Artijiet u qalet li 'dan ma laħaqx il-bilanċ meħtieġ meta wieħed iqis iż-żmien eseġerat bejn meta ttieħdet il-proprjetà u li effettivament għad irid jiġi determinat il-kumpens li għandhom jitħallsu r-rikorrenti', u ż-żmien li kellha tistenna l-familja. L-istess Qorti preseduta mill-Imħallef Anna Felice sabet li f 'dawn iċ-ċirkostanzi sar ksur tad- drittijiet tal-familja hekk kif protetti mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Is-sentenza hija prattikament att ta' kundanna fuq il-Kummissarju tal- Artijiet , il-Lands, il- Ministeru tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet pubbliċi involuti. Tant li l-Qorti sostniet li d-dewmien eżaġerat li batiet u għadha qed tbati din il-familja, "ma jagħmel ebda ġieħ lill- intimati responsabbli mill- amministrazzjoni pubblika." Il-Qorti fakkret kif permezz ta' deċiżjoni li ħadet il-Qorti Ewropea fil-każ Deguara Caruana Gatto kontra Malta kienet saret l-osservazzjoni relevanti li tgħid li, 'Dewmien eżaġerat fil-ħlas ta' kumpens għal espropriju iwassal għal żieda fit-telf finanzjarju għal persuna li jkollha l-proprjetà tagħha esproprijata u tpoġġiha f 'sitwazzjoni ta' inċertezza.' 'Lil min irranġaw malajr, malajr u lilna ħallewna nistennew' "Dan sew u ġust allura? Aħna f 'Malta għixna dawn is-snin kollha u rajna min ħa kumpens hawn u hemm, u kemm imxew malajr il-proċessi għal ċert nies fil- Lands. Allura aħna ż-żejda?" qalet membru tal-familja li ltaqgħet mal-ILLUM. "Jien ili niġri għand il-Lands snin twal u nista' ngħidlek, li speċjalment sa ftit snin ilu, ir-risposta, mingħand diversi nies fosthom l-eks Kummissarju tal-Artijiet Albert Mamo, dejjem kienet tkun li 'aħna qed inħallsu l-aktar riċenti l-ewwel'. Dan sew allura?" tistaqsi lill- ILLUM viżibbilment urtata u mweġġa' bis-sitwazzjoni. "U dawk li ilhom jistennew, x'nagħmlu? Inħalluhom imutu biex ma jieħdu xejn, bħalma miet missieri?" Filwaqt li qalet li issa l-familja se tkun qed tiftaħ kawża fil-Qorti Kostituzzjonali, sostniet li n-naqra xaqq ta' tama għall-familja tagħha huwa t-twaqqif riċenti tal-Awtorità tal-Artijiet. "Qed nittamaw li dan il-bord jagħmel xogħlu sew u jirranġa l-irregolaritajiet, fosthom tagħna, għax għejjejna u xbajna nonfqu flus. Fil-fatt sakemm nieħdu dak li hu tagħna probabbilment se nkunu nfaqna ħafna iktar f 'periti, nutara, avukati u qrati." 'F'Malta għixna dawn is-snin kollha u rajna min ħa kumpens hawn u hemm, u kemm imxew malajr il- proċessi għal ċerti nies. Allura aħna ż-żejda?" 'Il-Gvern qed jipproponi estensjoni dwar dak li diġà jeżisti' Tkompli minn paġna 1 Mistoqsi dwar id- distinzjoni bejn siti li mhumiex strettament politiċi jew tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici wieġeb li "siti elettroniċi li l-attività tagħhom mhijiex waħda ta' servizz ta' aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti mhux se jkunu effetwati mill-obbligu tar- reġistrazzjoni." Meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar kif se jiġi determinat liema siti huma 'ta' aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti', Bonnici qal li biex dan ikun deċiż "siti elettroniċi li l-attività tagħhom mhix waħda ta' servizz ta' aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti mhux se jkunu effetwati mill-obbligu tar-reġistrazzjoni." Bonnici temm jgħid mal- ILLUM li r-reġistrazzoni ta' siti li jirrappurtaw l-aħbarijiet, jew suġġetti relatati, hija biss estensjoni ta' dak li diġà jeżisti llum, fejn stazzjonijiet li jxandru u kumpaniji li jippubblikaw media u aħbarijiet iridu jirreġistraw l-isem tal-Editur tagħhom. Ir-reġistrazzjoni tas-siti li joffru servizz ta' aħbarijiet, ġrajjiet kurrenti, "se sservi biss fl-interess tat- trasparenza u biex issaħħaħ il-libertà tal-espressjoni tal- ġurnaliżmu." L-aħbar dwar l-emendi fil-liġi li ġiet imħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa qajmet kontroversja bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, bil-PN isostni li r-reġistrazzjoni tas- siti tal-internet, bħal ma jiġri diġà għall-gazzetti u servizzi tax-xandir, "se tnaqqas il- libertà u l-attiviżmu politiku." Min-naħa tiegħu, il-Gvern iddeskriva t-tibdiliet fil-liġi bħala "riforma li se ssaħħaħ il-libertà tal-espressjoni tal- ġurnaliżmu, flimkien mat- tneħħija ta' libelli kriminali, it-tkabbir tad-difiżi għall- ġurnalisti waqt kawżi ċivili u l-projbizzjoni fuq il-ħruġ ta' mandati ta' libelli." Stqarrija sabiex jiġi ċċarat dan il-punt tal-liġi l-ġdida, maħruġa lbieraħ mill-Gvern, għamlitha ċara li "m'hemm, u qatt ma kien hemm l-ebda intenzjoni, la diretta u lanqas indiretta biex iċ-ċittadini jirreġistraw isimhom x'imkien biex ikunu jistgħu jikkummentaw online. Din kienet biss xniegħa qarrieqa li qed jipprova jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni." "Li qed tipproponi l-liġi l-ġdida hu sempliċiment li bħalma l-edituri tal-ġurnali, tat-televiżjoni u tax-xandir ilhom is-snin jirreġistraw għal aktar trasparenza, hekk ukoll jirreġistraw l-edituri tas-servizzi lokali tal-aħbarijiet jew tal-ġrajjiet kurrenti fuq l-internet," temmet tgħid l-istqarrija. Ara wkoll paġni 8, 9 u 16