Illum previous editions

illum 19 February 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/788856

Contents of this Issue

Navigation

Page 33 of 35

illum | Il-Ħadd 19 ta' Frar 2017 Sports 34 Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il- futbol? Bdejt nilgħab il-futbol t'età żgħira fl-għalqa ta' warajna. Aħna konna noqogħdu Raħal Ġdid u niftakar kien hemm wied u t-tfal kollha konna niltaqgħu hemm u nilagħbu l-futbol flimkien. Imbagħad, bħal ħafna tfal oħra, kont abbati u ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini wkoll konna nilagħbu l-futbol. Konna nilagħbu fil-grawnd ta' Għajn Dwieli. Minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-futbol. Meta kont tilgħab il-futbol irbaħt ħafna unuri mal-Furjana. Tista' titkellem fuq din l-esperjenza? Mingħajr ma ninstema' li qed nonqos mir-rispett lejn il-Furjana, l-aktar tazza li ħadt pjaċir nirbaħ kienet l-ewwel waħda tiegħi meta kont nilgħab maż- Żurrieq. Kienet finali mal-Belt. Kienet rebħa li se tibqa' mnaqqxa fl-istorja taż-Żurrieq. Kienet sena memorabbli u imprezzabbli. Biex wasalna s'hemm ħadna ħafna keded. Għamilna sena niġġieldu biex ma naqgħux. Salvajna fl- aħħar logħba bi draw kontra l-Ħamrun u kienu waqgħu l-Furjana. Fit-Trophy ġejna semifinali mar- Rabat. L-ewwel logħba ġejna dro u fir-replay irbaħna. Dak iż-żmien jekk tiġi dro ma kontx tgħaddi għall-ħin barrani imma terġa' tilgħab logħba oħra. Mal-Belt imbagħad fil-finali fl-ewwel logħba ġejna draw 0-0 u fir-replay irbaħnielhom 2-1. Wara dik il-logħba kien għajjatli man- nazzjonal. Kien staġun li filli se taqa' u filli ġiet ir-rebħa tat-Trophy u ġejt mgħajjat man-nazzjonal. X'tista' tgħidli fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali bħala plejer? L-esperjenza tiegħi man-nazzjonal ma tantx kienet twila. Ir-raġuni kienet ħabba x-xogħol. Ma kontx ili wisq mal- Air Malta. Bix-xogħol tiegħi, minħabba t-titjiriet kont infalli t-taħriġ u l-kowċ tan-nazzjonal, Mr Dobrev, wasal f 'punt fejn qalli li ma stajtx infalli aktar. Kienet esperjenza ta' tlieta jew erba' xhur. Kelli l-opportunità li nitla' l-Bulgarija fil-pre-season man-nazzjonal u kienet esperjenza sabiħa wkoll. Però kif għidt, kienet esperjenza li kellha tinqata' ħesrem. Forsi llum din hija waħda mid-deċiżjonijiet li jiddispjaċini li ħadt, però dak iż-żmien kont għadni żgħir u x-xogħol kien importanti għalija. Kelli nagħmel deċiżjoni u bejn ix-xogħol u n-nazzjonal għażilt ix-xogħol. L-esperjenza tiegħek mal-Floriana kienet sabiħa wkoll. Hemmhekk irbaħt il-Kampjonat. L-esperjenza tiegħi ma' Floriana kienet sabiħa ħafna. Kellna tim qawwi ħafna. Meta tlaqt minn maż-Żurrieq kien hemm tim li kien għadu qed jinbena. Kien għadu kif tela' mill-Ewwel Diviżjoni s-sena ta' qabel. Kont fortunat għax kien hemm President Tony Grech Sant u Julian Holland, li kien hu li rranġali biex immur mal-Furjana. Kien ħadem ħafna għal dan l-akkwist. Pruvaw jieħdu wkoll lil Louis Cutajar taż-Żurrieq imma mbagħad l-ispejjeż ġew għoljin ħafna u preferew li jieħdu lili. Ġie lura Mark Miller f 'dik is-sena li mort jiena u John Buttigieg is-sena ta' wara. It-tim beda tiela' pass pass sakemm wasalna fi stat li t-tim issaħħaħ ħafna. Kellna plejers bħal Jacques Buhagiar, John Buttigieg, Kim Wright, James Briscoe, Dennis Cauchi, David Galea li wkoll kien man-nazzjonal taż- żgħar, u Mark Miller li hu wieħed mill- aħjar barranin li qatt lgħabt miegħu u li qatt lagħab hawn Malta. Imbagħad meta kien kowċ Mark Miller it-tim kompla jissaħħaħ. U Mark Miller mal-ewwel laħaq kowċ wara li spiċċa minn plejer? Kif dħalt nilgħab konna taħt il-kowċ Hugh Caruana. Imbagħad ġie George miż-Żurrieq u wara Lolly Aquilina. Kien wara dawn it-tlieta li mbagħad ġie Mark Miller. Però l-ispinta ħadnieha taħt Mark Miller. Għenna ħafna, u l-iskwadra kompliet issir aktar kompetittiva. It-taħriġ kien ikun dejjem motivanti u bdejna niġġieldu għal kull tazza possibbli. Fil-fatt, f 'dik is-sena rbaħna kull tazza li kien hemm. Il- Kampjonat, in-Knock-Out, u s-Super Cup. U fil-bidu tal-istaġun ta' wara rbaħna t-tnejn l-oħra tal-Ewropa. Kif qed jiżviluppa l-futbol tan-nisa, u kif bdejtu? Meta jien spiċċajt mill-futbol, Mark Miller talabni immedjatament biex immur kowċ miegħu. Kien mar mal- Hibs u jien allura kont mort assistant coach mal-Ħibs. Safrattant mat-tim tan- nisa tal-Hibs kien hemm tilgħab il-mara tiegħi. F'nofs dan l-istaġun li jien kont qed ngħin lil Mark Miller, kien hemm problema bil-kowċ tat-tim tan-nisa. Kien waqaf u talbuni nistax nimlielhom l-ispazju sakemm isibu kowċ ieħor. Kont aċċettajt u bdejt nieħu pjaċir. Rajt fihom l-imħabba lejn il-futbol. Riedu jilagħbu akkost ta' kollox. Kienu jittrenjaw filgħaxijiet sad-disa' ta' billejl u kienu kollha dedikati. Is-sena ta' wara talbuni nieħu ħsieb selezzjoni biex nilagħbu kontra tim Taljan. Issa dak iż-żmien qas kont għadni naf it-timijiet kollha peress li ma kontx ili wisq li bdejt. Kien għenni ħafna George Micallef, il-ġurnalista, qalli x'tip ta' plejers interessanti hemm f 'dawn it-timijiet. Sadanittant Mark Miller tela' l-MFA u talabni niġi ngħinu nieħu ħsieb l-Under 17s tas-subien. Jien aċċettajt, bil-patt u l-kundizzjoni li nibqa' nieħu ħsieb lit-tim tal-Ħibs tan-nisa. Għalekk kelli żewġ gruppi differenti: żammejt lill-Hibs u sibt ruħi l-MFA, assistent tal-under 17s. Ftit taż-żmien wara Dr. Mifsud kien talabni biex nibdew it-tim nazzjonali tan-nisa. U ovvjament sfida bħal din kienet iebsa imma dħalt għaliha. Kont naf li kienet se tkun iebsa għax dak iż-żmien fid-disgħinijiet biex tgħaqqad 18-il plejer kienet iebsa. Logħbiet ta' ħbiberija ma kinux jeżistu iżda xorta ddeċidejna li mmorru nilagħabu għall-ewwel kompetizzjoni. Minn dak iż-żmien ma ħaristx lura. Imbagħad ridt li nibdew nagħmlu s-set-up. Il-finanzi kienu li kienu. Ridt it-tabiba, ridt il-phsysio. U bdejna nibnu ftit ftit. Kelli f 'moħħi wkoll li nagħmel xi ħaġa għall-bniet. Iddeċidejt li nagħmel tournaments għall-bniet fil-festi, pereżempju fil-Milied, fl-Għid. Bdejt nuża wkoll is-sajf biex inkompli niġbor iktar tfal. Kont niġbor it-tfajliet tal- klabbs u nibda nara tfajliet ġodda. Bjorn Vassallo niftakar kien tani l-grawnd ta' San Ġwann b'xejn, fejn stajt fis-sajf nara tfajliet ġodda li kienu jintbagħtu mill- klabbs. Kelli l-appoġġ tal-MFA imma l-finanzi li għandi llum, lanqas jibdew mal- finanzi ta' dak iż-żmien. Ġibt assistant coach u kowċ tal-gowlers. Għamiltilhom ċara li ma kinux se jitħallsu fil-bidu imma maż-żmien, wara li nkomplu nibnu u nissaħħu, kellhom jitħallsu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħolma tiegħi kienet li nwaqqaf l-akkademji ħalli jien ikolli tfal li jkunu mgħallmin mill-ewwel u mħarrġin diġà, u hekk ġara. Dħalna fl-under 19 fejn kien hemm Mark Gatt assistent miegħi. L-MFA bagħtitni barra minn Malta għal laqgħat li kien ikollna tan-nazzjonal u minn hemm bdejt nieħu l-ideat u naddatta għal hawn Malta. U komplejna nimxu u nżidu dejjem xi ħaġa. Waħda mill- affarijiet pereżempju, li tintuża wkoll fil- Ġermanja, kienet li meta l-plejers jieqfu minn man-Nazzjonal, inżommuhom hawn, inħarrġuhom, nagħtuhom il-korsijiet li għandhom bżonn biex fl-aħħar ikunu jistgħu jieħdu ħsieb kategoriji differenti tan-nazzjonal. U fil-fatt din ħalliet il-frott għax kellna xi eks plejers li qed jieħdu ħsieb kategoriji differenti fit-timijiet tan-nazzjonal. Għandna set up ta' 24 ruħ illum. Kienet triq twila imma investiment qawwi li dejjem juri li f 'dan il-qasam qed isir titjib kontinwu. Għamilt żmien twil bħala kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa. Illum tokkupa l-kariga ta' direttur taċ-ċentru tekniku. X'differenza tħoss? Timmissjah il- coaching? Mija fil-mija. Biex qlibt għal hawn kelli nikseb kwalifikazzjoni. Kienet iebsa imma interessanti. Ir-raġuni kienet li kont ili żmien twil man-nazzjonal. Tkellimt ma' min kien responsabbli u għidtlu li xtaqt nieqaf. Mhux għax kont imdejjaq imma jekk kont ili 14-il sena, dan kien ifisser li kien hemm bżonn mentalitajiet ġodda. Anki għall-plejers stess... ideat friski dejjem huma bżonjużi. Però ma ridunix naqta' kompletament u offrieli xogħol fejn inkun nista' nieħu ħsieb il-futbol tan-nisa. Ma kontx konvint għax xtaqt inbiddel. L-istess kien ġrali mal-Ħibs. Kont ili hemm xi disa' snin, irbaħt ħafna u waqaft għax ridt xi ħaġa differenti. Man-nazzjonal l-istess. F'14-il sena kowċ, tajt ħafna u wara ċertu żmien nemmen li tim għandu jitgħallem min-nies ġodda. Mhijiex kwistjoni biss li nkun ilħaqt it- tragwardi tiegħi. Ħsibt fuq li ħsibt fuq din l-opportunità. Minn dejjem kelli ħolma li titwaqqaf sezzjoni fl-MFA ddedikata għall-futbol tan-nisa. Kont ili ngħidha wkoll u spiċċajt aċċettajt il-kariga li offrewli. Anki l-fatt li llum hawn għandi uffiċċju hija xi ħaġa li qabel ma kinitx teżisti. Jekk nitlaq minn hawn ikolli kuxjenza mistrieħa għax dħalt għal din l-esperjenza kważi waħdi fejn ma kien hemm xejn, u wasalna b'timijiet tan-nisa b'etajiet differenti, direttur tal-futbol tan- nisa, uffiċċju, tim ta' aktar minn għoxrin ruħ, eċċ. Għalija dan hu sodisfazzjon enormi għax meta jasal iż-żmien li nitlaq naf li nkun ħallejt pedament tajjeb u min jiġi warajja jkun jista' jkompli jaħdem sew. Kemm tikkomunika mal-kowċ Mark Gatt? Qed jagħmel ħafna ġid fil-futbol tan-nisa. Lil Mark Gatt nafu sew. Kont nafu x-xogħol, ġibtu hawn l-MFA bħala assistent tiegħi dak iż-żmien u huwa bniedem li nafda. Mark huwa bniedem li ilu jaħdem fil-qasam tal-futbol tan- nisa. Qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna u Missier il-futbol tan-nisa Cristian Antony Muscat "Il-ħolma tiegħi kienet li nwaqqaf l-akkademji ħalli jien ikolli tfal li jkunu mgħallmin mill- ewwel u mħarrġin diġà, u hekk ġara" Pierre Brincat - persuna li jista' jitqies bħala missier il-futbol tan-nisa f'Malta hekk kif kien propju hu li ntroduċih, u bħalissa jokkupa l-irwol ta' Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa f'pajjiżna

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 February 2017