Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/788856
Aħbarijiet 5 Il-Ħadd 19 ta' Frar 2017 | illum Paga u perkaċċi simili għal min se jeħdilha postha • Il-persuna li se tieħu post Sai Mizzi se jkollha pagi u perkaċċi simili għall-pakkett ta' €160,000 lil mart il-Ministru Mizzi • Il-Malta Enterprise tfaħħar lil Sai u tgħaddi ġudizzju pożittiv fuq xogħolha Minn Albert Gauci Cunningham ILPERSUNA li se tkun qed tieħu post Sai Mizzi bħala mibgħut speċjali ta' Malta fiċ-Ċina se jkollha pakkett ta' dħul, benefiċċji u perkaċċi li huma qrib ħafna il-€160,000 li qed tieħu Mizzi bħalissa. Dan stqarru l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea, meta kkuntattjat minn l-ILLUM u mistoqsi dwar is-sitwazzjoni ta' Mizzi u l-iżvilupp biex xi ħadd jingħata l-istess kariga. Meta mistoqsi għalfejn il- pakkett u l-perkaċċi jitilgħu daqstant, Galea fakkar lill-ILLUM li 'Shanghai hija fost l-iktar bliet għaljin fid- dinja' u għalhekk il-perkaċċi jikkwantifikaw għal ħafna iktar minn postijiet oħrajn. Il-kuntratt ta' Sai Mizzi, suġġett ta' ħafna kontroversja, jinkludi salarju ta' €73,000 fis-sena liema ammont ma jinkludix il- perkaċċi relatati mal-kariga. Intant, mistoqsi dwar jekk iħossx li l-ħlas, meqjus bħala eżorbitanti minn bosta, jiġġustifikax ix-xogħol li għamlet Mizzi, Galea sostna li l-ME hija kuntenta bil- ħidma u x-xogħol li għamlet Sai Mizzi bħala Mibgħuta Speċjali għaċ-Ċina u tqis li l-prestazzjoni tagħha f 'din il-kariga kienet tajba. Galea saħaq li l-ġudizzju fuq Sai Mizzi, ma jistax isir biss skont l-ammont ta' proġetti li saru. "Il- proġetti huma importanti imma daqstant ieħor, fix- xogħol tal-promozzjoni tal-investiment, huwa importanti li tibni l-kuntatti. Dan mhux xi xogħol bħal avukat li jkollok il-warrant u lest, taf li kwalifikat," sostna Galea għall-mistoqsija tal-ILLUM, dwar għalfejn il- Malta Enterprise u l-Gvern qed jgħidu li ma jistgħux isibu xi ħadd biex jeħdilha postha. "Mhux faċli li ssib uffiċjali li jaħdmu fil-promozzjoni tal-investiment, la għaċ- Ċina u la għal kwalunkwe pajjiż ieħor. Teħtieġ ċerti abbilitajiet u kuntatti, teħtieġ tkun persuna ta' perseveranza u esperjenza," saħaq Galea mal-ILLUM. Lura fis-26 ta' Frar 2016, sena ilu, il-Ministru Konrad Mizzi kien ħabbar li l-kuntratt ta' Mizzi mhux se jkun imġedded wara li jiskadi f 'Awwissu, biex imbagħad f 'Settembru, il-gazzetta Maltatoday kienet irrapportat li Sai Mizzi se terġa' tmur lura għan-negozju privat tagħha. Minkejja dan, aktar kmieni dan ix-xahar jew sitt xhur wara li skada l-istess kuntratt il-Gvern ħabbar li se jerġa' jestendi l-kuntratt, 'sakemm tinstab persuna oħra.' • Paga ta' €13,000 fix-xahar • Salarju €73,000 kull sena, nofsu mhux taxxabbli • €3,261 allowance ta' rappreżentanza • €3,000 fis-sena f 'children's allowance • Residenza fejn tgħix: imħallsa kollha • Karozza uffiċjali: imħallsa bil-fjuwil b'kollox • Ħlas għall-edukazzjoni tat-tfal: €18,783 • 90% ta' ħlas lura għal spejjeż mediċi, dentali u kura oftalmika • 15-il biljet b'xejn bejn Shanghai u Malta...10 minnhom 'business class' • Allowance biex tixtri l-ħwejjeġ • Dan jammonta għal TOTAL ta' €160,000 • Ħadmet fuq pjan ta' kollaborazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina • Ftehim biex Malta tintuża minn Huawei għat-teknoloġija 5G • Ftehim għal 10,000 turist miċ-Ċina sal-2018 u 50,000 sal-2020 • Ftehim li għad irid iseħħ ma' service providers Ażjatiċi • Laqgħat f 'Jiangsu għall-promozzjoni tal-investiment f 'Malta • Twaqqif ta' konsulat fiċ-Ċina • Diversi laqgħat madwar il-pajjiż u organizzazzjoni ta' attivitajiet X'ħadet Sai Mizzi? X'tat lura Sai Mizzi? (Din l-informazzjoni ngħatat mill-Malta Enterprise u hija bbażata fuq il-kuntratt li bih ilha titħaddem Mizzi mill-2014) Sena ħabs għal drogat li ammetta li seraq minn 6 karozzi Il-Maġistrat jordna biex ir-raġel jingħata kull assistenza possibli sabiex jgħeleb id-dipendenza fuq id-drogi u l-problemi psikoloġiċi li għandu ALAN Grima, raġel ta' 34 sena, bil- vizzju ta' użu tal-eroina, ammetta fil-Qorti li żgassa u seraq minn 6 karozzi fil-Ħamrun matul il-weekend li għadda. Għaldaqstat, il-Qorti tat lir-raġel sentenza ta' sena ħabs u ordnat lill- awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtuh "kull assistenza possibbli" sabiex jegħleb id- dipendenza fuq id-drogi u l-problemi psikoloġiċi li għandu. Tul is-smigħ fil-Qorti, l-Ispettur Elliot Magri akkuża lil Grima bi tliet reati ta' serq gravat u tliet każi ta' attentat ta' serq, kif ukoll sitt reati ta' kaġun ta' ħsara fuq 6 karozzi pparkjati, li ġew żgassati tul il-lejl bejn il-11 u t-12 ta' Frar. Grima kien ukoll akkużat li kiser il-kundizzjonijiet ta' ħelsien mill-arrest li kienu ngħatawlu għaxart ijiem biss ilu fuq każ separat. L-avukat difensur, ammetta t-tort tal-akkużat. Il-Maġistrat Joe Mifsud innota li l-akkużat ilu jieħu d-droga għal dawn l-aħħar 20 sena u li issa rrikorra għas-serq biex isostni l-vizzju tiegħu, wara li tabib kien waqqaflu l-'methadone' wara li Grima ma marx għal appuntament. Il-Qorti għażlet li ma żżidx mal- problemi tar-raġel billi tissekwestralu depożitu għall-ħelsien, u għaldaqstant tagħtu sentenza ta' sena ħabs. Tul is-sena li fiha se jkun il-ħabs, il-Qorti tat istruzzjonijiet sabiex Grima jirċievi l-għajnuna meħtieġa sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga, kif ukoll jieħu trattament ta' għajnuna għall- problemi psikoloġiċi li għandu. Il-Maġistrat Mifsud qal lil Grima li, "int mhux persuna ħażina, għandek problema bid-drogi u meta taqbeż doża 'methadone' tirrikorri għat- tfittxija tal-alternativa illegali tiegħu." Il-Maġistrat temm il-messaġġ tiegħu lil akkużat billi qallu li issa se tingħatalu opportunità, wara li ttella' l-Qorti aktar minn darba. "Ċeru nies imorru għall-aħjar bit-trattament u oħrajn għall-agħar, imma jien qed nipprova ngħinek."