Illum previous editions

illum 30 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/855208

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

Aħbarijiet 14 illum | Il-Ħadd 30 ta' Lulju 2017 Awwissu x-xemx taħarqu Il-Lingwa bħall-mużika, il-kelma bħal-lirika u l-idjoma bħall-istorja...ħarsa lejn ftit mill-idjomi u qwiel Maltin li b'xi mod imissu mas-sajf Minn Albert Gauci Cunningham ILLINGWA hija xi ħaġa ħajja. Kemm-il darba smajtuha, din? Probabilment tant drabi li llum saret qisha klixè, xi ħaġa li tant tismagħha li fil-fatt tħoss illi tilfet is-sinifikat tagħha. Imma fil-fatt hekk hu, il-lingwa hija ħajja u kull aspett tal-lingwa, apparti li żżewwaq u tagħmel iktar rikk il-mezz ta' komunikazzjoni, hija wkoll mera tal- istorja u l-passat ta' pajjiżna. It-tradizzjoni, il-ħajja aktar rurali u r-rabta ħafna iktar qrib in-natura li kellu dan il-poplu qabel beda r-relazzjoni intima tiegħu mal-konkrit. Hekk kif deħlin f 'Awwissu, ix-xahar ċentrali ta' dan l-istaġun tas-sħana u nuqqas ta' ilma, l-ILLUM tat ħarsa lejn żewġ ġabriet ta' idjomi u qwiel, u qed tippreżenta numru minn dawk relatati mal-istaġun sħun tas-sajf li ninsabu fih, jekk huma xhur, is-sħana, frott tas- sajf, festi jew ix-xemx. Mhux biss biex il-qarrejja ta' din il-gazzetta jkollhom iċ-ċans li jiftakru xi wħud mill-frażijiet li nsejna u m'għadniex nużaw, imma wkoll biex nżommu ħajja din il-lingwa li tiddistingwina u tagħmilna differenti minn tant nazzjonijiet, pajjiżi, gżejjer u popli oħrajn. 'Irranġah għall-festi (kmandati)' Il-festi huma parti integrali minn dan l-istaġun u ma jistax jonqos illi fil-Malti jkollna numru ta' idjomi relatati ma' dan l-avveniment annwali li jseħħ prattikament f 'kull belt u raħal f 'Malta. Ngħidu 'irranġah għall-festi kamndati' jew inkella 'irranġah għall-frisk' meta xi ħadd ikun poġġa persuna f 'sitwazzjoni mill-aktar antipatika jew mhux dannuża wkoll. Idjoma oħra li nużaw fir-rigward tal-festi hija 'iħassar il-festi', idjoma li faċli tinftiehem u li simili għaliha hemm bosta oħrajn fil-lingwa Ingliża wkoll. Nirreferu hekk għal persuna li dejjem tħassar il-gost u l-pjaċir ta' ħaddieħor b'atteġjament arroganti jew inkella kuntrarju għal dak tal-grupp. Qisu bniedem li b'għemilu jġib id-dwejjaq fejn m'hemmx. '...u ħallih iħabbat il-baħar' ...hekk ngħidu meta rridu ngħidu li l-inkwiet u l-problemi ħallihom jinqalgħu, tħabbilx wisq rasek. Din l-idjoma nużawha ġeneralment biex nuru sens ta' kuraġġ jew inkella biex nagħtu soljev lill-persuna li tkun għaddejja minn mumenti ta' għawġ. U għal persuna li tgħaddi minn ħafna inkwiet ngħidu li għadda minn 'baħar inkwiet' li probabilment qabdu 'baħar dwejjaq'. Imma din hija idjoma waħda biss relatata mal-baħar u li nisimgħu madwarna. Min jaf kemm il-darba ninżlu l-baħar u jkun kalm qisu ħġieġa. Dak ngħidu li huwa 'baħar baqta' jew inkella 'baħar żejt' u jekk xi ħadd jew xi ħaġa tmur vera ħażin ngħidu li 'mar il-baħar'. Għal min jaħseb li hu xi ħaġa, meta fil-fatt mhu ħadd ngħidu li 'għamlu (forma) baħar, u anqas mhu għadira', imma jekk iġibha żewġ u jirnexxielu jikseb dak li ried, anke jekk b'diffikultà nużaw l-idjoma 'baħar ix-xatt'. Xi kultant naħdmu tant għal ambizzjoni jew biex nilħqu għan, imma wara ħafna xogħol u tbatija dik l-aħħar ġirja taqtalna qalbna. 'Għam il-baħar kollu u għereq fil-port' ngħidu għal din is-sitwazzjoni u jekk taqta' qalbek tkun saħansitra 'waddabt kollox il-baħar.' U tiftakruh dak it-teledramm tant popolari fuq it-televiżjoni Maltija 'Baħar Wieħed'? Hekk hu, l-idjoma 'f 'baħar wieħed' nużawha biex infakkru li fil-ħajja kulħadd l-istess, li aħna lkoll ngħaddu mill-istess sitwazzjonijiet fil-ħajja. Ħadd mhu superjuri la fil-ħajja u wisq aktar fil-mewt. Ritratt: Andrew Formosa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 July 2017