Illum previous editions

illum 30 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/855208

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

9 Il-Ħadd 30 ta' Lulju 2017 | illum Aħbarijiet 'Xi kultant fil-Parlament tispiċċa titkellem waħdek' Kienet Sindku ta' Ħal Qormi u llum hija l-iżgħar Deputata Parlamentari. Albert Gauci Cunningham jistaqsi lid-Deputata Laburista Rosianne Cutajar dwar l-ewwel impressjonijiet tagħha tal-Parlament, id-differenza li trid tagħmel, il-PN bħalissa u liema Private Members Bill lesta li tressaq ... Minn Sindku għal fuq is-siġġu Parlamentari. Kemm għamlet differenza f 'ħajtek? Li servejt bħala Sindku u li nservi bħala MP huma l-akbar żewġ privileġġi ta' ħajti. Meta kont Sindku, in-nies ma kinux jiġu biss għandi bi problemi relatati mal-lokalità iżda kull xorta ta' affarijiet li ġeneralment bihom imorru għandi xi Ministru jew Membru Parlamentari. Minn dak l-aspett ma rajtx differenza. Id- differenza hija li issa m'iniex hemm biss għall-Qriema u għal Ħal Qormi iżda għal kostitwenza ferm ikbar u għall-pajjiż. Fuq livell personali Rosianne tal- lum hija l-istess Rosianne ta' qabel ma dħalt fil-politika, saqajha mal-art, tisma' lin-nies u disponibbli. Il-fatt li int Deputata, kemm żiedet il-pressjoni fuqek biex taqdi lin-nies fuq kwistjonijiet aktar personali? Ma nħossx li fuqi żdiedet xi pressjoni eċċessiva iżda aktar responsabbilità. Mal-kostitwenti tiegħi dejjem kont onesta u ngħid b'wiċċi minn quddiem li f 'kull elezzjoni li kkontestajt qatt ma wgħedt xejn inkluż f 'dik ġenerali. Dan ifisser li jien naqdi dmiri ta' kuljum b'serenità mingħajr ħafna theddid. In-nies jafu li jekk jiġu għandi m'iniex se nidħak bihom, jekk nista' ngħin se nagħmel minn kollox biex ngħin lil dak li jkun. Il-Parlament, u dak li jseħħ fih, kien dak li stennejt? Kien hemm xi ħaġa li ssorprendietek xi ftit? Onestament ġeddidt l-memorji ta' meta kont ngħallem, ikun hemm mumenti fejn inkunu qisna klassi ta' tfal imqarbin! Apparti ċ-ċajt, fl-ewwel ftit seduti tal-Parlament nista' ngħid li hija esperjenza sabiħa, qed nitgħallem aktar u nwessa' l-kompetenzi tiegħi f 'diversi suġġetti. Issorprendieni xi ftit il-fatt li ħafna drabi tkun qed titkellem f 'Parlament bi ftit nies jew saħansitra ''titkellem waħdek'' bħal pereżempju meta għamilt l-aħħar aġġornament. Sa mnalla jkun hemm l-ispeaker! Il-ħajja Parlamentari tiegħek bdiet b'naqra ta' battibekk, meta Claudette Buttigieg irrimarkat li xi ħadd kitiblek id-diskors. Għalfejn taħseb li fil-fatt sar dan il-kumment fil-konfront tiegħek? Onestament għadni sorpriża għal kumment tal-Onorevoli Buttigieg għas-sempliċi raġuni li fil-bidu tad-diskors tiegħi jiena fraħtilha għall-kariga tagħha ta' deputat speaker għaliex nieħu pjaċir nara nisa jokkupaw karigi importanti. Min-naħa l-oħra flok hi rreċiprokat l-awguri għaddiet kumment vojt u arroganti li ma jagħtix ġieħ lil min jgħidu u lanqas ġieħ lis-sess femminili. Bi kliemha wriet li ma temminx fil- kapaċitajiet taż-żgħażagħ. Huwa vera li jien l-iżgħar membru fil-kamra imma naf nirriċerka għad-diskorsi tiegħi u esperjenza politika għandi aktar minn xi wħud li qegħdin fuq il-bank tal-Parlament, inkluż aktar mill-Onorevoli Buttigieg innifisha. Imma int, x'differenza qed tipprova tagħmel fil-Parlament Malti? Dħalt fil-politika biex bl-enerġija tiegħi nagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies u fil-pajjiż. Minkejja li jiena back bencher qed nipprova nkun attiva ħafna, fil-fatt diġà ressaqt għadd ta' mistoqsijiet parlamentari li jikkonċernaw id-distrett u tkellimt 3 darbiet fil-ftit drabi li ltaqa' l-Parlament. Qed nagħżel li nitkellem fuq diversi temi li jolqtu mill-viċin lin-nies u l-ħajja fil-pajjiż u li wħud minnhom mhumiex suġġetti komdi għal kulħadd bħal pereżempju l-iffriżar tal-embrijuni u żwieġ indaqs. Qed inkun onesta fil- mod li nitkellem u ngħid l-affarijiet mingħajr rettorika u bla tlaqliq. Fid-diskorsi tiegħi ma ddejjaqtx inkun skejtta, għidt li fil-politika hemm wisq avukati u tobba, ma ddejjaqtx ngħid li nweġġa' meta nara nisa fil-kabinett li meta jiġu biex jaħtru board, jaħtru ħafna iżjed irġiel milli nisa. Se nibqa' ngħid dak li nħoss għax hu wara kollox dak li jagħmilni min jiena u forsi differenti minn xi oħrajn. Il-PN illum; fejn qiegħed? L-4 kandidati li qegħdin fit-tqatigħa għal Kap huma mera tal-istat miskin li fih jinsab il- PN. Wieħed falla sptar, wieħed falla Partit, ieħor falla Kunsill u l-ieħor jiftaħar li għamel ħamest itfal. Il-PN jinsab fhix jinsab tort tiegħu għax ħa sensiela ta' deċiżjonijiet żbaljati, ma kienx kapaċi jiġġedded u għax ma kienx kapaċi jitgħallem mill- iżbalji tal-passat. Il-PN m'għadux kredibbli f 'għajnejn in-nies għax mhuwiex konsistenti u m'għandux viżjoni għal pajjiżna. Kieku int tesserata tal-Partit Nazzjonalista lil min tivvota mill- erba' kandidati għall-kariga tat- tmexxija tal-PN? Insibha diffiċli nagħżel lil min nivvota, mhux għax hemm l-imbarazzo della scelta iżda għaliex hemm la scelta dell'imbarazzo. Onestament kont nistenna kandidatura aktar valida. Ikun min ikun Kap, nittama biss li jkun mexxej ta' intellet aktar minn Simon Busuttil, il-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni serja u b'saħħitha li titfa' fiċ-ċentru ta' ħidmietha l-interess nazzjonali. Issa għandek il-faċilità li tressaq Private Member's Bill. Kieku int, dwar liema suġġett tressaq Private Member's Bill? Bħala għalliema (aktarx l-unika waħda) żgur li li jkun Private Memebr's Bill li jneħħi jew jillimita n-numru ta' eżamijiet li jsiru fl- iskejjel primarji u sekondarji. Naf li din tista' tkun kontroversjali imma naħseb li ddemotivajna u tlfina ħafna tfal u żgħażagħ mis-sistema edukattiva tagħna ħabba l-eżamijiet. Ma nħossx li għandna nibqgħu niġġudikaw biss l-kompetenzi u l-futur tal-istudenti tagħna fuq eżami ta' ftit minuti li minħabba diversi fatturi u ċirkustanzi mhux dejjem jista' jirrifletti l-kapaċitajiet tal-istudent. L-eżamijiet bil-miktub jitfgħu fi żvantaġg tfal bid-dyslexia u tfal b'learning difficulties varji li kulma jmur bħal donnhom qed jiżdiedu. Dan biex ma nsemmix l-istress li jitfgħu l-eżamijiet fuq l-istudenti, ġenituri u għalliema. Nemmen li għandu jkun hemm sistema ta' assessjar matul is-sena kollha li ma tkunx ibbażata fuq il- kitba. Private Member's Bill ieħor kieku nagħmlu fuq l-abolizzjoni tal-plastik li minfloku nistgħu nużaw prodotti li huma magħmulin minn materjal bioloġiku. Hemm diġà direttiva tal-Unjoni Ewropea f 'dan is-sens u Franza kien l-ewwel pajjiż li għamel din il-liġi. Bħala pajjiż għandna nkunu fuq quddiem f 'inizjattivi li jħarsu l-ambjent. "L-4 kandidati li qegħdin fit-tqatigħa għal Kap huma mera tal-istat miskin li fih jinsab il-PN. Wieħed falla sptar, wieħed falla Partit, ieħor falla Kunsill u l-ieħor jiftaħar li għamel ħamest itfal."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 July 2017