Illum previous editions

Illum 13.01.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1070936

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 X'wassalhom biex ifittxu l-għajnuna? Ovvjament kulħadd ikollu l-esperjenza tiegħu. Paul mar b'ċikka. Stiednu ħabib tiegħu li kien imur jixrob għandu fil-bar. Dan il-ħabib kien diġà mar għand l-Alkoħoliċi Anonimi iżda kien reġa' waqa' għax-xorb. Biex iżomm kelmtu, Paul mar u minn dakinhar qatt ma ħares lura. Chris, min-naħa l-oħra kien għaddej minn żmien diffiċli. Kien għaddej minn separazzjoni minn ma' martu. Minflok infexx f 'aktar xorb biex jinsa, Chris fittex l-għajnuna. Iżda kemm hu diffiċli tegħleb l-alkoħoliżmu? Hawnhekk Chris huwa l-espert. Kif isemmi l-Alkoħoliċi Anonimi għajnejh jixgħelu tant kemm ħa minn din l-għaqda. Insista li l-aktar ħaġa diffiċli, li jgħaddi minnha kull alkoħoliku, hija li taċċetta miegħek innifsek li int alkoħoliku. 'L-ewwel trid tammetti li għandek problema' "L-aktar pass diffiċli huwa li tammetti li għandek problema," qalilna Chris għax l-alkoħoliku se jġib elf skuża biex jibqa' jiċħad. "Jien aħjar kont ittini daqqa ta' sikkina milli tgħidli alkoħoliku. Kont insir demonju ma' min jgħidli hekk." It-tieni pass x'inhu? Hemm diversi passi li l-għaqda Alkoħoliċi Anonimi tistieden lill-membri tagħha biex isegwu, iżda l-ewwel pass u l-aktar wieħed importanti huwa li ma tiħux l-ewwel drink. Sempliċi, spjegalna Chris. "Jekk ma tiħux l-ewwel drink mhux se tieħu t-tieni, it-tielet u l-bqija." Lil min għadu ma għamilx l-ewwel pass, Paul ried jagħmillu kuraġġ. "Mort l-ewwel laqgħa. Minn dakinhar sal-lum għaddew 25 sena u qatt ma ħadt flixkun birra." X'tagħmel l-għaqda Alkoħoliċi Anonimi? L-għaqda Alkoħoliċi Anonimi tipprovdi programm sempliċi ta' 12-il pass. L-għaqda hija magħmula kollha kemm hi minn alkoħoliċi li flimkien jiltaqgħu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien. Kulma għandek bżonn biex issir membru hija xewqa li tieqaf mix-xorb. L-għan huwa wieħed, jiġifieri li l-membri jibqgħu ma jixorbux u jgħinu lill- alkoħoliċi oħra biex jieqfu mix-xorb. Fil-bidu ta' din l-intervista spjegajt kif Chris u Paul minkejja li ma għadhomx jixorbu jibqgħu jiddeskrivu lilhom infushom bħala alkoħoliċi. Chris jispjega kif waħda mill- affarijiet li tinsisti dwarhom l-Għaqda hija li membru jeħtieġ jibqa' jgħasses l-alkoħoliżmu tiegħu 24 siegħa kuljum. "Għall-bidu kont ngħid kemm jgħaġġbuha dawn. Irrid noqgħod għassa 24 siegħa kuljum. Illum imma nifhem. Smajt esperjenzi ta' nies li kienu ilhom snin twal ma jixorbux u waqgħu. Mhux għax kesħin! Smajt nies li laħqu bdew negozju u tilfuh minħabba x-xorb." "Tistaħbilu tista' imma taħrab minnu ma tistax," kompla miegħu Paul. Għalhekk huma importanti dawn il-laqgħat li jkollhom il-membri tal-Alkoħoliċi Anonimi flimkien. Ovvjament mhux kulħadd iħossu komdu li jaqsam kull esperjenza li għadda minnha fi grupp ta' xi 12-il ruħ. Għalhekk, fi kliem Chris, f 'din l-għaqda jkollok ukoll bħal parrinu, jiġifieri membru ieħor li bażikament tkun tħossok komdu titkellem miegħu jew magħha biex flimkien, wieħed mal-ieħor jew waħda ma' oħra, jaqsmu flimkien dawk l-esperjenzi li ma jħossuhomx komdi jitkellmu dwarhom fi grupp akbar. 'Jekk għandkom dubju ejjew u araw' Lil dawk li qed itellgħu u jniżżlu jekk jirrikorrux għand l-Alkoħoliċi Anonimi, Chris u Paul x'jgħidulhom. "Ejjew u araw. Mhux pass tqil," wieġbu flimkien. "Min għandu xi dubju ejjew u araw. Aħna nistiednu lil kulħadd. Ma hemmx għalfejn tiġi u tammetti mill-ewwel li inti alkoħoliku. Ejja u ara." Jekk trid aktar informazzjoni dwar l-Alkoħoliċi Anonimi tista' żżur is-sit www.aamalta.org. mt jew il-paġna ta' Facebook Alcoholics Anonymous Malta. Tista' wkoll iċċempel fuq 79239264 jew 21239264. *Chris u Paul huma ismijiet fittizji Intervista Il-Ħadd 13 ta' Jannar 2019 | illum snin ma jmissx qatra alkoħol Trid tibqa' tgħasses l-alkoħoliżmu tiegħek 24 siegħa kuljum...smajt esperjenzi ta' min kien ilu snin ma jixrobx u waqa' " " Chris u Paul jitkellmu mal-ILLUM

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 13.01.19