Illum previous editions

Illum 13.01.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1070936

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 31

19 Il-Ħadd 13 ta' Jannar 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Bejn sema u ilma u l-bżonn urġenti ta' vot ta' fiduċja ISSA għaddiet il-kwistjoni tal-immigranti bejn sema u ilma u dawn ġew aċċettati f 'pajjiżi differenti, inkluż Malta. Imma nkunu qed nidħqu bina nfusna jekk naħsbu li din se tkun l-aħħar darba li se jerġa' jkollna każ ta' immigranti bejn sema u ilma, jitkarrbu biex xi ħadd jilqagħhom. L-immigrazzjoni la hija 'abjad' biss u lanqas 'iswed' biss u allura wieħed irid iħares lejha mill-angoli u sfidi differenti illi toffri. Din il-gazzetta titlaq mill-premessa u l-prinċipju innegozzjabbli tad-dritt għall- ħajja. Fil-fatt dan l-editorjal mhux l-ewwel darba li tkellem fuq il-ħajja, mhux biss f 'dak li jirrigwarda l-immigranti imma dak li jirrigwarda kull ħaġa li titratta d-dritt li persuna tgħix. Ladarba allura se nitilqu b'dan il-prinċipju ma nistgħu naqblu qatt u qatt mal-argument illi dawn id-49 immigrant missna ħallejniehom fil-baħar, anke akkost ta' ħajjithom. Il-ħajja ta' bniedem ma tista' qatt tkun pedina f 'negozjati politiċi. Imma ma nistgħux nieqfu hemm. Dan l-editorjal jaqbel mad-diskors tal-Prim Ministru ta' nhar il-Ħadd li għadda. Kieku pajjiżna, mingħajr ma nnegozja ma' pajjiżi Ewropej, qabad u daħħal id-dgħajsa mill-ewwel fil-pajjiż kien ikun inħoloq preċedent. Ma jistax pajjiżna, bir-rispett kollu, jimxi ma' dak li huwa morali u korrett filwaqt li pajjiż ġar tagħna, ħafna u ħafna ikbar minnha jagħlaq il-portijiet u joqgħod jisfida. Għamel sew il-Gvern Malti li fittex li jinnegozja u filwaqt li aċċerta illi jkunu salvati l-immigranti u allura assigura l-prinċipju tal-ħajja, ra li l-immigranti jkunu mqassmin f 'pajjiżi differenti, Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dan iżda l-problema tal-immigrazzjoni se tibqa' waħda li tmur lil hinn minn sempliċiment waħda ta' numri. Madwar l-Unjoni Ewropea qed tikber dejjem aktar ir-reżistenza kontra d-dħul ta' iktar immigranti, reżitsenza illi qed tittrasforma ruħha f 'voti li jtuna Gvernijiet bħal tal-Awstrija, l-Italja u l-Ungerija, li jibnu ħitan u li jpoġġu partiti tal-lemin l-aktar qrib li qatt kienu tal-poter, bħal fi Franza. F'Malta din il-mewġa għadha mhix qed tirriżulta f 'voti s'issa, għalkemm ikun aħjar nistennew sa Mejju li ġej biex naraw ċerti partiti u individwi kif se jmorru elettoralment, qabel ma nkunu ottimisti wisq. Li hu żgur iżda huwa l-fatt li l-ferħ tal-immigranti li waslu qawwijin u sħaħ f 'pajjiżna kien milqugħ biċ-ċiniżmu jekk mhux ukoll rabja ta' ħafna Maltin fuq il-midja soċjali. Tajjeb li nieħdu kont ta' din ir-reazzjoni u tajjeb ukoll li dawk il-forzi kollha favur il-protezzjoni tal-ħajja taħt kull ċirkostanza, fosthom din il-gazzetta, jaħdmu biex ir-rabja u d-diviżjoni tonqos mhux tiżdied. Biex ikollna tassew pajjiż kożmopolitan li jiċċelebra dak il-kożmopolitaniżmu, mhux jisħtu. Fuq livell tal-Unjoni Ewropea huwa ċar illi apparti l-għajnuna skont l-okkażjoni m'hemmx rieda li tinstab soluzzjoni dejjiema. Titubanza u riluttanza biss qed naraw bil- konsegwenza li ħafna nies qed jirrikorru għall-populiżmu u l-partiti tal-lemin estrem. Anke jekk kif qal l-opinjonista ta' din il-gazzetta Joe Ellis ġimagħtejn ilu, il- lemin estrem u l-populiżmu ma jagħtix soluzzjonijiet dejjiema, jidher li sezzjoni sostanzjali (u forsi qed tikber) ta' Ewropej qed ifittxu lil dawn il-movimenti biex jagħtu risposta lill-UE u lill-gvernijiet tagħhom. ....u l-Partit Nazzjonalista Din il-ġimgħa kompliet s-saga fil-Partit Nazzjonlista. Stejjer dwar firem, ribelljoni, taħwid, qtigħ ta' qalb u appoġġ lejn Delia ddominaw l-aħbarijiet matul l-aħħar sebat ijiem. Is-sitwazzjoni hija eżatt kif kienet nhar il-Ħadd li għadda. L-oppożizzjoni għadha maħnuqa f 'għanqbuta ta' ġlied, kukkanji u tradimenti. Is-sitwazzjoni hija verament tal-biki u jeħtieġ jiġri xi ħaġa biex ikun hemm żblokk. Dan l-editorjal jappella lil Adrian Delia biex imur għal vot ta' fiduċja mingħand il-Kunsillieri u t-tesserati mingħajr aktar dewmien. Huwa dan li jista' jibda jagħlaq dan il-kapitlu mudlam ta' ribelljoni u diviżjoni li ħakem lill-PN. Delia għandu bżonn vot qawwi ta' fiduċja biex ineħħi kull dubju fit-tmexxija tiegħu. Jekk Delia jirnexxilu jġib iż-żewġ terzi (67%) u terġa' u tgħid jekk jirnexxielu jaqbeż il-75%-80% jkun qatel l-Oppożizzjoni lejh li frankament mhux lilu biss qed tkisser issa, imma lill-partit li huwa l-Oppożizzjoni. Jekk Delia qed jibża' jieħu vot ta' fiduċja għax qed jibża' li ż-żewġ terzi mhux se jġibhom, mela allura l-uniku elezzjoni li għandu jaħseb fuqha hija dik tal-persuna li se teħodlu postu. Illum jew għada d-deċiżjoni trid tittieħed. Wara kollox jekk il-PN isofri t-telfa li ilhom ibassru s-sondaġġi fl-aħħar sena u nofs f 'Mejju li ġej, Delia jista' jkun ċert illi dak li għaddej minnu issa se jerġa' jgħaddi minnu, tliet darbiet agħar! Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 13.01.19