Illum previous editions

Illum 13.01.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1070936

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

M adwar il-mejda tinġabar il-familja biex tiekol, taqsam l-esperjenzi tal- ġurnata u tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Madwar il-mejda, it-trade unions jinġabru biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-ħaddiema. Madwar il- mejda, l-amministrazzjoni ta' kumpanija tinġabar biex tfassal l-istrateġija tal-kumpanija. U huwa madwar il-mejda jeħtieġ li l-PN jinġabar. Madwar mejda għandu jinġabar biex jiddiskuti s-sitwazzjoni li fiha jinsab. Huwa meta niltaqgħu u niddiskutu flimkien li s-soluzzjonijiet jinstabu! Għaliex nemmen fl-onestà u ma nħobbx ninħeba wara subgħajja, nistqarr li għandna nkunu umli, kuraġġużi u fuq kollox onesti ma' xulxin u nammettu li sfortunatament, il-Partit Nazzjonalista għaddej minn mumenti xejn feliċi. Mingħajr forsi ma jrid, il-Partit qiegħed iwassal messaġġ li jinsab f 'dar maqsuma! Billi wieħed jipprova jdaħħal rasu fir- ramel, il-problema tikber tista'. Għaldaqstant, l-ewwel pass ta' fejqan huwa li wieħed jammetti li għandu problema! It-tieni pass huwa li jkun lest li jagħmel xi ħaġa dwarha! Kull min għandu esperjenza fil- counselling, jaf li ġeneralment, l-ebda naħa ma għandha tort jew raġun kompletament. Kif jgħidu bl-Ingliż: it takes two to tango. L-esperjenza turina li kull naħa jkunu taw il-kontribut tagħhom! L-esperjenza fil- counselling turina wkoll li biex wieħed jipprova joffri soluzzjoni aħħarija, l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel hija li jipprova jifhem in-naħat kollha u jara s-sitwazzjoni bil-lenti ta' dik in-naħa. Biex nifhmu aħjar dak li qiegħed iseħħ fostna bħala Partit, tajjeb li wieħed, fil-kalma u mingħajr l-ebda emozzjonijiet żejda, jipprova jifhem id-diversi vuċijiet. Li wieħed jipprova jsikket jew iwarrab dawn il-vuċijiet, mhux biss ma jasal imkien imma jkun qiegħed jagħmel aktar ħsara u jġib aktar firda. Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb li nifhmu aktar milli nikkundannaw u nwarrbu lil xulxin. Nemmen li hemm ċerta suppervja politika li qiegħda tgħammad għajnejn diversi nies. Bħal kull suppervja, is- suppervja politika ma tħallikx tara u tisma' n-naħa l-oħra. Is-suppervja politika tgħidlek li dawk li huma jew li kienu kontrik, għandek tagħtihom il-ġenb jew turihom il-bieb ta' barra. Is-suppervja politika ma taċċettax li titlef u tara kif itellef l-logħba li tkun tlift. Is-suppervja politika ġġiegħlek tagħlaq widnejk għall- opinjonijiet differenti u taħseb li kull kritika hija negattiva u b'aġenda moħbija biex tagħmel il-ħsara. Tajjeb li nifhmu li jekk il-Partit irid jerġa' jkun fit-tmexxija, allura għandu bżonn lil kulħadd! L-ebda naħa jew oħra ma għandha s-saħħa weħedha. Tajjeb li nifhmu li l-ebda partit ma jitla' fit-tmexxija bit-tesserati waħdu. Min-naħa l-oħra, l-ebda partit lanqas ma jiġi elett mingħajr il-vot tat-tesserati! Ejjew mela nibżgħu għal xulxin! Ejjew nieqfu nħarsu ikrah lejn xulxin! Ejjew ma nibżgħux mill- kritika, sakemm din hija waħda ġenwina! Il-kritika ġenwina tista' biss tibnina u ssaħħaħna. Il-kritika ġenwina tagħmilna aktar sodi f 'fehmitna. Fl-imgħoddi, il-Partit Nazzjonalista tkellem u ħadem qatigħ fuq il-bżonn tar- rikonċiljazzjoni fost il-Maltin. Dan seħħ wara li l-pajjiż kien għadda minn mumenti iebsa fil-mixja demokratika. Hemm bżonn li issa din l-għajta ta' rikonċiljazzjoni terġa' tissemma' u titħaddem fostna. Il-Partit għandu bżonn ir-rikonċiljazzjoni għaliex fl- għaqda biss hemm is-saħħa. Rikonċiljazzjoni ma tfissirx li naħa jew oħra jieqfu jaħsbu kif jaħsbuha. Ma tfissirx li wieħed jagħlaq ħalqu biex iżżomm il-paċi. Din hija 'paċi' artifiċjali u ma ddumx ħafna fit-tul. Dan narawh jiġri fil-koppji meta biex taparsi tinżamm il-paċi bejniethom, naħa tispiċċa tevita jew inkella titkellem mill-inqas ma' xulxin. Rikonċiljazzjoni lanqas ma tfisser li wieħed jimponi fuq ħaddieħor l-ideat u l-ħsibijiet tiegħu/tagħha bl- iskuża biex tinżamm l-għaqda. Għaldaqstant, qiegħed nistieden lit-tmexxija l-ġdida (li fuqha tistrieħ ir-responsabbiltà ewlenija) li toħloq struttura/ spazju li fiha jkun hemm proċess ta' fejqan u ta' rikonċiljazzjoni. Persuni politiċi li jgawdu l-fiduċja ta' kulħadd, bħalma huma Lawrence Gonzi, Louis Galea, Joe Borg u Tonio Borg u oħrajn, għandhom jiġu mitluba biex jgħinu f 'dan il-proċess. L-esperjenza, il- maturità u l-għaqal tagħhom żgur huma ta' għajnuna għall- partit f 'dan il-mument. Għandna wkoll bżonn lid- Deputati, Kunsilliera u attivisti li jkunu ambaxxaturi tal-paċi u mhux aġendi ta' firda u inkwiet. Tajjeb li naħsbu kulma ngħidu u ma ngħidux kulma naħsbu... u wisq aktar ma niktubx kollox fuq il-facebook tagħna! Ktibt dawn il-kelmiet bi spirtu onest. Napprezza jekk il-qarrejja jaqrawhom bl-istess spirtu! Nemmen bis-sħiħ li Malta għandha bżonn lill- Partit Nazzjonalista b'saħħtu quddiem il-korruzzjoni sistematika tal-Gvern Laburista. Nemmen fil-politika tal-għaqda. Nemmen fil- politika tal-kunsens. Nemmen fil-politika tal-valuri. Dar maqsuma fiha nnifisha ma żżommx sħiħ fit-tul u fl-aħħar tiġġarraf u kbira tkun it-telfa. Dan mhuwiex kliemi imma kliem ta' min wieħed joqgħod fuqu! L-għaqal u mhux is-suppervja għandha tmexxina. Albert Buttigieg huwa l-Viċi Sindku ta' San Ġiljan f 'isem il-PN illum | Il-Ħadd 13 ta' Jannar 2019 14 Opinjoni Madwar mejda ALBERT BUTTIGIEG

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 13.01.19