Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/451766
Il-Ħadd 25 ta' Jannar 2015 | illum 3 "Għadna wisq marbutin mat-tempju u mas-sagristija" – Mario Grech FREDERICK ATTARD HEKK kif kull ma jmur qed tikber fost ħafna l-istennija li l-Papa Franġisku jħabbar is-suċċessur ta' Pawl Cremona, tkellimna mal- Isqof t'Għawdex Mario Grech fejn tlabnieh jikkummenta dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Knisja f 'pajjiżna. "Anki jekk xi wħud ma jridux jammettu, huwa fatt li fis-soċjetà qed iseħħu bidliet kbar. Seħħ tibdil fil-qasam demografiku, fil-viżjoni dwar il-ħajja, fir-riferimenti valorjali, fil-mudelli u stili ta' ħajja" qal l-Isqof Mario Grech f 'kumment ma' din il-gazzetta. Grech qal li dan it-tibdil qed ikollu effett mhux żgħir fuq il-familja, fuq l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-ekonomija, is-saħħa u l-politika. "Ma jistax jonqos li jolqot ukoll id-dimensjoni spiritwali ta' ġensna u għandu riperkussjonijiet fuq il- komunità ekkleżjali." Tkellem ukoll dwar il-viżta pastorali. "Din l-esperjenza offrietli l-okkażjoni biex inwettaq lil dawk li, għax għandhom ir-riħ fil-qala', għandhom id-dgħajsa li tofroq il-ħalel tal-baħar tal-ħajja; fl- istess waqt, stajt nakkumpanja u nagħmel il-qalb lil dawk li bħal jaħbtu jaqtgħu qalbhom li tqattagħlhom il-qlugħ, għejew jaqdfu, id-dgħajsa xi kultant timtela bl-ilma u jibżgħu li se jegħrqu." L-Isqof Grech qal li l-kumplessità kulturali hija l-missjoni tal-Knisja u li hu importanti li tagħti seheman għat-tisħiħ tal-ġid komuni. "Imma biex inkunu nistgħu niddjalogaw ma' din is- soċjetà "ġdida," aħna wkoll hemm bżonn li nwettqu l-aġġornament meħtieġ biex filwaqt li nibqgħu fidili għall-Vanġelu, inkunu Knisja kontemporanja li tiltaqa' mal- bniedem kontemporanju." Grech spjega li maġenbna għandna l-bniedem kif inhu u mhux kif nixtiquh ikun. "Il-Papa Pawlu VI jgħid li l-Knisja tal-Konċilju interessat ruħha fil-bniedem kif inhu llum: il-bniedem ħaj u mehdi fih innifsu, il-bniedem li mhux biss jagħmel lilu nnifsu bħala ċ-ċentru ta' kull interess, imma jgħid li huwa l-prinċipju u r-raġuni ta' kull realtà; il- bniedem traġiku tad-drammi tiegħu stess, il-bniedem superuomo tal-bieraħ u tal- lum, u għalhekk fraġli u falz, egoista u feroċi; il-bniedem imdejjaq bih innifsu li jidħak u jibki; il-bniedem versatili li dejjem lest biex jirreċta kull parti; il-bniedem għaref li ma jridx joħroġ 'il barra mid-dinja xjentifika; il-bniedem kif inhu, li jaħseb, li jħobb, li jaħdem, li dejjem jistenna xi ħaġa, il-bniedem midneb u dak qaddis." L-Isqof tenna li huwa minħabba dan il-bniedem li Ġesù ġie fid-dinja u huwa wkoll minħabba dan il- bniedem li teżisti l-Knisja. "Għalhekk f 'din is-siegħa tal-istorja tal-Knisja f 'pajjiżna, noħlom li flimkien nagħmlu l-għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tas- soċjetà tagħna, aktar milli mezzi biex il-Knisja tiddefendi u tħares lilha nfisha." Dwar il-Knisja f 'Għawdex li jmexxi hu bħala isqof, Grech qal "Noħlom li nagħmlu mill-Knisja f 'Għawdex Knisja li toħroġ biex tħabbar il- Vanġelu lil kulħadd. Knisja li taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża', toħroġ tiltaqa' mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin. Knisja li tidħol fil-ħajja ta' kuljum tal-oħrajn, tqassar id-distanzi, jekk hemm bżonn titbaxxa sal-punt tal-umiljazzjoni, u tħaddan il- ħajja umana, tmiss il-ġisem ta' Kristu li jbati fil-poplu tiegħu." L-Isqof Grech kompla fuq dak li jgħid il-Papa speċjalment meta jgħid li Knisja li ma toħroġx, illum jew għada timrad minħabba l-arja ħażina tal-għeluq. "Huwa veru li l-Knisja li toħroġ jista' jkollha inċident; imma nippreferi għal elf darba Knisja li tkun batiet minħabba inċident milli Knisja marida. Knisja marida hija dik li titgħawweġ fuqha nfisha. Dan huwa tip ta' narċisiżmu li jwassal għal spiritwalità mondana u għal klerikaliżmu sofistikat." Tkellem ukoll dwar l-Evangelii Gaudium fejn il-Papa Franġisku kiteb li jippreferi Knisja feruta u maħmuġa għax toħroġ fit- toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hija ggranfata. Grech ikkwota lil Papa li qal "Ma rridx Knisja moħħha li hi fiċ-ċentru u tispiċċa magħluqa f 'taħbila ta' ossessjonijiet u proċeduri. Jekk hemm xi ħaġa li għandha bir-raġun kollu tinkwetana hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ta' Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta' fidili li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta' sens u ta' ħajja. Iktar milli l-biża' li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża' li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin- normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: 'Agħtuhom intom x'jieklu'". L-Isqof Grech qal li din il-konverżjoni tal-pastorali mhix faċli "L-ambjent tradizzjonali tal-parroċċi tagħna u l-mentalità ta' għadd ta' operaturi pastorali jafu jxekkluna bil-qawwa biex ma nimplimentawx din il-viżjoni. Il-pastorali tagħna għadha wisq marbuta mat-tempju u mas-sagristija. Indoqqu l-qanpiena u nistennew li n-nies jiġu f 'darna fil- ħinijiet tagħna. Mhux rari jiġrilna li nehdew b'nagħġa waħda u niġu naqgħu u nqumu mid-disgħa u disgħin l-oħra li tbiegħdu. Nagħtu l-impressjoni li għandna bżonn in-nies biex "nisservizzjaw" ċerti attivitajiet reliġjużi- folkloristiċi, psewdo-liturġiċi u t-tradizzjoni. Jien konxju li t-tibdil fil-pastorali jġib miegħu reżistenza; imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna l-qawl li jgħid li; min ma jbiddilx, iqammel." Grech saħaq li r-reviżjoni tal-pastorali hija meħtieġa biex il-Knisja tkun aktar preżenti f 'għadd ta' oqsma li llum huma ttraskurati, bħalma huma l-iskejjel, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, l-isptarijiet, il-postijiet tax- xogħol, il-każini anke dawk politiċi. "Hemm ukoll dawk "tal-periferija" eżistenzjali jew spiritwali – dawk li jħossuhom waħidhom, li huma mirfusa, li huma vittmi ta' sistemi inġusti, li huma barra mill-mainstream tas- soċjetà, li għamlu għażliet li jikkuntrastaw man-norma ċivili u reliġjuża, li ġarrbu xi falliment personali jew familjari, li żbaljaw – fi kliem ieħor, huma dawk li jixirqilhom jisimgħu li Ġesù huwa ħanin u għani fl- imħabba." L-Isqof t'Għawdex temm jgħid li waħda mit-toroq ewlenin li fihom trid toħroġ il-Knisja hija l-familja. "Ma għandniex nehdew ngħinu lill-bniedem jiskopri l-ġmiel taż-żwieġ, nakkumpanjaw il- familja b'saħħitha u ninfaxxaw il-feriti tal-familji midruba. Quddiemna għandna s-sinodu dwar il-familja li se jkun iċċelebrat f 'Ottubru li ġej. Għalkemm bħala Konferenza Episkopali diġà għamilna għadd ta' proposti bl-għan li l-Knisja lokali tagħti sehemha għal dan is- sinodu, personalment inħoss li l-interess huwa baxx, tant li għadna ma tlaqniex." Reporter u l-qasam tal-enerġija Il-programm jixxandar live fid- 8.40pm fuq TVM2 b'ripetizzjoni immedjatament wara fuq TVM. Ibgħat il-kummenti tiegħek fuq il-paġna ta' Facebook, facebook.com/reporterontvm It-tema tad-diskussjoni fil-programm Reporter t'għada se tiffoka fuq il-qasam tal-enerġija f 'pajjiżna. Id-diskussjoni se titratta dak kollu li għandu x'jaqsam minn xiri ta' żejt sal-produzzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija fil-pajjiż. Il-programm hu ppreżentat mill-ġurnalista Saviour Balzan u għandu produzzjoni tal-kamra tal-aħbarijiet ta' MediaToday. L-Isqof Mario Grech mal-Papa Franġisku