Illum previous editions

illum 25 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/451766

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Il-Ħadd 25 ta' Jannar 2015 | illum 9 Qtil faħxi Il-Pulizija kienu konxji li quddiemhom kellhom omiċidju faħxi u li xejn ma kien se jkun faċli biex isibu l-qattiel fi ftit żmien. Peress li l-vittma kellu ammont ta' daqqiet ta' sikkina, l-ewwel suspetti tal- investigaturi kienu li Formosa seta' nqatel minn persuna ta' nazzjonalità Għarbija. Iżda l-istess investigaturi ma kinux daqshekk konvinti minn dan u kienu biss suspetti. Ir-raġuni kienet li ġeneralment il-mod kif tinqatel persuna minn xi ħadd Għarbi hija tħanxir tal-għonq. Formosa, barra daqqa f 'għonqu, kellu wkoll daqqiet oħrajn f 'dahru, sidru u partijiet oħrajn ta' ġismu. Mill-inqas il-vittma ngħata 18-il daqqa ta' sikkina. Ħafna mid-daqqiet kienu superfiċjali, iżda oħrajn kienu fondi u li minnhom Formosa kien tilef ħafna demm. Id-daqqiet fatali kienu erbgħa - waħda li nifdet il-qalb, oħra qrib ħafna ta' qalbu u tnejn fil- pulmun. Il-kumplament tad-daqqiet ingħataw bl-aktar mod vendikattiv mill-qattiel li kienu jindikaw li seta' kien irrabbjat għal Formosa. Ipprova jilqa' d-daqqiet Ma kienx eskluż li Formosa u l-qattiel kellhom argument u l-aggressur mar ġab sikkina u beda jaggredixxi lil Joseph. Mal-ewwel daqqiet jidher li Formosa ma kellux ħin jirritalja jew saħħa biżżejjed biex jirreżisti. Wara li ngħata daqqa f 'għonqu u x'aktarx oħra f 'sidru, Formosa pprova biss jiskansa d-daqqiet billi qabad l-imħadda u użaha bħala tarka biex jilqa' biha d-daqqiet ta' sikkina. Dan jirriżulta minn kif instab il-katavru jżomm l-imħadda miegħu u f 'pożizzjoni ggrunċjata. Iżda l-qattiel ma kienx sodisfatt u minkejja li Formosa ma kellux aktar forza biex ikompli jilqa' daqqa wara l-oħra, il-kriminal xorta kompla jaggredixxi lil Formosa. Seraqlu l-kartiera Kif il-qattiel ra li l-vittma tiegħu ma kienx qed jiċċaqlaq u kien mimli dmija, seraq il-kartiera ta' Formosa mill-but tal-qalziet. Kif kien għadu mċappas bid- demm ta' Formosa, il-qattiel qabad il-kutra li kien hemm fuq is-sodda u mesaħ xi demm li kellu ma' jdejh u wara reġa' tefagħha fuq Formosa. L-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat kienu elevaw traċċi tad-demm anke minn mal-ħajt tal-kamra tal-banju li kienu jindikaw li l-qattiel ħasel id-demm li ċċappas bih kif ukoll ħasel l-arma tad-delitt. Suspett fuq Ingliż Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu li fl-4 ta' Jannar 2000, kważi xahar wara dan il-qtil faħxi ta' Joseph Formosa, il-Pulizija kienu reġgħu marru fuq ix-xena tad-delitt minn fejn elevaw marka ta' pala ta' id li kien hemm fil-ġir ma' ħajt. Mhux magħruf jekk din il-marka ta' pala ta' id irriżultatx ta' min kienet iżda dan il-każ kellu żvolta oħra. L-istess sorsi qaluli li l-Pulizija kellha suspett qawwi fuq raġel ta' nazzjonalità Ingliża li dak iż- żmien kien alloġġjat fil-Lukanda Palm Court li tinsab fl-istess triq fejn instab maqtul Formosa. Dan it-turist, li dakinhar tal- qtil kellu 35 sena, kien ippjanat li jħalli Malta fil-21 ta' Diċembru 1999, iżda "ħarab" minn Malta ferm qabel din id-data. Minn stħarriġ li komplejt nagħmel jirriżulta li dan it-turist kellu kollox imħallas, inkluż it-titjira KM4152 tal-linja nazzjonali Air Malta lejn Manchester. Il-Ħamis, 23 ta' Diċembru 1999, il-Pulizija kienu informati minn wieħed mid-diretturi tal-lukanda li dan l-Ingliż kien ilu ma jidher għal xi jiem u beża' li seta' ġralu xi ħaġa. Iżda minn aktar stħarriġ irriżulta li fil-fatt dan it-turist kien ħalla Malta ferm qabel iż-żmien. Dan qajjem suspett u għaldaqstant il-Pulizija kienu għamlu tfittxija fil-kamra tal- Ingliż. B'dak li sabu kien evidenti li dan l-individwu kien ħalla Malta malajr tant li kien ħalla ħafna affarijiet personali warajh. Mill-kamra fejn kien alloġjat dan it-turist, il-Pulizija elevaw qomos, qliezet, par żarbun u anke oġġetti li kienu juża biex iqaxxar il-leħja. Indikazzjoni li dan l-Ingliż kien ħarab minn Malta u mhux iddejjaq u telaq. Minn aktar stħarriġ irriżulta li dan it-turist kien fil-fatt ħalla Malta nhar it-Tlieta, 7 ta' Diċembru 1999. Huwa kien mar lura l-Ingilterra fuq it-titjira KM116, ukoll tal-Air Malta li telqet mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fit-8am lejn l-Ajruport ta' Gatwick f 'Londra. L-Ingliż xtara biljett lejn Gatwick peress li meta ġie Malta t-titjira li ġie biha, u li kellu jmur lura lejn Manchester, kienet titjira 'chartered' u għaldaqstant il-biljett ma kienx trasferibbli. Din il-"ħarba" saret ftit inqas minn 12-il siegħa wara s-sejba tal-katavru ta' Formosa. Il-kamra nadifa Meta l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat marru biex jelevaw xi marki tas-swaba' mill-kamra fejn kien alloġġjat l-Ingliż, ma sabux x'jelevaw minħabba li l-fattigi tal-lukanda xorta baqgħu jnaddfu l-kamra regolarment u ma kellhom l-ebda raġuni għaliex ma jagħmlux hekk. Il-Pulizija Maltija, permezz tat-Taqsima tal-Interpol, kienu talbu l-għajnuna tal-Pulizija Ingliża biex isibu lill-Ingliż kif ukoll kienu ntbagħtu l-marki tal-pala ta' l-id u kampjuni oħrajn lill-Pulizija Ingliża, iżda minn dakinhar qatt ma rriżulta xejn. L-investigaturi f 'dan il-każ iżda ma kinux waqfu hemm tant li anke kienu ġabru xi persuni fosthom raġel minn St. Andrews li dakinhar kellu 35 sena, ieħor ta' 24 sena minn Ħ'Attard u ieħor ta' 26 sena mill-Fgura. Wara sigħat ta' interrogazzjonijiet dawn kienu nħelsu. Il-Pulizija anke tkellmu ma' persuni li huma magħrufin li jsellfu l-flus minn fuq l-idejn minħabba informazzjoni li kellha li Formosa mhux l-ewwel darba li kien jissellef xi flus. Fil-fatt irriżulta li huwa kellu xi djun, iżda mhux flejjes kbar tant li dan il-mottiv kien skartat mill-Pulizija. il-vittma ngħata 18-il daqqa ta' sikkina Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Appell Ritratti: Arkivji Nazzjonali Il-katavru ta' Joseph Formosa waqt li kien qiegħed jittieħed fil-hearse

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 25 January 2015