Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/451766
JOHN BUSUTTIL ITTITLU jidher kemxejn stramb, iżda meta t-teknoloġija moderna tintuża biex toffri turiżmu differenti mingħajr ma toħloq sfreġju lil pajjiż u mingħajr ma toħloq inkonvenjent lin-nies tal- post, dan hu l-mod modern ta' kif wieħed jista' jagħti sostenibbilità lit-turiżmu. It-turiżmu f 'Malta qed jilħaq rekords ġodda. Iżda importanti li t-turiżmu nnifsu ikun immexxi b'mod sostenibbli. Fl-1970 kienu saru studji fl-Ewropa fejn ġie nnutat li qed nikkunsmaw aktar milli qed nipproduċu. Fl-1987 kien sar rapport dwar żvilupp sostenibbli fejn ingħataw direttivi biex kull pajjiż jieħu ħsieb ir-riżorsi kulturali tiegħu u jħallihom hemm għan-nies u turisti tal-futur. Fis-sittinijiet beda t-turiżmu tal-massa u dan it-tip ta' turist qed jinbidel għal wieħed alternattiv. It-turist modern qed ifittex li jżur pajjiż għall- ikel tiegħu, għal kultura differenti, għall-aspetti uniċi u endemiċi ta' postijiet differenti. Għal dan il-għan inħoloq il-proġett Heland li f 'Malta qed jitmexxa mill-Istitut tat- Turiżmu, Ivjaġġar u Kultura fi ħdan l-Università ta' Malta u hu ffinanzjat mill-programm ENPI CBC MED tal-Unjoni Ewropea. L-Istitut Universitarju għandu msieħba oħrajn f 'dan il-proġett li jinkludu kemm entitajiet edukattivi bħal universitajiet u istituti ta' riċerka u kemm organizzazzjonijiet oħrajn privati. Dawn ġejjin minn ħames pajjiżi fil-Mediterran, uħud minnhom membri fl-UE u oħrajn mhumiex. Barra l-Univeristà ta' Malta nsibu l-Fondazzjoni Temi Zammit (Malta), Geredis u l-Fondazzjoni Intraeco (Spanja), il-Larnaca District Development Agency (Ċipru), l-Applied Research Institute ta' Ġerusalemm (l-Awtorità Palestinjana), il-Fakultà tal-Immaniġġjar tat-Turiżmu u l-Ospitalità fl-Università tal-Lebanon u x-Shouf Biosphere Reserve (il- Lebanon), id-Dipartiment tal- Ippjanar Urban fl-Università tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Ġordan u The Royal Marine Conservation Society (il-Ġordan). Hawn Malta l-persuna li qed tmexxi dan il-proġett hi Nadia Theuma li għandha PHD fit- turiżmu. Iltqajna l-Birgu waqt kafè u Nadia bdiet titkellem dwar dan il-proġett li ftit jew xejn hawn għarfien għalih. Qaltet li skont l-istatistiċi kważi t-turisti kollha li jiġu Malta jżuru l-Imdina. U t-turisti li jmorru Għawdex imorru jżuru l-Ġgantija fix- Xagħra. Il-proġett hu wieħed mill- aktar interessanti fejn qed tinħadem 'app' li jaħdem billi l-persuna li żżur liema parti trid tal-Imdina u tax-Xagħra, Għawdex tkun tista' tara dik it- triq, pjazza, maqdes jew binja kif kienet f 'epoki differenti, bħal fi żmien il-Biżantini, Medju Evu, Neolitiċi u anke kif kienu l-widien tax-Xagħra f 'eri diversi. B'dan il-mod ma jkunx hemm għalfejn isiru skavi jew bini żejjed li jista' anke jdejjaq jew ikun ta' inkonvjenjent għal dawk li jgħixu f 'dawn in-naħat. Speċjalment meta wieħed iqis li fl-Imdina jgħixu madwar 300 persuna u jżuruha madwar 1.5 miljun turist fis-sena. U l-istess ix-Xagħra Għawdex. Għalhekk b'dan il-mod filwaqt li persuna jkun jista' jara b'mod virtwali kif kienu jgħixu, il- bini u l-kultura ta' liema epoka wieħed jagħżel, jista' jagħmel dan mingħajr ma jdejjaq lil ħadd u kollox jibqa' kif inhu. Nadia Theuma qalet li bħalissa qed tinġabar l-informazzjoni kollha tal-aspetti tal-patrimonju Malti u Għawdxi. Żiedet li d-dipartiment tagħha flimkien ma' oħrajn qed jaħdmu fuq indikaturi li joffru xi ħaġa ġdida lit-turist. "Fil-fatt it-turist li jmur Għawdex jistenna xi ħaġa differenti milli jsib Malta. Għalhekk din id-data li qed niġbru għandha tgħinna biex nimmassimizzaw it-turiżmu. Irridu noffru l-kultura tagħna permezz ta' realtà virtwali. Se nkunu qed nipproteġu l-kultura u l-istorja mingħajr ma neskavawha. Se nagħtu perspettiva li t-turist mhux qed jara. Se noffru esperjenza mill-isbaħ u nemmnu li se nilħqu aktar nies u turisti ta' gosti differenti." Nadia qaltilna wkoll li dan għandu jgħin li t-turist iqatta' iżjed ħin fil-post sew dak tal-Imdina kif ukoll fir-raħal tax-Xagħra u b'hekk isib ħin li jiekol f 'xi ristorant hemm u jkun tajjeb jekk jiġi offrut ikel tal-lokal. Għax dawn huma tip ta' turisti li jridu jduqu l-kultura anke fl-ikel. "Anke s-souvenirs tal-post jistgħu jinbidlu u jkun hemm souvenirs ta' kif kienu l-postijiet fi żminijiet differenti." Bħalissa qed isiru testijiet fuq 102 destinazzjonijiet u Malta flimkien ma' Għawdex hi waħda minnhom. Il-Ħadd 25 ta' Jannar 2015 | illum 7 App li tieħdok lura fiż-żmien App li tieħdok lura fiż-żmien Turisti jistgħu jżuru l-Imdina u x-Xagħra f 'epoki differenti Dr Nadia Theuma It-turisti li jżuru Għawdex imorru x-Xagħra minħabba l-Ġgantija