Illum previous editions

illum 1 March 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/470917

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 illum | Il-Ħadd 01 ta' Marzu 2015 DAN l-aħħar rajna ritratti fil-gazzetti ta' pulizija jiċċirkondaw raġel liebes pulit b'barmil xaħx, siment u kazzola jimla ħofor kbar fid-daħla tal-belt. Il-ħofriet kienu tant kbar li fihom setgħu jgħumu ż-żrinġijiet jew il-fkieren tal-ilma. Kieku laħaq rahom Renzo Piano kien jinkludihom fil- proġett ta' Bieb il-Belt. Is-sens ċiviku ta' dan l-individwu, sens li fih innifsu jisfida l-indifferenza tal-awtoritajiet għall-perikli tat-triq, kien ippremjat b'arrest, għax "ma kellux permess" isewwi passaġġ perikoluż. Jiġifieri f 'dan il-pajjiż ħieles, demokratiku u Ewropew ma tistax tieħu inizjattiva ċivili. L-istorja kellha l-mument "mistiku" tagħha għax ir-raġel stqarr li kien Alla stess li amarlu jsewwi l-ħofor. Eċċentriku kemm trid dan id-dettall, imma jekk Alla moħħu anki fil- ħofor fit-triqat ta' Malta, talinqas mill-għoli tas- smewwiet, missierna San Pawl qed jgħaddilna kelma tajba. U biex jikkonkludi l-operazzjoni "sovversiva" tiegħu, ir-raġel involut fil- każ, qabad il-kazzola u kif kien għadu frisk is-siment, kiteb Jesus biex in-nies tat- triq jagħtu xhieda ta' dan l-intervent imnebbah minn Alla. Mhux għax trid tkun xi alla biex tinduna bil-perikli li jippreżentaw it-toroq ta' Malta, l-aktar wara xi ħalba xita qawwija. Ħudu l-bankini: trid timmanuvra bejn il-ħmieġ tal-klieb, ta' konsistenza u lewn li jvarja. Trid tiskapula l-boroż tal- iskart mormijin bl-addoċċ; trid tara kif ma titgerbibx fil-kaxxi li jarmu l-ħwienet, l-aktar dawk tal-ħaxix, li japproprijaw il-passaġġ tal-bankina. Imbagħad trid tevita xi katusa li baqgħet ħierġa sa nofs il-bankina jew xi gandott minn xi dar għadha tinbena. U hemm ir-rampi quddiem il-garaxxijiet. Jekk tkun evitajt (b'eroiżmu li jitlob kuraġġ liema bħalu) dawn il-perikli pedonali kollha, ikun baqagħlek tara kif se tiskansa ċ-ċangaturi maqlugħin li l-Kunsilli Lokali qatt m'għandhom fondi biex isewwu. Jippreferu street furniture li tkompli żżid mal-konfużjoni u l-bad taste li tħabbatha mal-proġett ta' Piano, bit- tilqit kollu tiegħu. Kif se jimxu fuq il-bankina l-anzjani (l-aktar dawk li jeħtieġu jimxu b'bastun) u aktar u aktar, dawk neqsin mid-dawl, il-qaddisin patruni biss jafu. Dawn l-imsejkna ċittadini huma injorati għal kollox. Il-pulizija mhux tarresta ċittadin b'barmil xaħx u siment trid, imma torganizza korp apposta biex jimtlew it-toqob tar- Repubbika. Kif issewwew it-toqob f 'karozza ministerjali, sparati minn kuntistabbli-xufier trigger- happy, għandhom jissewwew il-bankini, pereżempju fi Triq Manoel de Vilhena, fil-Gżira, għajb għall- Granmastru li bena t-teatru barokk. Forsi jekk inkunu xxurtjati, il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN) xi darba tiffesteġġja l-pajsaġġi tat-triqat u l-bankini Maltin, probabbilment fost l-aqwa fl-Ewropa. Malta. Nippremjaw il-bżulija! U narrestaw ċittadin b'sens ċiviku eżemplari. Il-FĊN, min-naħa l-oħra, spiċċat torganizza r-rock concerts, id-dwal fuq il- faċċati tal-bereġ u s-swar u t-tiġrijiet taż-żwiemel. Talinqas bi żwiemel b'erba' saqajn, mhux tlieta. IL-METAFORA BAXXA TAL-ARKITETT TA' PIANO "Qisha beżqa fuq kejk," qal Antonio Belvedere minn Pariġi. Forsi ħaseb li l-Maltin ma jixirqilhomx lingwaġġ aħjar. Kulħadd maqdar il-bankarelli l-ġodda tal-monti, imma ħadd ma ħareġ bil-bassezza tal- metafora ta' Belvedere. Hu minnu li l-bankarelli huma medjokri, iżda jien ngħid li wara kollox jikkumplimentaw tajjeb il- froġa ta' Renzo Piano għad- daħla tal-kapitali Maltija. Tana taħwida manja ta' stili. Il-bini tal-Parlament ma tafx tqabblux ma' barumbara jew dahar ta' kukkudrill, filwaqt li "t-teatru apert" hu qassata ta' rjus ta' fdalijiet barokk li ħelsuha mill-aħħar gwerra, kapitelli Griegi, riggijiet tal- ħadid u siġġijiet tal-plastik. Mhux 'il bogħod wisq mill- kunċett tal-bankarelli, wara kollox. Dottor Belvedere qal li "qed jibki" jara din il-medjokrità. Naħseb m'hemmx agħar mill-medjokrità tal-metafora pastaża li uża Signor Belvedere għal Malta. Imma kollox jgħaddi, sakemm dak l-insult ġej mill-uffiċċju ta' Piano. Hu għajb li minflok ma kkundannaw il-metafora baxxa li tinsulenta pajjiż, "in-nies tal-kultura" qed jogħxew ifaħħru l-proġett ta' Bieb il-Belt li kisser għal kollox il-ħsieb ta' belt fortifikata. U aħna, il-ftit li ma nagħmux b'ismijiet ilellxu, bkejna qablu għall-qassata tad-dħul għall-Belt. X'baqa' biex jgħadduna minn għajn il-labra u jitħallsu l-miljuni fuq miljuni? Min ħa paċenzja b'min? Renzo Piano jew il-Maltin mansi li għalihom sitta u sitta jagħmlu tnax u li għalihom għadu jgħodd dak li snin twal ilu kienu kitbu erwieħ bħal Mikiel Anton Vassalli, Juan Mamo u Manwel Dimech. Mur ġib xi belt fortifikata Franċiża, Ingliża jew Spanjola jħallu lil Piano jagħmel l-isfreġju li għamel u minfuq iroddulu ħajr tal-paċenzja. MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI L-ISTORJA TA' ĊITTADIN B'BARMIL XAĦX U SIMENT Renzo Piano: bravura jew narċisiżmu? ISSA ONLINE .cOm.mt U biex jikkonkludi l-operazzjoni "sovversiva" tiegħu, ir-raġel involut fil-każ, qabad il-kazzola u kif kien għadu frisk is-siment, kiteb Jesus

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 March 2015