Illum previous editions

illum 1 March 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/470917

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 31

VERONICA LYNN MIZZI IRRIŻENJA ta' Mons. Pawl Cremona li waslet f 'Ottubru tal-2014 ħalliet post vakanti fit-tmexxija tad-djoċesi Maltija. Matul iż-żmien tal-għażla għas-suċċessur ta' Cremona, li kien perjodu twil ħafna meta mqabbel maż-żmien li jittieħed is-soltu għall-għażla ta' isqof, intgħażel Charles J. Scicluna sabiex ikun amministratur appostoliku għall-Knisja Maltija. Wara xhur ta' stennija għall-Knisja Maltija, in-nunzju appostoliku Mons. Aldo Cavalli ħabbar li l-istess Isqof Scicluna kien se jsir Arċisqof ta' Malta. Għażla li ma tantx kienet sorpriża għal ħafna. Minkejja dan, kien ta' sorpriża l-fatt li ttieħed daqshekk żmien sabiex jintgħażel, aktar u aktar meta ntgħażel l-istess persuna li kien diġà jokkupa l-kariga ta' tmexxija tad-djoċesi. Fl-ewwel kummenti ta' Scicluna bħala Arċisqof, huwa tkellem dwar diversi punti li se jkunu qed jingħataw importanza matul it-tmexxija tiegħu, fosthom ir-riforma fil-kurja sabiex jitnaqqas il-€500,000 defiċit li għandha l-Knisja, li hu stess ammetta li kienet ħaġa li tinkwetah. B'din ir-riforma, jkun qed jimmira li jkun hemm aktar effiċjenza fi ħdan l-istess kurja. Fost it- tmexxija tiegħu, Scicluna qal li jixtieq li jkollu ż-żgħażagħ madwaru fil-ħidma tiegħu, però fl-istess waqt ma jistax iwarrab in-nies li ilhom jaħdmu fi ħdan din l-istituzzjoni li għandhom ħafna snin ta' esperjenza minbarra li offrew ħafna ħidma siewja. Il-gazzetta ILLUM ħadet il-kummenti ta' xi opinjonisti dwar it-tmexxija l-ġdida tal- Knisja f 'Malta, fejn minbarra li ġew mistoqsija x'jaħsbu li hi t-triq 'il quddiem għall-Knisja f 'Malta issa li għandha tmexxija ġdida, ġew mistoqsija wkoll jekk jaħsbux li l-għażla tal-Isqof Scicluna kinitx l-aħjar waħda. ANDREW AZZOPARDI L-Isqof Charles Scicluna kien wieħed mill-kandidati ovvji u li jiskantani fil-fatt kien li l-Knisja damet daqshekk biex tagħżel Arċisqof, jekk xorta waħda finalment eleġġiet lilu. Dan aktar u aktar meta kienu jafu li huwa bniedem kompetenti, elokwenti mal-mezzi tax-xandir, fost l-oħrajn. Wieħed irid jara kemm ikun kapaċi joħroġ lill-Knisja mid-diffikultajiet li għandha u jbiddel il-perċezzjoni tal-Knisja li hi ta' Knisja naqra għajjiena. Naħseb li hi interessanti kif in-nies mhumiex daqshekk entużjasti dwar il-ħatra tal- Arċisqof Scicluna daqskemm kienu fil-każ ta' Pawl Cremona, li għalih kien hemm ċertu għagħa. Nara li hi diffiċli biex ibiddel l-affarijiet, għaliex jekk ma rnexxielux Pawl Cremona li kien persuna ġdida, patri u espert ta' kif jikkomunika, se tkun iktar diffiċli għal persuna li ilha fl-irwol għal diversi xhur. Bħala triq 'il quddiem għall-Knisja, nemmen li l-ewwel irridu nagħtu ħarsa lura. L-ewwel irridu naraw li jiffunzjonaw il-parroċċi, jittieħed irwol rikonċiljattiv mas-soċjetà ċivili u tibda titħaddem is-sistema ta' Papa Franġisku tal-'comunita di barrio' li taħdem ħafna fl- Amerika t'Isfel. Naħseb ukoll li għandu jkun hemm preżenza fil-mezzi tax-xandir għandha tkun aktar pożittiva u l-Knisja trid taħdem fuq l-aspett soċjali tagħha u tiffoka fuq l-għaqdiet li jagħmlu ħafna ġid bħad-Dar tal- Providenza. Il-Knisja trid tkun waħda li tmur għand in-nies u mhux tipprietka minn fuq il-pulptu u tipponta s-swaba' u tgħidilna x'għandna nagħmlu. Trid tkun ukoll Knisja li ma twarrabx lil dawk il-qassisin li jkollhom attitudni kemxejn feroċi, imma tkun waħda li tinvolvi lil kulħadd. Il-fatt li kien fl-irwol diġà, jista' jservi bħala punt pożittiv, però jien aktar nemmen li din se ssarraf f 'diffikultà. L-Arċisqof Scicluna, nemmen li għandu stonku biex jieħu ċerti deċiżjonijiet. CHARLES XUEREB L-Arċisqof Scicluna huwa bniedem intelliġenti u tad- dinja moderna li jaf kif għandu jaffaċċja l-problemi tal-lum. Għaldaqstant, kelli reazzjoni pożittiva għall-personalità tal- Arċisqof. Minkejja li l-kandidati l-oħra sabiex isiru Arċisqof mhumiex magħrufa, kandidati lokali validi għall-pożizzjoni, hemm ħafna. Però jidher kif tkompliet it-tendenza li l-għażla tal-Arċisqof li ma jkunx mil- lokal. Hemm il-preferenza li f 'komunità żgħira bħal Malta, jintagħżel xi ħadd li ma keinx qed jgħix il-ħajja normali tiegħu hawn f 'Malta, fejn ikollhom esperjenza ta' ħidma fil-Vatikan u jkunu aktar prattiċi. Sabiex jiġu introdotti xi bidliet ġodda, nħoss li persuna tal-lokal issibha iktar diffiċli minn oħrajn. L-għażla tibqa' waħda pożittiva u tajba għaliex Mons. Scicluna huwa bdiedem li għandu ħiliet ta' tmexxija tajbin ħafna, jaf jikkomunika u għandu l-vantaġġ li ma tantx se titfgħu kantuniera u ma jkunx jaf kif jista' joħroġ minnha. It-triq 'il quddiem tal-Knisja hi li l-ewwel ħaġa ma jkunx hemm aspettazzjonijiet wisq għoljin għaliex il-Knisja dejjem timxi b'pass kawt għaliex il-bidla għandha dejjem tiġi assorbita bil-mod. Però, min-naħa l-oħra nifhem li l-approċċ jista' jkun wieħed differenti. Il-poplu, huwa wieħed li qed jinbidel u lanqas tista' tqabblu ma' kif kien għaxar snin ilu. Issa hawn poplu li fihom, in-nies tal-istess sess jistgħu jiżżewġu, koppji jistgħu jiddivorzjaw, fost l-oħrajn. Inħoss li l-Arċisqof, għandu jkun bniedem li bħala mexxej jisma' lil kulħadd imma finalment, jagħmel id-deċiżjoni hu. Irid ikun Arċisqof li għandu viżjoni ta' Knisja futura imma fl-istess waqt iżomm il-valuri tradizzjonali tagħha, b'approċċ li jilqa' n-nies biex tikkomunika magħhom u mhux tikkundanna jew tordna lin-nies x'jagħmlu. Hemm l-eżempju ferm tajjeb tal-approċċ li ġab il-Papa Franġisku mill-Amerika Latina, ta' Knisja li tiftaħ dirgħajha għan-nies u naħseb li dan l-Arċisqof għandu l-elementi kollha biex tagħmilha taħdem. CHARLES FLORES Li ssorprendejt ruħi, mhux bl-għażla tal-Arċisqof imma bid-dewmien kollu, għaliex l-Isqof Scicluna kien diġà taħt għajnejhom. Ma kienx hemm xi proċess li kellu jsir bħal f 'każ li kieku ntagħżel persuna totalment ġdida, u għalhekk li skantajt meta dam daqshekk biex jitħabbar l-Arċisqof magħżul meta kien l-istess wieħed li kien qed jaqdi dan l-istess irwol. Permezz tal-ħatra ta' isqof ġdid ħa jinfetaħ kapitlu ġdid għall-Knisja f 'Malta – kapitlu li fl-era tal-mezzi soċjali, kulħadd donnu jrid isemmi l-opinjoni tiegħu dwaru. Ħabib tiegħi beda jsib oġġezzjoni għal min ma jipprattikax ir-reliġjon Kattolika, iżda mbagħad iwasslu l-fehmiet tagħhom dwar l-Arċisqof il-ġdid. Skontu, min mhux parti mill-merħla, m'għandux għaliex jindaħal dwar min qed imexxiha. Iżda jien ma naqbilx miegħu fuq hekk. Ma rridux ninsew li ħafna mill-Maltin m'għadhomx jipprattikaw ir-reliġjon Kattolika għax tilfu l-fiduċja tagħhom f 'kif titmexxa l-Knisja. Minħabba s-setgħa li għandha f 'Malta l-istituzzjoni tal-Knisja, kull deċiżjoni li din tagħmel tħalli impatt immedjat fuq il-kumplament tas-soċjetà – anke fuq min ma jemminx. Il-Knisja tipprova turi x'direzzjoni għandha tieħu s-soċjetà fuq il-kwistjoni tad- divorzju, kif ukoll tal-Unjoni Ċivili – imma mbagħad rajna soċjetà Maltija li għarfu li d-deċiżjoni jridu jagħmluha waħedhom, u mhux iħallu lil ħaddieħor jgħidilhom x'għandhom jaħsbu. Ħafna mill-qassisin żgħażagħ qed jagħrfu din ir-realtà soċjali ġdida li qed ngħixu fiha llum il-ġurnata. M'għadux żmien li titkellem ma' qassis u tħossok mort lura għal żmien l-Assedju l-Kbir. L-Arċisqof il-ġdid għandu jmexxi l-ħidma tiegħu skont dawn ir-realtajiet ġodda. Il-Ħadd 01 ta' Marzu 2015 | illum 7 L-għażla ta' Charles Scicluna bħala Arċisqof ta' Malta... Għażla li għal ħafna ma tantx kienet sorpriża Ritratt: Ray Attard Il-Knisja għandha tkun waħda li tmur għand in-nies u mhux tipprietka minn fuq il-pulptu

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 March 2015