Illum previous editions

illum 7 june 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/523872

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 07 ta' Ġunju 2015 | illum 19 I ssa li dieħel sew is-sajf, huma bosta li ma jħobbux l-ikel sħun. Bosta jippreferu li jieklu sħun fix- xitwa waqt ix-xhur kesħin. Jiena l-ikel sħun jogħġobni dejjem, għalkemm ikolli nistqarr li kważi kull ikel jogħġobni dejjem. Fis-sajf jiena bħall-Għarab tad-deżert u naqta' l-għatx bi kwantitajiet kbar ta' tè sħun. Għalkemm illum m'iniex ser niekol minestra msaħħna, meta kont qiegħed mentalment nipprepara għal dan l-artiklu u għażilt fuqhiex ser niktbu, ġietni f 'moħħi l-espressjoni "la vecchia minestra riscaldata" fil-lingwa Taljana meta jirreferu għal xi ħaġa li tkun ilha tissemma'. Jiena nxebbaħ lilna li nidħlu għar- responsabilità li nikkontribwixxu kull ġimgħa fuq ġurnal bħall-qassisin li kull nhar ta' Ħadd iridu jagħtu priedka wara l-Vanġelu. Għalkemm kull nhar ta' Ħadd is-siltiet mill-Bibja jinbidlu, ħafna drabi l-predikatur jispiċċa jirrepeti l-istess temi: l-imħabba lejn Alla, l-imħabba lejn il-proxxmu u l-ħtieġa li wieħed ma jidnibx biex nagħti ftit eżempji. Mhux kull min jisma' l-priedka jieħu gost li jisma l-istess affarijiet Ħadd wara Ħadd. Imma spiss l-predikatur jirrepeti l-istess affarijiet mhux għax nieqes mill-idejat imma għax sinċerament iħoss il-ħtieġa li jirrepeti l-messaġġ tiegħu bit-tama li xi darba dan il-messaġġ jasal. Hu dan l-ispirtu missjunarju li janima l-kummentaturi tal-ġurnali: ix-xewqa li s-soċjetà tadotta l-ideat u l-proposti li wieħed ikollu għal qalbu. L-evoluzzjoni storika fis-soċjetà tagħna l-bnedmin hija magħmula mill-isforz individwali ta' eluf, jekk mhux mijiet ta' eluf ta' bnedmin li matul is-sekli m'aċċettawx l-istatus quo u aspiraw li jkun hemm titjib fis-soċjetà. Ħafna drabi dawn l-individwi soffrew persekuzzjoni, turufnament, faqar, tortura u anke mewt. Ftit kienu dawk il-viżjonarji li ppruvaw jibdlu s-soċjetà li jgħixu fiha mingħajr ma soffrew xi konsegwenza. Sa ċertu punt, aħna qegħdin ngħixu fi żmien fortunat. Illum is-soċjetà hija aktar miftuħa minn qatt qabel u ħafna huma dawk li ma jiddejqux jesprimu ruħhom fuq is-siti elettroniċi f 'pajjiżna. Li jiskantani hu kemm hawn nies li għal xi raġuni jew oħra ma jikxfux l-identità tagħhom minkejja li jkunu qed jesprimu opinjoni favorevoli għal gvern tal-ġurnata. Min jibqa' mistur qajla jista' jittieħed bis-serjetà. Għaldaqstant, nittama li m'iniex qed indejjaq lil min jieħu l-briga li jsegwi b'reġularità din il-kolonna jekk nerġa niġi għal punt li spiss semmejt fis-sitt snin li ilni niktibha: il-ħtieġa ta' tisħiħ tal-Parlament ta' pajjiżna. Hija verament minestra msaħħna mill-ġdid imma li jixraq li nduquha f 'dan il-jum li jaħbat s-96 anniversarju mill-irvellijiet li fl-aħħar ġiegħlu lis-sidien imperjali li jagħtuna Parlament b'ċerta poteri u prerogattivi. Parlament li suppost kienu tawna meta l-antenati tagħna kienu għażlu li jaqgħu taħt il-mantell tas- sovran Brittaniku minflok dak Naplitan jew ta' xi potenza oħra. Nitkellmu li għandna demokrazija parlamentari u li l-Parlament huwa l-ogħla organu tal-istat imma dan huwa verament kliem fieragħ għax bl-aktar mod skjett, wieħed jista' jgħid li l-valur vera li wieħed jidħol fil-Parlament huwa li min jilħaq deputat għandu l-possibilità li jilħaq ministru. Kif spiss għidna, għalkemm fit-teorija l-eżekuttiv irid dejjem jagħti rendikont ta' għemilu lill- Parlament, id-dixxiplina tal-partiti spiss toħnoq id-dissens intern u d-deputati jkunu mġagħlin isegwu l-linja tal-partit. Forsi wieħed ma naqbilx meta jiftakar li fl-aħħar għoxrin sena, waqgħu żewġ gvernijiet b'vot ta' sfiduċja. Imma r-realtà hi li dan ġara meta l-maġġoranza parlamentari ma setgħetx tkun iżgħar. Fir-realtà, min ma jsegwix il-linja tal- partit , anke jekk jikkritika b'mod leali u ġenwin, qajla jista' jaspira li jingħata kariga ministerjali li hija l-ħolma ta' bosta mid-deputati. F'pajjiżna, minkejja li għandna orkestra nazzjonali ta' sebgħa u sittin mużiċist, banda tal-forzi armati magħmula minn suldati fil-veru sens tal-kelma, tim nazzjonali tal-futbol magħmul minn professjonisti u minkejja li bnejna parlament grandjuż li flimkien mal-proġett tad-daħla tal-Belt qed igħidu li sewa € 100 miljun (u sewwa li għamilna li bnejna dan il-kapolavur ta' Renzo Piano li probabilment huwa l-isbaħ ħaġa li saret fil-Belt minn mindu ċertu Michelangelo Merisi msejjaħ il-Caravaggio pitter il-qtugħ ir-ras ta' San Ġwann), qatt ma ħassejna l-ħtieġa li jkollna Parlament kompost minn deputati dedikati għar-rwol leġislattiv ferm importanti li għandhom. Minflok, aħna, pajjiż sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fejn il-Parlament tagħna jrid jimplimenta d-direttivi Ewropej u bil-Parlament tagħna li għandu rwol x'jiżvolġi fit-tfassil tal-politika Ewropea taħt it-Trattat ta' Lisbona, għandna parlament fejn barra ż-żewġ tużżani ministri u segretarji parlamentari u l-Kap ta' l-Oppożizzjoni, il-kumplament tad-deputati jridu jirrikonċiljaw id-dmirijiet parlamentari tagħhom u l-attenzjoni għall-kostitwenti tagħhom mal-ħidma ta' kuljum biex wieħed jaqla' x'jiekol. Għoġobni ferm il-mod kif "predikatur" ieħor, Rainer Fsadni, għalaq l-artiklu tiegħu ta' nhar il-Ħamis fuq it-Times dwar kif għandha tinkiseb il-kontabilità fil-ħajja pubblika: "As for us, the public, we seem to want a mature democracy without paying for it. Only we are to blame if we end up with a cheap imitation." Kliem li naqbel miegħu perfettament. Iċ-ċittadin m'għandux jippretendi l-ogħla standards ta' komportament etiku kif għandu kull dritt jippretendi mingħajr ma jirrikonoxxi li minn jiddettejeni tali kariga għandu dritt ta' rimunerazzjoni xierqa u kumpens talli jkun issagrifika l-iżvilupp professjonali tiegħu biex isegwi karriera politika. Għaldaqstant, il-kwistjoni tar- rimunerazzjoni tal-parlamentari u anke tal-ministri u tas-segretarji parlamentari għadha ferita miftuħa li jidher li minflok ma nippruvaw insewwuha kif jixraq f 'demokrazija matura ħa nħalluha tibqa' tikkankrena d-demokrazija tagħna. Għax minflok ma' l-politiċi ma' jaqbdu l-barri minn qrunu u jgħidu li jixraqilhom rimunerazzjoni adekwata għar-responsabilità qawwija li jġorru fil- kariga tagħhom, qed inkomplu nassistu għar-rapazzar b'miżuri tan-nofs kedda. Meta l-gvern ta' Gonzi pprova jindirizza din l-kwistjoni, l-ewwel ħaġa li għamel kien li għadda liġi nkiss inkiss bil-beneplaċitu tal-opposizzjoni sabiex deputati impjegati tal-gvern ikunu jistgħu jżommu l-impjieg tagħhom fis- servizz pubbliku. Miżura li tat l-ewwel daqqa ta' ħarta lill-kunċett fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri u tal-ħtieġa vitali ta' checks and balances bejn l-organi tal-istat kif spjegajt drabi oħra. Minn din il-miżura segwa li l-ministri bdew jieħdu l-onorarju parlamentari flimkien mal-paga tagħhom. U meta l-onorarju parlamentari żdied bl-aktar mod goff mill-kabinett u mhux mill- Parlament stess, faqqgħet kontroversja politika li l-Oppożizzjoni strumentalizzat ħalli ddgħajjef politikament lill-gvern ta' Gonzi. Il-kontroversji politiċi spiss jagħmlu ħsara kbira fil-ħajja pubblika li mhux la kemm jissewwew. Muscat stqarr kemm-il darba li ma jikkontemplax żieda fl-onorarju tal-parlamentari f 'din l-leġiżlatura imma f 'dik li jmiss. Il-loġika ta' din l-pożizzjoni ma tiftiehemx imma ftit kienu dawk li kkontestawha speċjalment wara li l-Partit Nazzjonalista ġie umiljat fl-aħħar elezzjoni anke minħabba l-kontroversja tal-€500 fil-ġimgħa. Minflok, Muscat ħareġ bi trovata li jaħtar bosta deputati f 'pożizzjoni eżekuttiva u b'mod u manjiera li jgawdu salarju li spiss jiżboq dak ta' ministru. Verament din l-istrataġemma ma kinitx ġdida għax diġà kien hemm il-preċedent ta' bosta deputati li kienu maħtura f 'karigi eżekuttivi u dan anke in kontravenzjoni tal-artikolu 54(1)(b) tal-Kostituzzjoni. Dak li huwa ġdid huwa l-fatt li Muscat offra din l-possibilità lill-membri tal-Oppożizzjoni li fortunatament irrifjutawha minnufih u l-ammont ta' ħatriet eżekuttivi li ħadu parlamentari tal-Partit Laburista. Niddubita hemmx nofs tużżana ta' parlamentari Laburisti li m'għandhomx xi kariga eżekuttiva. Dan huwa żvilupp ferm perikoluż f 'demokrazija parlamentari. Xogħol il-parlamentari mhux li jmexxu d-dipartimenti tal-gvern imma li jżommu l-Gvern fuq ponot subgħajh. U dan r-rwol ma jispettax biss lid-deputati tal-Oppożizzjoni imma anke lill-backbenchers tal-partit fil-gvern. Meta wieħed jara deputat laburista li bejn kariga pubblika u oħra u l-onorarju parlamentari jdaħħal xi € 70,000 fis-sena, li jdejjaqni u noġġezzjona għalih m'hux il-fatt li jdaħħal € 70,000 fis-sena għax ma jidhirliex li hija rimunerazzjoni esaġerata sabiex wieħed jaqdi d-doveri parlamentari tiegħu imma li mhux qed jirċievi dawn il-flus sabiex jiddedika ruħu kompletament għad-doveri parlamentari tiegħu. Agħar minn hekk, ir-rimunerazzjoni li jirċievi għall-kariga eżekuttiva li jgawdi tirrendieh vulnerabbli u dipendenti fuq il-gvern b'mod u manjiera li tikkomprometti l-indipendenza li huwa bħala parlamentari għandu jgawdi, irrispettivament mill-appartenenza politika tiegħu. Biex inkomplu nagħfġu, din il- ġimgħa s-Segretarju Permanenti Prinċipali ħabbar li nbidel il-Kodiċi tal-Etika ministerjali li għalkemm baqa' stranament mistur, issa sirna nafu li "fl-interess nazzjonali", il-Kabinett jista' jikkonċedi li ministru jkompli jipprattika l-professjoni. Frankament, ma nafx min hu daqshekk indispensabbli li l-kabinett ma jistax jgħaddi mingħajru. Għalkemm jekk hawn min jaqla' xi nofs miljun ewro fis-sena qajla jista' jippretendi li kariga pubblika xi darba se tirrimunerah adekwatament, din hija soluzzjoni mbażwra oħra. L-istess bħal fir-rigward tal-onorarju parlamentari, ir-rimunerazzjoni lill- ministri u lis-segretarji parlamentari jeħtieġ li tiġi riveduta. Ma jagħmilx sens li wieħed li jitqabbad biex jorganizza l-festi nazzjonali u xi kultant jitla' fuq palk idoqq il-gitarra jitħallas aktar milli jitħallas ministru. Il-pajjiż għandu bżonn tmexxija soda u onesta u aktar ma ndumu nbażwru u ma nirrikonoxxux dan il-fatt minħabba raġunijiet ideoloġiċi fażulli jew minħabba kalkoli politiċi mjopiċi li dan jeħtieġ li trid tirrimunera b'mod xieraq lid-detenturi ta' kariga pubblika, aktar ser tkompli ssir ħsara lill-ġid pubbliku u deterjorazzjoni fl- istandards tal-ħajja pubblika . Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph. Minestra msaħħna fis-Sette Giugno JOE ELLIS Il-MEPA Min jibqa' mistur qajla jista' jittieħed bis-serjetà

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 june 2015