Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/560192
ITTRIQ Romantika hi l-espressjoni tal-miljuni ta' turisti li jħossu romantiċiżmu kbir meta jduqu dawn l-ibliet medjevali. It-triq Romantika tieħdok minn Fussen sa Wurzburg. Triq li tiftaħ beraħ ir-rikkezzi tal-istorja Ewropea, l-arti u l-kultura lill- vjaġġaturi matul din it-triq. Minn fuq s'isfel, ix-xenarju jinbidel kompletament minn vallati bix-xmajjar għaddejjin f 'nofshom, sa art agrikola, foresti u muntanji. Iżda t-Triq Romantika toffri aktar minn kampanja. It-Triq Romantika toffri armonija sħiħa bejn kulturi u ospitalità. Taħlita ta' xenarju u bini li jimpressjonak u ppriservat għal dak oriġinali ta' sekli sħaħ ilu. Il-bidu tagħha kien fl-1950 meta l-Ġermanja riedet tara kif se tagħmel biex tibni ekonomija turistika wara l-gwerra Mondjali u hemm ħolqu triq li hi twila 200 kilometru. Tista' tibda min-naħa t'isfel inkella minn fuq. Jien bdejtha min-naħa t'isfel u l-ewwel waqfa tiegħi kienet Fussen fejn wieħed jista' jqatta' ftit ħin fil-kafetteriji li jintramaw fit-triq prinċipali ta' din il- belt ċkejkna, mimlija b'bini uniku li jagħti spettaklu lil dan il-post. Dan il-post jibqa' msemmi għar-re Ludwig II tal-Bavarja li hu magħruf ħafna bħala r-re ħalliem, 'The Dream King'. Meta sar re fl-età żgħira ta' 19-il sena, iddeċieda li jibni kastell għalih, u dan hu Neuschwanstein. Dan il-kastell tant kien differenti mill-oħrajn li nebbaħ lil Walt Disney li jibni l-kastell tal-fantasija u tal- ħrejjef tiegħu. Meta mqabbla mal-belt ċkejkna ta' Fussen, Augsburg hi ferm akbar u traffikuża. Tinsab fuq ix-xmara Lech u hi t-tielet l-akbar belt fil-Bavarja. Hi wkoll waħda mill-aktar bliet antiki fil-Ġermanja u kienet inbniet mill-Imperatur Ruman, Augustus fis-sena 15 qabel Kristu. Komplejt insuq u waqaft f 'belt kartolina, Dinkelsbuhl. Belt oħra mdawra bis-swar. Belt li biex vera jkollok mument trankwill, li għandek tagħmel hu li ddurha minn madwar is-swar tagħha filwaqt li passiġġata matul jew bejn it-toroq dojoq tagħha huma spettaklu speċjalment għax ħafna minnhom joħorġu għal fuq is-sur u kull fejn tħares tara spettaklu naturali. Belt oħra spettakolari fit-Triq Romantika hi Rothenburg ob der Tauber. L-isem ifisser Rothenburg fuq ix-xmara Tauber. Il-kelma Rothenburg gejja mill-kliem Ġermaniż Rot għal red (aħmar) minħabba l-bjut ħomor tagħha u burg – belt medjevali fortifikata. Hi belt medjevali mdawra b'ħitan li huma fost l-aktar priżervati madwar l-Ewropa kollha li kien anke rnexxielha teħlisha mill-bombi tal-alleati fl-aħħar gwerra dinjija. Rothenburg hi speċi ta' labirint ta' bini kkulurit li għandu madwar 700 sena. Wurzburg hi l-aħħar belt jew l-ewwel belt tat-Triq Romantika u hi wahda mill-isbaħ bliet barokki fil-Ġermanja kollha, fejn saret famuża bħala ċentru tal-produzzjoni tal-inbid tal- Franconia. Hawn wieħed jista' jgawdi l-atmosfera ta' din il-belt li tinsab fil-vallata tax-xmara Maine imdawra b'għoljiet kollha dwieli tal-inbid. Bla dubju l-isbaħ belt fit-Triq Romantika, u għalhekk iddeċidejt li nagħlaq biha. Il-postijiet li fiha x'tara din il-belt ma tgħoddhomx, u lanqas temmen meta wieħed ikun jaf li 90 fil-mija ta din il-belt ġiet mitħuna fl-aħħar raid ta' 20 minuta tal-alleati fl-aħħar gwerra dinjija fit-2 ta' Marzu 1945. Bi programm kważi mirakoluż, irnexxielhom jerġgħu jibnu kull struttura mportanti filwaqt li rrestawraw l-aktar bini importanti bħal Wurzburg Residence li hi wirt dinji, li kien sofra ħsara kbira. Il-pont antik tagħha jirrifletti dik l-epoka. Pont li jixbaħ ferm lil Charles Bridge ta' Praga. Ta' min iżur il-fortizza (Festung) Marienberg fejn wieħed jista' jara veduta mill-isbaħ fuq Wurzburg. Għal min jixtieq jitbiegħed ftit mill-istorbju tal- belt u mit-toroq tax-shopping, tajjeb li jqatta' ftit ħin fil-ġonna t'hawnhekk. Kif tasal għar-Romantic Road Hemm diversi modi biex tasal għal Romantische Strasse. L-aħjar ajruporti li jwassluk fuq naħa jew oħra biex tibda t-triq Romantika huma Frankfurt jew Munich. Frankfurt jekk tkun se tibda minn fuq għal isfel għax l-ajruport hu qrib Wurzburg. Munich hu qrib in-nofs tat-triq Romantika u tagħżel int minn fejn tibda. Interessanti wkoll dan l-ajruport jekk wieħed irid iqatta' xi jiem f 'din il-Belt sabiħa tal-Bavarja. Iż-żewġ ajruporti huma milħuqa direttament mill-Air Malta jew Lufthansa. Biex iżżurha Hemm diversi modi kif iżżur din it-Triq Romantika. Tista' tagħżel it-trasport pubbliku fejn l-"Europabus Romantische Strasse" tibda minn Wurzburg filgħodu u tispiċċa Fussen filgħaxija jew viċi versa. Din titlaq minn Frankfurt kuljum u tista' tieqaf fejn trid u tkompli l-għada. Iżda jien nagħtikom parir biex triq bħal din ma taħluhiex f 'ġurnata waħda għax ikun biss aperittiv u ma tgawdihiex. Nemmen ukoll li l-aħjar mod hu li tikri karozza għax tieqaf fejn trid anke f 'villaġġi fejn it- trasport pubbliku ma jgħaddix jew ma jieqafx. Mod ieħor li qed isir ferm popolari hi bir-rota għalkemm hawn min hu kuraġġuż biżżejjed li jagħmilha bil-mixi. Tinsewx li din it-triq hi twila 200 kilometru. Hawn min jagħżel li jżur it-triq Romantika f 'ġurnata waħda, jew inkella tagħmilha f '4 ijiem fejn nissuġġerilkom dan l-itinerarju: Ġurnata 1 : Tibda minn Wurzburg sa Rothenburg b'waqfa f 'Bad Mergentheim għal pranzu. Ġurnata 2 : Wara li tiskopri Rothenburg terħilha lejn Dinkelsbuhl u torqod f 'Nordlingen Ġurnata 3 : Waqfa qasira f 'Donauwörth, u ibqa sejjer Augsburg. Ġurnata 4 : Ġurnata twila u panoramika b'waqfa Neuschwanstein Castle sa ma ttemmha f 'Fussen. Tista' toħloq itinerarju ta' 7 ijiem ħalli tagħmilha b'aktar trankwillità, iżda dan skont il-persuna x'ikun jogħġobha. Il-fatt hu li darba waħda f 'ħajtek it-triq Romantika trid tagħmilha, anke jekk m'intix romantiku. 24 illum | Il-Ħadd 23 ta' Awwissu 2015 ILVJAĠĠI TALBUŻU "Il-bidu tagħha kien fl-1950 meta l-Ġermanja riedet tara kif se tagħmel biex tibni ekonomija turistika wara l-gwerra Mondjali. Fejn ħolqu triq li hi twila 200 kilometru" Ġita li trid tagħmilha imqar darba f 'ħajtek It-Triq Romantika fi l-Ġermanja Rothenburg ob der Taiber Il-kastell Neuschwanstein Wurzburg tibda jew tispiċċa t-triq hawn