Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/560192
ALBERT GAUCI CUNNINGHAM "ILBIERAĦ kont qed nistenna li nieħu lil ibni Zach* lura, hekk kif il-ħin tiegħu ma' missieru kien għadda. Bl-aktar mod ċar huwa baqa' jżommu bħal donnu ma riedx iħallih u jien għidtlu li issa l-ħin għaddielu u li rrid nitlaq. Malli għidtlu hekk, għamel għalija, assaltani u qabad jerfa' jdejh fuqi. Zach beda jgħajjat le papa, le, le" Hekk qalet Abigail* meta kkuntattjata minn l-ILLUM, sena biss wara li kienet hi stess li spiċċat fuq il-mezzi tax-xandir hekk kif il-missier kien ħataf lil ibnu, ħebb għaliha u żammu għandu għal numru ta' siegħat. Dakinhar, jiġifieri f 'Awwissu tas-sena l-oħra, il-midja kienet irraportat kif permezz ta' rikors urġenti, il-Qorti ddeċidiet li tibgħat marixxall biex Zach jingħata lura lil ommu. "Mhux l-ewwel darba din li refa' jdejh fuqi quddiem it- tifel, u kull darba Zach jibda jgħid "le, le papà" jew "le, le mamà". Qalbi tinqasamli kull darba li jiġri hekk, imbagħad meta reġa' refa' jdejh fuqi l-aħħar, ma flaħtx iżjed" sostniet Abigail. L-ILLUM staqsiha iżda għalfejn ħasset il-bżonn li tiftaħ qalbha fuq is-sit soċjali Facebook u jekk tħossx li qed titfa' lilha nnifisha f 'xi ftit periklu. "Tant kont ilni naqla', li fl-aħħar għidt lili nnifsi li ma niflaħx għal iktar u li agħar milli kont, ma nista' nkun qatt" sostniet. Hija marret lura fiż-żmien meta kienet għadha tqila u qalet lill-ILLUM li b'sitt xhur tqala kienet spiċċat l-isptar wara li missier it- tarbija kien taha xeba' tajba. 'Imma allura ma fittixtx l-għajnuna?' staqsa dan il-ġurnal. Hija tgħid li dak iż- żmien, meta kienet fit-tqala, u bil-bidliet kollha li kienet għaddejja minnhom ħasset li aħjar iżżomm kollox għaliha, taċċetta aktar uġigħ u tibqa' fir-relazzjoni biex binha jkollu familja. Nitlaq jew nibqa' minħabba t-tfal? Id-dilemma li ffaċċjat Abigail mhux xi ħaġa ġdida fost dawk in-nisa li jgħaddu minn problemi ta' vjolenza domestika. Fil-fatt huma bosta dawk il-vittmi li jiġu bejn ħalltejn jekk għandhomx jibqgħu fir- relazzjoni minħabba t-tfal, jew jekk għandhomx iħollu r-relazzjoni minħabba l-istess tfal. Il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru fl-Università ta' Malta u membru eletta fil-GREVIO (Group of Experts against Violence on Women and Domestic Violence), Marceline Naudi spjegat kif fil-verità, meta vittma ta' vjolenza domestika tibqa' f 'relazzjoni mimlija tensjoni minħabba t-tfal tkun qed tagħmel aktar ħsara milli ġid. "Jekk bejn il-koppja jkun hemm ċertu ammont ta' tensjoni u biża', dan se jkun trażmess lit-tfal. Mhux fis-sens li tittrażmettih il- mara, imma fis-sens li t-tfal iħossu huma wkoll dik it- tensjoni", sostniet Naudi. Hija ddeskriviet bħala "sfortuna" li jkun hemm min jirraġuna li "aħjar nibqa' naqla' basta ma nkissirx familja", raġunament li jista' jkun frott ukoll tal-idea popolari li t-tfal ta' ġenitur wieħed huma żvantaġġjati. "Jekk għaddejja minn problemi serji, li jinkludu vjolenza domestika, jkun aħjar li toħroġ mir- relazzjoni. Dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm problemi" qalet Naudi, li fil-fatt żiedet tgħid kif meta titlaq, xorta jkun hemm ċerti perikli. "Għall-bidu se tkun diffiċli u l-imġiba tat-tfal se tkun xi ftit jew wisq ta' sfida". Naudi spjegat kif "l-affarijiet xorta mhux se jinbidlu sempliċiment għax ir-relazzjoni tintemm," għalkemm baqgħet issostni li din tibqa' l-aħjar għażla. Tfal li jaraw il-vjolenza mhux neċessarjament isiru vjolenti Minkejja kollox, il- perċezzjoni li kull tifel jew tifla li jaraw il-vjolenza domestika quddiemhom isiru vjolenti huma, mhux eżattament korretta. Naudi tikkonferma dan mal-ILLUM għalkemm tgħid li xorta jibqa' fatt li subien li jitrabbew f 'ambjent fejn il-vjolenza hija komuni "għandhom iktar ċans li jkunu vjolenti". Min- naħa l-oħra tifla li titrabba fl-istess ambjent "għandha aktar ċans li tkun vittma." "It-tfal jafu x'inhu jiġri u jħossu t-tensjoni anke jekk ma jarawx" qalet Naudi li semmiet każ li darba kellha quddiemha ta' mara li kienet qaltilha li darba, żewġha sakkar lit-tfal fil-kamra tas- sodda biex (mingħalih) ma jaraw jew iħossu xejn u wara taha xeba' kbira fil-kċina. Hija temmet tgħid li dan l-ambjent joħloq ħafna rabja u anke konfużjoni fost it-tfal. *Minkejja li l-vittma ma kellha ebda problema li tissemha b'isimha jew jittellgħu ritratti tagħha, dan il-ġurnal ħa d-deċiżsjoni konxja illi juża ismijiet fittizji biex b'hekk tkun protetta l-identita' tal-vittma. 6 illum | Il-Ħadd 23 ta' Awwissu 2015 "Le papà ... le, le" Vittma ta' vjolenza domestika titkellem mal-ILLUM dwar il-fatt li s-sieħeb tagħha kien qed jerfa' jdejh fuqha quddiem binhom "Tant kont ilni naqla' li fl-aħħar għidt lili nnifsi li ma niflaħx għal iktar u li agħar milli kont, ma nista' nkun qatt" Ritratt mill-arkivji Tbenġil u grif fuq idejn Abigail wara l-aħhar każ ta' vjolenza