Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/702135
Il-Ħadd 10 ta' Lulju 2016 | illum Intervista 13 tal-qubbajt - Iż-Żebbuġi hawn' "Anke l-armar hu uniku fejn tara ħafna xbihat ta' mara rebbieħa għax Malta hi rappreżentata bħala rebbieħa fl-assedju. Issib l-Ark Trijonfali bħal fir-Rabat, Xewkija, Żurrieq, u Ħ'Attard fost l-oħrajn, li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. Anke l-mod kif inżejnu it-toroq bi bnadar forma ta' mrewħa ġejja minn żmien il- Kavallieri." Il-baned: minn wirjiet klassiċi għal xorb bla rażan Godfrey li kien jieħu sehem fl- għaqda Maltija tal-baned, ma setax ma jitkellimx fuq il-banda li skont hu hi maqsuma fi tnejn, fejn hemm il-programm li jagħti wirja ta' mużika klassika u anke pop, u hemm il- marċi popolari tal-briju li hu l-estrem l-ieħor ta' dak li jiġri fil-knisja. "Huma marċi li jferrħu r-raħal u hemm armar ieħor bħall-imrewħa, l-umbrella l-kbira anke mekkanizzata, l-isparar tal-konfetti, il-kannizzata, il-flokkijiet u l-kuluri." Mistoqsi dwar ix-xorb żejjed, Godfrey qal li wieħed irid jiftakar li barra l-Kunċizzjoni tal-Bormla, San Pawl tal-Belt u San Ġużepp tar-Rabat, il-festi kollha jsiru fis-sajf waqt is- sħana u dawk li jkunu qed jiċċelebraw fix-xemx jaqbadhom ħafna għatx u jixorbu l-alkoħol frisk. Fil-festi tax- xitwa jinxtorob aktar xorb alkoħoliku li jilqa' għall-kesħa. "Wieħed irid jifhem li hi kultura Maltija li waqt xi festin jew meta tistieden in-nies id- dar l-ewwel li toffrilhom hu xi xarba alkoħolika." Semma wkoll il-bejgħ ta' ikel tradizzjonali bħall-imqaret u qubbajt fejn diversi sindki llum (anke meta kien sindku ta' Ħaż-Żebbuġ hu stess fl-1994) ħadu d-deċiżjoni li dawk li jbigħu l-ikel tradizzjonali, jitħallew fil-qalba tar-raħal u dawk li jbigħu hamburgers u ġugarelli fost l-oħrajn, jitpoġġew lil hinn mill-qalba. Qal ukoll li minn meta donnu sar qbil li marċ ta' soċjetà ma jgħaddix minn quddiem il-każin 'avversarju', in-nies żdiedu ferm għax qed imorru aktar familji bit-tfal u trabi għax ma jkunx hemm problemi. In-nar: sengħa u xjenza Dorna nitkellmnu fuq in-nar fejn hawn Godfrey hu espert, fejn anke kien is-segretarju tal-għaqda piroteknika Maltija. "Fejn jidħol in-nar tal-art, iġ-ġigġifogu, magħna ma jħabbatha ħadd ħlief il-Messiku. Meta niġu għan-nar tal-ajru, aħna magħrufa għall-murtali tal-logħob li huma l-murtaletti u għal kaxxa infernali tradizzjonali. "In-nar hu sengħa u xjenza. Il- pirotekniku mhux biss dilettant tan-nar iżda hu artist fejn it-tila tiegħu hi s-sema. Min għandu l-liċenzja 'A', jagħmel eżami ta' 3 sigħat, kors ta' lezzjonijiet diffiċli fejn tidħol is- saħħa, is- sigurtà u l-kimika. Għandek kors ta' aġġornament kull tant snin u eżami kull tant snin ukoll. Illum, f 'kamra tan-nar issib ħafna nies ta' skola. Il-pirotekniku jkun moħħu li kollox joħroġlu tajjeb, irid jieħu ħsieb ir-riħ, l-umdità eċċ, u jrid jara kif se jimla l-akbar tila ta' artist, is-smewwiet. Għalhekk, illum tara li jtellgħu n-nar minn 8 postijiet f 'daqqa permezz tal-kompjuter li hu sinkronizzat. Fejn ġieli jagħmluh sinkronizzat mal-mużika, ilma u anke 'live' mal-banda." Iżda barra l-ġmiel, in- nar fih il-periklu tiegħu. "In-nar hu splussiv u kimika. Il-kmamar tan- nar għandhom tliet tipi ta' ħażna ta' kimika li ma tistax tagħmilhom ħdejn xulxin. Hemm kamra fejn qed iħallat u hemm il-kamra fejn tinkarta l-murtal. Illum ħadd ma jaħdem mingħajr ma jkollu quddiemu 5 kilos għax dik hi r-regola u kulħadd josserva r-regoli anke skont il-klima tal-post." Jekk kulħadd jieħu ħsieb ir-regoli għaliex iseħħu l-inċidenti? "Isiru meta jkun hemm xi ħadd li jaħseb li l-kamra tan-nar hi laboratorju fejn wieħed jista' jesperimenta. Ma jfissirx li ma jsirux provi, iżda dawn isiru b'ħarqiet żgħar matul is-sena biex jaraw l-esperimenti tagħhom kif se joħorġu għall-festa, iżda dawn isiru bil-permessi meħtieġa. "Iżda l-inċidenti naqsu, għax illum ma jmur ħadd fil-kmamar tan-nar bla liċenzja. Għandek l-'A' fejn wieħed jista' jimanifattura, il-'B' fejn wieħed jista' jassisti, iċ-'C' li wieħed jista' jaħraq anke ġ-ġigġifogu u d-'D' biex jitgħallem mill-esperjenza prattika. Illum lanqas biex tagħmel kafè ma tista' tidħol fil-kamra. Min għandu l-'A' hu l-mainġer u d-direttur tal- kamra u hu responsabbli għal li jista' jinqala' fejn anke l-assi tiegħu huma miżmuma mill-banek, fejn lanqas jissellef ma jkun jista' għaliex l-assi tiegħu ikunu marbuta. Dawn jagħmlu sagrifiċċji kbar fil-ħajja tagħhom." Hawn Godfrey Farrugia tefa' xi ftit tat-tort ukoll lil-leġislatura ta' qabel fejn kienu waqqfu li joħorġu l-permessi, "mhux biss biex jinbnew kmamar tan-nar iżda anke biex il- kamra titkabbar għad-dimensjoni mixtieqa. Aħna kellna madwar 34 kamra tan-nar li naqsu minħabba xi splużjonijiet u ma ħarġux aktar liċenzji, imma l-festi baqgħu l-istess u n-nar kiber u ċerti kmamar tan-nar refgħu l-piż ta' festi oħrajn minbarra tagħhom. Imma dawn ma setgħux ilaħħqu. Issa li reġgħu fetħu u saru xi estensjonijiet, huma xxamplati aktar fix-xogħol tagħhom." Farrugia qal ukoll li wasal iż-żmien li l-bini tal-kmamar ma jinbnewx iżjed bil-ġebla Maltija iżda b'materjal apposta li jekk ikun hemm xi inċident, ma jħallix debris tal-konkos itir, li meta jaqa' wara l-isplużjoni jista' jkun anke fatali. Ikun materjal li jiflaħ iżda 'collapsible'. Interessanti wkoll il-fatt fejn it-tabib Farrugia qalilna li n-nar hu l-messaġġier tal-festa li jagħmel il-festa tagħna differenti minn dawk ta' Sqallija. "Hemm l-anġelus filgħodu, it-talba ta' nofsinhar, il-ħarqa tat-tridu, translazzjoni u l-purċissjoni dejjem skont il-funzjoni tal-Knisja. Il-bomba naqsu, fejn qabel kienu jisparaw salut ta' 21 bomba, illum jisparaw xi 5. Anke waqt il-purċissjoni hemm siegħa waqfien min-nar minħabba n-nies. Anke l-bomba hi messaġġ li qed turi li fil-lokal tagħna hemm il-festa, li bdiet il-funzjoni u li beda l-marċ." Godfrey jxebbaħ il-kaxxa infernali ma' kompożizzjoni tal-mużika, li tibda bil-qawwa tal-bomba li qed tagħti l-messaġġ li l-kaxxa se tibda, fin-nofs hemm għażla ta' kulur u murtaletti u fl-aħħar hemm ċertu murtali tal-kulur jew beraq li tagħlaq dik il-kompożizzjoni. "Min hu tal-mestjier jinduna ta' min hi l-ħarqa. Naf persuna minn Ħad-Dingli li ma jarax u meta titfgħalu ħarqa bil-ħoss fuq televiżjoni jgħidlek ta' min hi, bħalma persuna li jifhem fil-mużika jagħraf il- kompożitur." Godfrey qalilna wkoll li ma jaqbilx li hawn min jgħid li l-festa hi pagana u ma żżidx l-ispiritwalità. "L-ispiritwalità hi r-relazzjoni tiegħek mal- Ħallieq. Il-festa qiegħda hemmhekk biex toħloq id-devozzjoni iżda mhux l-ispiritwalità." Fehemna wkoll dwar il-kuluri li jintużaw fil-festi, fejn l-aħmar jintuża għall-festa titulari, il-blu għal dik sekondarja u l-aħdar meta jkun hemm żewġ każini u żewġ festi titulari, allura wieħed ikollu l-kulur aħdar u l-ieħor aħmar. "Issa ta' San Filep ta' Ħaż-Żebbuġ, minkejja li hi t-titulari, il-kulur hu aħdar għax il-motto ta' Ħaż- Żebbuġ hu 'semper vivens': dejjem iħaddar." Sa tmiem din il- leġislatura nispera u nixtieq li l-festa Maltija ssir wirt dinji tal-UNESCO " " Ritratt: Chris Mangion Godfrey Farrugia