Illum previous editions

ILLUM 10 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/702135

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

FTIT tal ġimgħat ilu, kont ktibt artiklu f 'din is-sezzjoni fuq iċ- ċitazzjonijiet li neħlu aħna s-sewwieqa, partikolarment f 'dawk is-sitwazzjonijiet li jkun ċar kristall li m'għandna l-ebda tort u xorta ssib xi ruħ tajba li tiddeċiedi twaħħallek ċitazzjoni. Kont semmejt kif xi ftit xhur ilu kont sibt ċitazzjoni talli ma kontx irregolajt l-arloġġ tal-parkeġġ kif suppost meta pparkjajt il-Furjana meta fil-verità, l-arloġġ kien qiegħed kif suppost. Wara dan l-episodju tant frustranti, iddeċidejt li nżommkom aġġornati fuq ir-riżultat tal-appell tiegħi fit-tribunal. Wara ftit ġranet li kont sibt din il-karta mal- karozza, nirċievi ittra li tinfurmani li jekk xtaqt nikkontesta din il-kawża, kelli nattendi tribunal ġewwa ż-Żejtun kmieni wara nofsinhar u nagħti l-verżjoni tiegħi. Iva fhimtu sew, iz-Żejtun. Nibda billi nsaqsi x'għandu x'jaqsam iż-Żejtun mal-Furjana fejn qlajt iċ-ċitazzjoni u għaliex minn tant ħinijiet, għażlu l-iktar ħin skomdu għall-maġġoranza tal- poplu. Tibda tinduna li l-awtoritajiet qegħdin jittamaw li inti taqta' qalbek u tmur tħallas minflok tikkontesta, speċjalment meta l-multa hija ta' €23. Kont ilni ntella' u nniżżel jekk nikkontestax, però ma flaħtx li niġi abbużat b'dan il-mod tant sfaċċat. Inzertajt li kont bdejt bin-nofstanhari fuq ix-xogħol, u allura iffaċilitat xi ftit l-affari. Il-fatt li nsuq mutur u li ma kontx se neħel fit-traffiku u nsib parkeġġ mal-ewwel għenet biex nagħmel kuraġġ u nitlaq immedjatament wara x-xogħol. Miskin hu min m'għandux dawn iż- żewġ opportunitajiet. Biex tkompli tgħaxxaq, biex wieħed jattendi għal dan it-tribunal, irid ikun liebes qmis, ingravata, ġlekk u qalziet twil. Dan ifisser li għal dawk li jagħmlu xi tip ta' xogħol manwali u jkunu mimlijin trab jew żejt, iridu l-ewwel imorru d-dar biex jinħaslu u jbiddlu. Nixtieq inkun naf x'hemm ħażin li bniedem jattendi bil-ħwejjeġ ta' ħaddiem. Il-ħwejjeġ ta' ħaddiem huwa sinjal li dan qiegħed jaqla' l-għajxien tiegħu b'mod onest, u fil-fatt l-ikbar kriminali jkollhom l-opportunità li jqattgħu l-ġurnata jiġru bil-ġlekk, friski bħal ħassa. Forsi li bniedem jattendi seduta mimli trab jew żejt tfakkar lil dawk preżenti li dawn qegħdin itellfu lil din il- persuna nofstanhar xogħol u ma kienx qiegħed sieq fuq sieq jistenna biex imur dawra saż-Żejtun. Jekk bniedem sejjer bil- karozza, irid jaħseb minn ftit qabel speċjalmet jekk ikun ġej mill-bogħod. Jekk ikun bħali u ma jkollux idea fejn irid imur, irid jerġa' jaħseb ferm iktar qabel. Min-naħa tiegħi, kont fortunat li sibt żewġ Żwieten li spjegawli eżatt fejn irrid immur u ma tantx domt ngħaqad. Wasalt fuq il-post madwar għaxar minuti tard iżda malli dħalt nara numru mhux ħażin ta' nies jistennew, kollha bl- istess ħin bħal tiegħi. Billi nistennew ftit, ma ġara xejn. Ħadd ma jkollu x'jagħmel hux. Wara madwar għoxrin minuta, finalment kien imiss lili. Kont qiegħed fuq ix- xwiek biex nisma' x'se jgħid il-gwardjan biex forsi nifhem x'tah fastidju. Fortunatament, il-gwardjan kien ħa ritratt tal-arloġġ tal parkeġġ u wrieħ fuq 'screen' kbir lil kulħadd. Ir-ritratt kien juri l-arloġġ b'mod ċar immarkat fuq is-siegħa u nofs, waqt li ċ-ċitazzjoni ħarġet fis-sagħtejn neqsin għaxra. Il-gwardjan spjega kif l-arloġġ kien qiegħed jimmarka s-sagħtejn u nofs meta kienu għadhom lanqas daqqu s-sagħtejn. Meta kien imiss lili biex nagħti l-verżjoni tiegħi, jien sempliċiment ippuntajt lejn ir-ritratt u spjegat li l-arloġġ kien qiegħed jimmarka s-siegħa u nofs. Il-maġistrat fehem is-sitwazzjoni u qalli li jien kont liberat mill- akkużi u li stajt immur. Meta spjegajt il- frustrazzjoni tiegħi lill- Maġistrat, hu ssuġġerieli li noħroġ bil-kwiet għax fuq kollox, kulħadd jieħu żball. Imma allura dawn ippretendew li noħroġ nitbissem u ngħidilhom, 'Grazzi'? Wara li kont ipparkjat kif suppost u skont il-liġi, xi ħadd iddeċieda li jaħlili nofstanhar u jtellani ż-Żejtun għall-ebda raġuni. Dan mhux żball imma traskuraġni jew abbuż ta' poter. Nifhem li jkun żball meta xi ħadd ikollu jieħu deċiżjoni fi ftit sekondi waqt li qiegħed jagħmel xi żewġ affarijiet f 'daqqa. Meta xufier jaljena rasu għal sekonda, qatt ma nzertajt lil xi maġistrat jgħid li 'kullħadd jagħmel żball'. Però fl-istess ħin, gwardjan li kellu ħin kemm irid biex joqgħod iħares lejn l-arloġġ kbir tal-parkeġġ tiegħi u vilment iddeċieda li joħroġ ċitazzjoni, ma nsejjaħlux żball. Forsi tgħidluli li jien xi ftit ċiniku żżejjed jew forsi qed neqred wisq, imma dan it-tip ta' ingann naraħ bħala ingann organizzat. Jitwaħħlu ċitazzjonijiet għalxejn bl-iskop li iktar min-nofs dawn is-sidien jaqtgħu qalbhom jitilgħu xi mkien imwarrab bħaż-Żejtun waqt ħin ix-xogħol u joqogħdu jilbsu l-ġlekk u ingravata biex jappellaw. Għal ħafna nies, tiġihom irħas li jaqbdu jħallsu €23 u jiffrankaw dan l-iskariġġ kollu. Kif kont ktibt qabel, din is- sitwazzjoni li l-pulizija jew il-gwardjan joħroġ ċitazzjoni meta jkun ċar kristall li m'hemm l-ebda kontravenzjoni tiġri kemm- il darba. Mhux l-ewwel darba li sid il-karozza jilmenta mal-uffiċjal fuq l-iżball li jkun għamel u l-unika risposta li jirċievu hi li ladarba jkunu daħlu r-rapport fis-sistema, ma jkunux jistgħu jħassruha u s-sidien jistgħu jikkontestaw fit-tribunal. Ngħid jien, m'hemmx mod kif l-uffiċjal jgħid li għamel żball mingħajr ma jġiegħel lis-sid jitla' t-tribunal? L-unika mod li dan l-abbuż jista' jieqaf huwa li meta jkun hemm każi ċari ta' negliġenza, traskuraġni jew żbalji intenzjonati, l-uffiċjali li jkunu ħarġu din iċ- ċitazzjoni jiġu mħarrkin talli jkunu ħlew il-ħin tal-Qorti u tal-vittma. Nemmen ukoll li f 'dawn il-każi, il-vittma, li huwa sid il-karozza li ma jaħti xejn, għandu jiġi kkumpensat tal-ħin li tilef. Darba niftakar kien hemm każ fejn ħaddiem li jaħdem il-qorti kien intbagħat xi sigħat ġo ċella sempliċiment għax nesa jixgħel l-arja kkundizzjonata fl-awla. F'dan il-każ, l-iżball kien ħafna iktar ġenwin u l-effetti ta' dan l-iżball kienu ħafna ikbar. Mill-banda l-oħra, nixtieq inkun ċar li l-maġġoranza tal-gwardjani u pulizija tat- traffiku jagħmlu xogħolhom sew, u allaħares ma jkunx għalihom. Sfortunatament, każi bħal dawn jagħtu isem ħażin lill-maġġoranza u jtellfulhom mir-rispett li jixirqilhom. Nemmen ukoll li jeżistu każi li dawn l-uffiċjali jieħdu żbalji genwini u ta' dawn it-tip ta' żbalji m'għandhomx jiġu ġġudikati u kkastigati. Il-Ħadd 10 ta' Lulju 2016 | illum Rakkont 23 Ċitazzjoni jew taxxa moħbija? Andrew Pisani Ingranat

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 July 2016