Illum previous editions

illum 26 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/404413

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

Il-Ħadd 26 ta' Ottubru 2014 | illum 5 1,950 anzjan jistennew sodda META kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari mressqa minn Clyde Puli f 'isem l-Oppożizzjoni dwar kemm hemm anzjani fuq il-listi ta' stennija biex jidħlu f 'dar tal-anzjani, il-Ministru Michael Farrugia qal li bħalissa hemm total ta' 1,950 jistennew li jinstabilhom post f 'xi waħda mid-djar residenzjali f 'pajjiżna. Mitlub jikkummenta minn din il-gazzetta fuq dan l-ammont ta' anzjani l-kelliem Nazzjonalista Clyde Puli qal li dan juri biċ-ċar li l-Gvern jeħtieġ li jimpenja ruħu aktar biex isolvi l-problema ta' nuqqas ta' sodod għall-anzjani. "Jeħtieġ li l-Gvern ikun kommess li jinvesti f 'aktar sodod f 'San Vincenz de Paule iżda wkoll f 'aktar residenzi bħal dawk tal-Imsida, tal- Mellieħa u taż-Żejtun li jagħtu opportunità lill-anzjani li jibqgħu viċin il-komunità li trabbew fiha." Puli qal ukoll li l-Gvern ma jistax jilqa' għall- isfida li għandu billi jagħti każ biss tal-problemi ta' kwantità u jinjora l-kwalità ta' servizz li jixraq jingħataw l-anzjani. Puli żied jgħid "Din il- ġimgħa stess f 'mistoqsija parlamentari oħra li għamilt jien kxift nuqqas gravi f 'dan ir-rigward. Matul is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 130 mediċina out of stock f 'San Vincenz de Paule. Mediċina minnhom li n-nuqqas tagħha jista' jkollu konsegwenzi serji għall-anzjan li għandu bżonnha damet nieqsa għal iżjed minn 80 ġurnata." Puli temm jgħid li l-Gvern jeħtieġlu jħares dwar kif ma jżidx id-domanda bla bżonn. "L-isfida ta' pensjonijiet mhux adekwati u l-faqar fost l-anzjani mhumiex jiġu indirizzati bis-serjetà minn dan il-Gvern. Matul is-sena 2013 21.7% tal-anzjani kienu f 'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, 21.3% tal-anzjani ma kienx jifilħu jħabbtu wiċċhom ma' spejjeż mhux ippjanati jekk dawn jaqbżu l-€450 filwaqt li 23.5% tal- anzjani ma kinux jaffordjaw isaħħnu d-djar tagħhom b'mod adekwat. Dan ifisser li eluf ta' anzjani qed jissieltu biex ikampaw għal rashom u l-Gvern jeħtieg jaġixxi." Tkellimna wkoll mas- Segretarju Parlamentari Justyne Caruana dwar l-ammont ta' anzjani li hemm fuq il-listi ta' stennija u tlabniha tispjega x'inhu jsir sabiex tissolva din il-problema. Hija spjegat li dan in-numru jinkludu talbiet li jmorru lura għal diversi snin. Fl-istess waqt però assigurat li dan il-Gvern kommess li jindirizza din il-ħtieġa. "In-numru ta' sodod diġà żdied bi kważi 600 u se jkompli jiżdied fix-xhur li ġejjin. Ninsabu għaddejjin b'ħidma kontinwa biex inqas nies jirrikorru għad-Djar tal- Anzjani u dan qed isir billi qed jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi mogħtija fil-komunità" qalet Caruana. Meta mistoqsija speċifikament dwar dawk li ilhom xhur twal jistennew li jinstabilhom post, Caruana qalet "Fil-fatt xi ħaġa ġdida li bdejna nagħmlu f 'dawn l-aħħar ġimgħat hija li bdejna nduru n-nies li qegħdin fil- lista ta' stennija biex naraw kif nistgħu nassistuhom b'servizzi oħra waqt li jkunu qed jistennew is-servizz residenzjali. Dan ix-xahar ukoll żidna bi tliet darbiet aktar is-sodod tar-Respite li permezz tagħhom inkunu qed inserrħu għal ftit ġimgħat lill-familjari li jieħdu ħsieb il-persuni anzjani filwaqt li introduċejna wkoll is-servizz tal-outreach f 'erba' lokalitajiet biex is-social workers tagħna jmorru għand l-anzjani u jaraw il-bżonnijiet tagħhom." Is-Segretarju Parlamentari qalet li mill-ewwel indikazzjonijiet li għandu s-segretarjat jidher li dan hu proġett li sejjer tajjeb ħafna u għalhekk qed ikun studjat il-proċess ta' kif jista' jiżdied. Hi temmet tgħid li filwaqt li hu tajjeb li nemfasizzaw fuq il-bżonn ta' żieda ta' sodod importanti wkoll li tingħata wkoll attenzjoni xierqa fuq il-kwalità tas-servizz offrut lill-anzjani. "Eluf ta' anzjani qed jissieltu biex ikampaw għal rashom u l-Gvern jeħtieg jaġixxi" Wieħed minn kull għaxra f 'Malta jbati mid-dijabete IĊCHAIRMAN tal-grupp parlamentari fuq id-dijabete, it-Tabib Godfrey Farrugia flimkien mal-Kap tal- Oppożizzjoni Simon Busuttil ippreżentaw rapport imsejjaħ Health Choices lill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Ir-rapport iressaq numru ta' rakomandazzjonijet tal-grupp li hu magħmul minn seba' membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra li flimkien qed jaħdmu sabiex itejbu l-ħajja ta' dawk in-nies li jsofru bid- dijabete. Din il-gazzetta tkellmet mat- Tabib Farrugia fejn tlabnieh jelabora aktar il-ħidma speċifika ta' dan tal-grupp parlamentari kif ukoll biex jelenka aktar fid-dettall ir-rapport li kien ippreżentat lill-ispeaker. "Nhar l-14 ta' Novembru, Jum Dinji ta' Dijabete, hu maħsub li titħabbar l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Dijabete għal Malta u tiġi mnedija kampanja ta' konsultazzjoni pubblika" qal it-Tabib Farrugia. Spjega li fil-baġit tas-sena l-oħra, l-Ministeru tas-Saħħa kien ħabbar li l-gvern kien se jagħti prijorità lill-ħarsien ta' din il- marda li taffetwa madwar 10% tal-popolazzjoni billi titħejja politika komprensiva. "Ir-rapport Health Choices jinkludi r-rappreżentazzjonijiet tal-esperti f 'din l-ispeċjalizzazjoni u jipproponi wkoll tliet oqsma ta' direzzjoni. Dawn huma: tagħrif miġbura biex jingħata lil Steering Commitee ta' dijabete mwaqqfa mis-Segretarjat, qabel ma jinħareġ rapport konsultattiv tal-gvern; qafas ta' mudell ta' liġi dwar id-dijabete; u proposta ta' riċerka dwar din il-marda li titniedi minn fond Ewropew u li tkun konġunta ma' pajjiżi oħra, fosthom l-Ingilterra" qal Farrugia. Meta mistoqsi dwar il-grupp ta' ħidma Parlamentari dwar id-Dijabete, Farrugia qal li dan kien twaqqaf fuq inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. "Fi Frar li għadda hu kien stieden Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra biex jissieħbu flimkien ħalli bħala policy makers u leġislaturi, jaħdmu biex itejbu l-kura u l-prevenzjoni tal-marda taz-zokkor. Il-grupp ta' ħidma kien twaqqaf fuq linji gwida ta' ħidma li huma simili bħal dawk ta' gruppi ta' ħidma oħra Ewropej." Farrugia temm jgħid li l-ħidma ta' dan il-grupp hu mistenni jitkompla biex b'aktar proposti tissaħħaħ il-kordinazjoni tas-servizz mogħti bħalissa, biex jiddaħħlu aktar miżuri ġodda li jħarsu l-interessi tal-pazjenti, b'mod partikolari dawk ta' prevenzjoni, biex jitjiebu s-servizzi komunitarja u jinħoloq dak is-sostenn ta' riżorsi adekwat li jagħti l-aċċess mixtieq, benefiċċji mistħoqqa u kura ta' aktar kwalità. Simon Busuttil, Anġlu Farrugia u Godfrey Farrugia 'Il-Farell' biċ-ċans li jerġa' jkun fil-Parlament HEKK kif il-Membri Parlamentari Ewropej approvaw il-Kummissjoni Ewropea taħt it-tmexxija ta' Jean Claude Junker, li fiha jagħmel parti l-Kummissarju Malti ġdid Karmenu Vella, skatta immedjatament il-ħsieb ta' min se jkun qed jimla l-post battal li ħalla warajh il-Perit Vella. B'kollox hemm sitt kandidati li jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni każwali biex jimtela l-post ta' Karmenu Vella. Dawn huma Robert Henry Bugeja, Mario Calleja, Joseph Farrugia, Edric Micallef, Marion Mizzi u Anthony Zammit. Jidher iżda li l-aħjar ċans hu għaż- Żurrieqi Joseph Farrugia, magħruf aħjar bħala l-Farell li diġà kien fil-Parlament matul il-leġislatura qasira ta' Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998. Fl-elezzjoni ġenerali ta' Marzu 2013 Joseph Farrugia kien ġab total ta' 1,004 voti fl-ewwel għadd u kien l-aħħar wieħed minn fost il-kandidati li waqa' fis-17-il għadd. Ta' min isemmi li din se tkun l-14 elezzjoni każwali matul din il-leġislatura. Joseph Farrugia 'il-Farell' www.gourmettoday.recipes

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 October 2014