Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/467062
12 illum | Il-Ħadd 22 ta' Frar 2015 M'HAWN l-ebda Malti jew barrani li żar Għawdex u kif wasal ir-Rabat ma lemaħx fuq għolja dik il-belt ċkejkna fortifikata għassa għal dak kollu li qed jiġri f 'Għawdex. Kulmin iżur Għawdex iżur din il-belt medjevali li hi perla għal gżira tat-tliet għoljiet. Ħafna jżuruha iżda ftit jafu l-istorja ta' din li kienet tissejjaħ bħala Gaulos Oppidum (Town of Gozo) fi żmien ir-Rumani u li l-awtur bravu Għawdxi De Soldanis kien isejħilha bħala Il Gran Castello. Sadattant min imur bħalissa biex iżurha kulma jara hu makkinarju kbir u numru ta' ħaddiema jaħdmu bla heda biex sa tmiem din is-sena ċ-Cittadella terġa' tingħata l-ħajja u ssir mużew ħaj. Għalhekk ħassejt il-ħtieġa li niltaqa' mal-mexxej tal- proġett tar-riġenerazzjoni taċ-Cittadella, John Cremona li tani informazzjoni mill- aqwa dwar din il-belt fortifikata kif kienet u kif se tiġi minn hawn u ftit xhur oħra. L-ewwel informazzjoni li tani li ninsab ċert li ftit kontu tafuha kienet li ċ-Cittadella mhix abbandunata għal kollox għax fiha jgħixu żewġ familji, ġuvni u oħtu xebba, u familja b'żewġ ulied. Sadattant qalli wkoll li ilha mill-1981 kandidata biex tieħu l-istatura ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u l-applikazzjoni reġgħet ġiet attivata dan l-aħħar. Mhix faċli li belt tieħu din l-istatus għax irid ikollha karatteristiċi uniċi skont il-kriterji stabbiliti mill- UNESCO u qed isir studju profond minn kumitat imwaqqaf apposta ħalli jiġu identifikati dawn il- karatterristiċi. Iċ-Cittadella tmur lura għal żmien il-bronż fejn instabu fdalijiet mill-1,500 QK. Kienet ċentru abitat għax dak iż-żmien kienu jagħżlu postijiet bħall- quċċati tal-għoljiet li joffru difiża naturali. Kien hemm għolja oħra, In-Nuffara bejn ix-Xagħra u n-Nadur li wkoll kienet isservi bħala villaġġ ta' Żmien il-Bronż, iżda din ġiet abbandunata mat-tmiem ta' Żmien il-Bronż. Iżda ċ-Cittadella baqgħet abitata anke matul l-okkupazzjonijiet differenti li ġew wara. Fiż-żmien ir-Rumani kellha status ta' muniċipju Ruman u kienet tissejjaħ 'Gaulos Oppidum' – Belt ta' Għawdex – Gozo Town. U dan jidher mill- ġebel kbir u ħitan li nstabu kif ukoll minn skrizzjoni fid-daħla oriġinali taċ- Cittadella u oħrajn li jinstabu fil-Mużew tal-Arkeoloġija li jgħidu li Għawdex kien muniċipju. Iżda s-swar li naraw illum ġew mibnija fi żmien il-Kavallieri, fi żmien il-Gran Mastru Wignacourt. Awtur li kiteb l-istorja ta' Għawdex u li tana l-ewwel grammatika Maltija mhu ħadd ħlief De Soldanis, li fil- fatt kien saċerdot Għawdxi bl-isem ta' Dun Franġisk Agius Sultana li kien bidel ismu għax l-istudji tiegħu kienu jwasslu lil hinn minn xtutna u għalhekk biex jittieħed aktar bis-serjetà għamel isem derivat minn kunjomu għal wieħed bil- Latin, De Soldanis. Dan is-saċerdot kien iffissat li l-lingwa Maltija kienet ġejja mill-Puniku (tal-Feniċi) u mhux Għarbija. Barra hekk kien isejjaħ iċ-Cittadella bħala 'Il Gran Castello'. John Cremona qalli wkoll li sal-bidu tas-seklu sbatax, iċ-Ċittadella kienet fil-fatt Għawdex u Ghawdex kien ic-Cittadella. Għax ħadd ma kien jissogra jgħix barra din il-belt. L-uniku post abitat kien iċ-Ċittadella, għax barra il-belt fortifikata kien ta' periklu li toqgħod minħabba l-attakki frekwenti tal-kursari. "Jekk tinnota, f 'Għawdex m'hawn l-ebda raħal li quddiemu għandu 'ĦAL-' għax f 'Għawdex ma kienx hawn irħula peress li sal-1637 kien hemm liġi li ħadd ma jista jorqod barra ċ-Cittadella" qalli John. Iċ-Cittadella: Tingħata l-ħajja illum@mediatoday.com.mt John Busuttil L-oriġini tagħha minn Żmien il-Bronż • Jgħixu fiha żewġ familji • Kienet magħrufa bħala 'Gaulos Oppidum' fi • żmien ir-Rumani u 'Gran Castello' fi Żmien il-Kavallieri Ir-riġenerazzjoni taċ-Cittadella se tiġi tiswa • madwar €14-il miljun Il-proġett tar-riġenerazzjoni taċ-Cittadella qed jitmexxa minn John Cremona