Illum previous editions

illum 22 February 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/467062

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 illum | Il-Ħadd 22 ta' Frar 2015 META ftit tal-ġimgħat ilu mietet Anita Ekberg, kif wieħed kien jistenna, ir- rapporti kollha ta' mewtha kienu akkumpanjati mix- xena minn La Dolce Vita li fiha Ekberg tinżel fil- Fontana dei Trevi u tispiċċa biex tħajjar lil Marcello Mastroianni jinżel magħha. Ħafna jsostnu li din hija u tibqa' waħda mix-xeni l-aktar ikoniċi taċ-ċinema. Hija xena inkredibbli għax tlaqqa' diversi aspetti li flimkien isawru ftit minuti ta' arti, mimlija b'metafori viżwali u, insomma, poeżija. Is-swidija tal-lejl, tal- pjazza, tat-toroq Rumani, u, mhux l-inqas, tal-libsa twila ta' Ekberg tikkuntrasta mal-bjuda għoddha tgħammxek tad-diva u tal-qattus ċkejken li Ekberg tidher tilgħab bih, sa ċertu punt alter ego tal-attriċi nfisha: il-bjuda, il-ħlewwa, il-fsied. Dak li jiġri fil-funtana huwa poeżija minnu nnifsu: iċ-ċelebrazzjoni tal-ġmiel artistiku tal-funtana ta' Nicola Salvi u Pietro Bracci, imma wkoll il-ġmiel ta' Ekberg u Mastroianni nfishom. Fellini xeħet żewġ atturi fl-ilma tat-Trevi biex ħoloq mument maġiku li jqanqal viżwalment u jħalli lil dak li jkun b'memorja ta' xbihat sbieħ. Xi għaxar minuti 'l bogħod mit-Trevi hemm funtana oħra, ta' Bernini, li din il-ġimgħa wkoll dehru xbihat tagħha fuq il-mezzi tax-xandir u sabet ruħha fl-aħbarijiet. Il Fontana della Barcaccia turi dgħajsa nofsha mgħarrqa li, kif jintqal, kienet ukoll isservi ta' mafkar tal-għargħar li kien hemm f 'Ruma fl-1598 li fost kurżitajiet oħrajn li l-ilmijiet setgħu ħallew warajhom kien hemm did-dgħajsa li kienet inġarret fil-Pjazza ta' Spanja u baqgħet hemm meta l-ilma eventwalment nixef. Kuljum praċett eluf ta' nies jgħaddu u jieqfu f 'din il-pjazza imma dil-ġimgħa, minbarra t-turisti li jmorru kuljum anki biex forsi jgħaddu sar-residenza fejn Keats qatta' l-aħħar jiem ta' ħajtu, inġabru mijiet ta' barbari li għamlu frakass sħiħ. Fuq l-aħbarijiet dehru xeni ta' ħuliganiżmu mill-partitarji tal-Feyenoord li, għall-gost forsi, niżlu fil-funtana tad- dgħajsa l-imgħarrqa u mlewha bil-fliexken tal-alkoħol li kienu ilhom jikkunsmaw mill-jum ta' qabel. Jekk Fellini niżżel żewġ atturi biex sawwar mument maġiku ċinematografiku, is-slavaġ tal-Feyenoord niżżlu l-ħġieġ tal-fliexken biex sawru mument ta' diqa u frustrazzjoni. Ovvjament mhux kulħadd huwa poetiku bħal Fellini, imma l-barbariżmu qatt ma huwa aċċettabbli. Ix-xena ta' partitarji jixxuttjaw il-fliexken vojti dritt għal ġol-funtana daqslikieku qed jimitaw lil xi benjamin minn tagħhom jixħet il-ballun fix-xibka toħloq xbieha fiha nfisha. Il-logħba tal-ballun, dik li kienet tissejjaħ 'il-logħba s-sabiħa' saret logħba vojta li qiegħda titkisser bħalma tkissru dawk il-fliexken u partijiet mill- Barcaccia nfisha. Il-vjolenza qabel, waqt u wara l-logħob tal-ballun mhijiex fenomenu riċenti. Kienu diversi l-istudjużi li ppruvaw jifhmu dan il-fenomenu soċjali: il- logħba tal-futbol, aktar minn kull attività sportiva oħra, ta' spiss toħloq okkażjoni ta' vjolenza, tixrid ta' dmija u anki, f 'każi estremi, qtil. Uħud minn dawn l-istudjużi jippuntaw subgħajhom lejn l-aljenazzjoni soċjali li ħafna nies, predominantament mill- klassi tal-ħaddiema u proletarja, isofru fil-ħajja ta' kuljum bħala s-sors ta' frustrament li mbagħad iwassal għal atti vjolenti bħal dawk li dehru fil-Pjazza ta' Spanja dil-ġimgħa. Din l-aljenazzjoni llum saret ikkonċentrata anki fi ħdan il-logħba tal-ballun infisha. Il-qasma kbira li hemm bejn l-idoli tal-logħba u l-ammiraturi tagħhom hija xi ħaġa li suppost għandha tweġġa' lil ħafna. Qiegħed ngħid 'suppost' għax l-affarijiet jibqgħu dejjem sejrin l-istess jew isiru agħar. Meta wieħed jikkuntrasta s-salarji ta' min jilgħab il-logħba u d-dħul ta' min imur jaraha, jifhem mill-ewwel għala l-logħba tal- futbol hija wieħed minn dawk il-fenomeni soċjali li jservu ta' mikrokożmu tal-qagħda soċjali kollha kemm hi. Barra minn dawn is-salarji, hemm somom eżorbitanti ta' flejjes li jissawru bid-drittijiet televiżivi, reklamar, bejgħ ta' parafernalja, imħatri uffiċjali u ħafna aktar klandestini u alla biss jaf x'aktar. B'kuntrast ma' dan id-dħul hemm il-prezzijiet għad-dħul fl-istadiums, il-prezzijiet fuq is-souvenirs li l-partitarji jixtru, insomma, l-istampa ċkejkna ta' sistema kapitalista avvanzata ħafna li għadha tweġġa' lin-nies imma donnu li sirna naċċettaw is-sitwazzjoni u ngħodduha bħala naturali. M'iniex napplawdi għall-atti koroh imwettqa mit-teppisti. Imma daqs kemm huma vjolenti l-azzjonijiet tal-ultras Olandiżi daqshekk huma vjolenti – għallinqas fuq livell simboliku – l-azzjonijiet ta' min qiegħed imexxi l-logħob minn fuq xi executive chair tal-ġilda. Il-barbariżmu fiżiku tal-ultras, fil-maġġoranza tagħhom irġiel mill-klassi tal-ħaddiema, huwa ugwali għall-barbariżmu li jwettqu dawk bil-ġlekkijiet li jsuqu karozzi lussużi u jsiefru club class. Issa l-fatt li s-soċjetà tirrispondi b'modi differenti lejn iż-żewġ barbariżmi jkompli jikkonferma li din hija soċjetà li ħolqot regoli strambi u inġusti li dejjem – dejjem – jiffavorixxu lil dawk ta' fuq askapitu tal-oħrajn t'isfel. Għax din oħra: illum m'għadniex nitkellmu fuq ta' fuq u t'isfel, donnu rridu nemmnu, jew aħjar iridu jwemmnuna, li hemm pjan wieħed biss, u li d-diskors dwar fuq u isfel huwa żbaljat u antikwat. Fl-ispazju merfugħ għall- qarrejja tal-Corriere della Sera, il-verżjoni online, taħt ir- rapport tal-vjolenza tal-partitarji ta' Feyenoord, xi ħadd kiteb: Hanno danneggiato Piazza dg i Spagna.. Quindi? Li lasciamo andare via cosi? Con una stretta di mano?!! Se andassimo noi a danneggiare il BiG BEN? la regina cosa i farebbe? Insomma.... Per la serie: venite gente! Venite e danneggiate! Tanto in Italia non ci fanno niente! Anzi!.. Sono davvero schifata :( Ikolli nammetti li hekk kif qrajt dan il-kumment tbissimt u ħassejt kemm kemm konsolazzjoni. U forsi kien imissni żidt daqsxejn ta' smiley fi tmiem l-artiklu jien ukoll. IMMANUEL MIFSUD Tlaqna nkissru l-Big Ben "Niżlu fil-funtana tad-dgħajsa l-imgħarrqa u mlewha bil-fliexken tal-alkoħol li kienu ilhom jikkunsmaw mill-jum ta' qabel" ISSA ONLINE .cOm.mt "Din hija soċjetà li ħolqot regoli strambi u inġusti li dejjem - dejjem - jiffavorixxu lil dawk ta' fuq askapitu tal- oħrajn t'isfel"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 22 February 2015