Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/467062
Il-Ħadd 22 ta' Frar 2015 | illum 29 SPORTSillum Bonello u Scicluna jirbħu -ASMK Trials ILLUM l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli bit-tiġrijiet mill-Kampjonati 'ASMK - Pasta Poiatti' 2014/15. Din l-attività se ssir fil- kumpless sportiv tal- ASMK. Sa jkun qed jiġi mtella' t-tmien programm mis-sezzjoni Autocross u t-tielet programm tal- Motocross. Kollox jibda fil-11am. Ħarsa lejn il-klassifika Nazzjonali tal-Autocross insibu b'vantaġġ li fil- quċċata tal-klassifika b'145 punt lil Philip Joe Vella fuq Opel Corsa b'vantaġġ marġinali. Dan huwa segwit viċin tiegħu minn Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo b'136. Fit-tielet pożizzjoni tal-klassifika bħalissa nsibu lil Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo b'112 punt filwaqt li fir-raba' post huwa okkupat minn Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova b'93 punt. Fil-Klassifika Nazzjonali tal-Motocross wara żewġ attivitajiet, fil-Klassi A insibu lil Clayton Camilleri fuq mutur KTM qiegħed fuq nett tal-klassifika b'102 punt segwit minn Paul Muscat fuq mutur KTM b'96 punt. It-tielet post bħalissa huwa okkupat minn Edward Ciantar fuq Kawasaki b'79 punt. Fi Klassi B insibu lil Ludvik Muscat fuq mutur KTM ukoll. Dan qed jokkupa l-ewwel pożizzjoni b'105 punti segwit minn sewwieq Għawdxi Adam Sultana fuq mutur Kawasaki b'83 punt. Fit-tielet pożizzjoni hija okkupata minn Elvin Debono fuq mutur Kawasaki b'75 punt. Intant nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni organizzat it-tielet programm mill-Kampjonat Trials. Din id-darba l-kompetizzjoni saret fil- Kumpless tal-Għaqda f 'Ta' Qali. Dan il-programm beda fid-9am fejn fi Klassi A rajna lil Damon Bonello fuq mutur Gas Gas jiddomina din il-klassi. Minkejja li l-kundizzjoni tal-korsa kienet waħda diffiċli, Bonello spiċċa bi 12-il punt ta' penalità li kien l-inqas wieħed fost il-kompetituri kollha tal-ġurnata. Bonello ħalla l-kumplament tal-klassi tħares lejh għall-mod tekniku li rnexxielu jsuq biha u jirbaħ fuq l-ostakli kollha. Bonello kien segwit minn Gary Debono fuq mutur Shecro li għalaq il-ġurnata b'45 punt ta' penalità biex spiċċa fit-tieni post. Fit-tielet post daħal Rowen Bonello fuq mutur Beta li għalaq il-ġurnata bi 63 punt. Fi Klassi B rajna taqtigħa bejn tliet sewwieqa li kienu Joseph Scicluna u Manuel Camilleri t-tnejn fuq muturi Gas Gas u Bernard Sammut fuq mutur Beta. Għall-bidu rajna lil Sammut fuq quddiem nett fil-klassi iżda wara t-tielet sessjoni, Scicluna, deher jirkupra tant li ħa t-tmun tal-klassi f 'idu u baqa' jiddefendih sal-aħħar biex spiċċa rebaħ il-klassi bi 43 punt ta' penalità segwit minn Sammut b'55 punt ta' penalità. Fit-tielet post spiċċa Camilleri li għalaq il-ġurnata b'64 punt ta' penalità. L-Attivitajiet tat-Trials se jkomplu nhar il-Ħadd 15 ta' Marzu bir-raba' attività tal-Kampjonat 2014/15. Għal din l-attività Trials mistennija jikkompetu erba' riders ġodda fil-Klassi B. Aktar informazzjoni wieħed jista' jsibha billi jżur is-sit elettroniku tal-Għaqda www.asmk.org.mt jew fil- paġna ta' Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta. Damon Bonello fuq mutur Gas Gas "Naħseb li l-Federazzjoni trid tagħti iktar kasna" – Nicki Delre FTIT tal-jiem ilu Nicki Delre ħabbar fuq Facebook li wara sentejn u nofs jilgħab ma' Balzan Futsal kien se jħalli lil dan it-tim. ILLUM għamlet kuntatt ma' dan il-plejer li huwa wkoll l-viċi-captain tat- tim nazzjonali tal-futsal, fejn talbitu l-kummenti tiegħu rigward kif qed iħares 'il quddiem lejn il-karriera tiegħu fl-isport li tant iħobb - il-futsal, kif ukoll il-fehmiet tiegħu rigward it-tim nazzjonali tal-futsal li f 'dawn l-aħħar jiem xejn ma kiseb riżultati sodisfaċenti. Delre sostna li: "Ma' Balzan ilni nilgħab għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Nista' ngħid li żviluppajt il-kapaċità tiegħi fil-futsal ma' dan il-klabb li hu wieħed mill-aqwa klabbs tal-futsal f 'Malta. L-iktar staġun li se nibqa' niftakar ma' dan il-klabb huwa l-istaġun 2013-2014 fejn irbaħna kull unur li stajna nirbħu jiġifieri l-kampjonat, in-knockout u s-Super Cup. Din kienet l-ewwel darba li klabb tal- futsal lokali rnexxielu jirbaħ it-titli kollha f 'sena. Bħala plejer coach kelli lil Gabriel Dobre fejn għeni ħafna niżviluppa l-kapaċitajiet tiegħi fil-futsal, u flimkien miegħu kien hemm Emil Raducu - plejer ta' fama internazzjonali ieħor fejn dejjem kien lest li jgħinni. Gabriel Dobre huwa l-kowċ li se nibqa' dejjem niftakar kemm indum nilgħab futsal għax kien jieħu x-xogħol li jagħmel b'mod serju u jittrasmettih lilna l-plejers b'mod verament sempliċi. Dejjem kont insibu disponibbli f 'kull ħin. Qed inħares lejn il-karriera tiegħi b'mod pożittiv fejn matul din is-sena bdejt nikkowċja wkoll lil Lija Athletics futsal, fejn fil- mument qegħdin fl-ewwel post tal-1st Division. Emmint fil-proġett li għandu dan il-klabb u allura kont iddeċidejt li ngħinhom naqsam l-esperjenza li għandi fil-futsal magħhom. Ninsab kuntent bil-plejers li għandi ma' Lija Futsal fejn uħud minnhom ma kienu qatt lagħbu sistema jew skemi ta' futsal u s-sodisfazzjon tiegħi huwa dak li nara lil dawn il-plejers jiżviluppaw u jitgħallmu iktar il-logħba tal-futsal. Tajjeb ngħidu li matul din is- sena kien hemm plejer tat- tim ta' Lija Futsal mgħajjat saħansitra man-nazzjonal tal-futsal. Qed nirreferi għal Jason Gauci. Dan huwa ta' sodisfazzjon kbir għax tgħid ix-xogħol li qed nagħmel ma' dawn il-plejers qed jiswa' għal xi ħaġa! Bħala nazzjonal tal-futsal għadna kemm lgħabna Euro Qualifiers. Ma rbaħniex punti bħalma konna qed nistennew u mal-Latvja ġejna megħluba bi skor kbir. Ħafna nies malli jaraw ir- riżultati jgħidu li ma nbidlek xejn fi ħdan it-tim nazzjonali. Madankollu, jien li ilni kważi ħames snin nimmilita man-nazzjonal, nista' ngħid b'wiċċi minn quddiem li progress sar ħafna f 'dawn is-snin. Dan huwa minħabba l-fatt li biex inġib eżempju, fis- snin ta' qabel lanqas biss konna nersqu lejn il-lasti tal-avversarji. Fil-Euro Qualifiers ħloqna ħafna, imma n-nuqqas ta' logħob f 'dan il-livell ma jgħinniex bħala plejers. Biex inkomplu ntejbu l-prestazzjonijiet tan- nazzjonal għandna bżonn ta' iktar logħob f 'dan il-livell. Aħna l-plejers nagħmlu s-sagrifiċċji tagħna meta niġu mgħajta man-nazzjonal. Nieħdu l-leave mix-xogħol tagħna biex inkunu disponibbli għal pajjiżna. Naħseb li l-Federazzjoni trid tagħti iktar kasna, u kas ta' dan l-isport ferm sabiħ. Il-logħba tal-futsal hija logħba li ġġiegħlek taħseb malajr. Ikollok l-ballun ta' spiss f 'saqajk fejn iġġiegħlek tħossok kunfidenti bil- ballun, tibni tempo tal- logħba wkoll, aġilità u ħeffa fost oħrajn. Dawn isarrfu fi żvilupp tal-logħba tal-11-a- side. Inħeġġeġ lin-nurseries ta' Malta li jibdew sistemi ta' futsal u taħriġ li jinvolvu l-logħba sabiħa tal-futsal jekk xi darba rridu naraw isem Malta 'l fuq." Ritratt: Chrissie's Photography Nicki Delre qabel waħda mil-logħbiet li ha kien involut it-tim nazzjonali tal-futsal ftit tal-jiem ilu