Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/694218
D an l-artiklu hu msejjes fuq dawn iż-żewġ ħsibijiet li jien inħaddan: 1) Nemmen f 'Ewropa (u possibbilment mhux Ewropa biss) magħquda u mingħajr fruntieri, mibnija fuq is-sisien ta' ħidma għal ġustizzja soċjali u paċi fl- Ewropa nfisha u fil-bqija tad-dinja 2) Ma nemminx li l-Unjoni Ewropea kif inhi hi din it-tip ta' Ewropa, u lanqas li tista' tiġi hekk bi ftit bdiliet. L-Unjoni Ewropea ta' issa hi wisq imxaqilba lejn is- setgħana u, minkejja l-kliem sabiħ, żammet l-arroganza tal-imperi Ewropej ta' darba. L-Ewropa li nixtieq nara titlob jew bidla ta' taħt fuq tal-Unjoni Ewropea jew xi ħaġa ġdida. F'li ser nikteb ser nipprova nargumenta għal xiex Brexit tista' tagħti sehem f 'ħaġa bħal din. Fl-artiklu mhux ser nitratta jekk il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jaqbilx jew le għas-suditti ta' dan ir-Renju, ħaġa din li ma tantx tkun tagħmel sens. Is- soċjetà Brittanika, bħal kull soċjetà oħra, hi maqsuma fi klassijiet u gruppi differenti, li wħud minnhom għandhom interessi kuntrarji għal ta' xulxin. Għalhekk, dak li jista' jkun fl-interess ta' grupp jew klassi, jista' jkun kontra l-interess t'oħrajn. Lanqas mhu ser nipprova nħares lejn Brexit minn perspettiva Maltija; jekk hux tajjeb jew le 'għalina' (xi ħaġa oħra bla sens, għax minkejja ċ-ċokon tagħha, is-soċjetà tagħna wkoll għandha klassijiet u gruppi differenti, li wħud minnhom għandhom interessi kuntrarji għal xulxin). Il-mod kif bosta lokalment qed jitkellmu fuq ir-referendum bħallikieku din hi xi ħaġa 'tagħna' jew li 'aħna' b'xi mod imdaħħlin sew fiha hu xhieda tal-parrokkjaliżmu li jaħkem lil pajjiżna; verżjoni aktar tal-biki tal-'kemm aħna kbar' li tingħad fil- marċijiet ta' filgħodu li, imma, għax magħduda minn suppost intelletwali jew politiċi tiġi meħuda bis- serjetà minn bosta borgiżi li jaħsbu li huma Ewropej aktar minn Merkel. Fl-artiklu ser inħares jekk Brexit hix tajba jew le għal min għandu għal qalbu l-proġett Ewropew skont kif mifhum hawn fuq. Sejjer nargumenta li, kuntrarju għal dak li wieħed jista' jaħseb, Brexit tista' tagħmel ġid kbir lil dan. Qabel nagħmel dan iżda, ser naħli ftit linji biex ngħid xi ħaġa fuq kif ir-referendum qed jiġi meqjus fir-Renju Unit. L-Ewropa ġa tilfet Jekk taqra l-media Maltija aktarx tieħu l-impressjoni li r-referendum Britanniku hu dwar min jemmen fil-proġett ta' Ewropa magħquda u min b'mod dejjaq jaħseb li r-Renju Unit għadu dak li kien darba. Mawra riċenti fl-Ingilterra kif ukoll it- tiftix li għamilt fil-media t'hemm, fejn ħarist lejn kif ir-referendum qed jiġi ppreżentat fir-Renju Unit, iġegħelni naħseb li t-tieni ħaġa biss hi minnha. Għax jekk tara min qed jitkellem favur li jibqgħu membri u qed jingħata spazju fil- media ewlenija Brittanika, fil-biċċa l-kbira dawn mhux qed jargumentaw li r-Renju għandu jibqa' għax jemmnu f 'Ewropa magħquda, imma għax inkella jbati l-kummerċ, tiżdied l-inflazzjoni, ikun anqas faċli li jiġu impurtati nbejjed mill-Italja u jaqa' l-prezz tal-bini fil-Gran Brittanja (bħallikieku din hi ħaġa ħażina). Mhux hekk biss. Fi Frar, il-Prim Ministru Cameron, li qiegħed fuq quddiem fil- kampanja biex ir-Renju Unit ma joħroġx mill-Unjoni Ewropea, innegozja pakkett li fih ir-Renju Unit, li ġa ma jemminx f 'munita waħda u ma ffirmax it-trattat ta' Schengen, ingħata mill- mexxeja vili ta' Brussell id- dritt li jinħall minn obbligi marbuta ma' immigrazzjoni u deċiżjonijiet oħra li pajjiżi oħra aktar dgħajfa jridu bilfors joqogħdu għalihom. Addio għalhekk l-Unjoni Ewropea bħala għaqda fejn kulħadd għandu l-istess drittijiet u obbligi! L-ispirtu Ewropeist ġa tilef, ikun xi jkun ir-riżultat. Imma għaliex allura Brexit tista' tagħmel ġid? Bidla fi Brussell Brexit tista' tagħmel ġid kbir għax: 1.Brexit tista' twassal l-Unjoni Ewropea biex tiddeċiedi xi trid tkun 'il quddiem; Ewropa Federali, sempliċi ġabra ta' pajjiżi marbuta bi trattati, xi ħaġa oħra. S'issa l-Unjoni Ewropea ppruvat tkun affarijiet differenti għal pajjiżi u gruppi differenti, bir-riżultat spiss ikun li timponi fuq iż-żgħar u ċċedi għall-kbar. Il-ftehim ta' Frar mar-Renju Unit probabbilment wera li ntlaħaq il-qiegħ. Il-falliment ta' din l-istrateġija min- naħa ta' Brussell mar-Renju Unit permezz ta' vot favur Brexit, jista' jwassal biex l-Unjoni Ewropea tagħti liha nfisha viżjoni aktar ċara ta' xi trid tkun. Min ikun lest li jħaddan din jibqa', min le jinħall mill-għaqda. 2.Għax Brexit tista' tneħħi ftit mill-arroganza ta' Brussell. S'issa l-Unjoni Ewropea għaddiet minn fuq kull deċiżjoni li ma taqbilx ma' dik tal-burokrati ta' Brussell meħuda minn elettorati differenti, bl-aħħar każ ikun dak tal-Greċja ta' ftit snin ilu. Referedum li jkun effettiv bħalma jista' jkun Brexit għandu mnejn iwassal l-UE biex 'il quddiem tibdel l-attitudni tagħha. 3.Għax Brussell għandha mnejn tibda tħaddan politika favur iċ-ċittadin żgħir u komuni, u forsi tqajjem mill-ġdid id-diskors ta' Ewropa soċjali li xi darba kien popolari, u li minn ftit snin 'l hawn donnu ntesa. Ewropa soċjali tista' tkun duwa mhux biss kontra aktar tluq ta' pajjiżi mill-Unjoni, imma wkoll kontra diskors popolista li jista' jwassal għan-Nazzjonaliżmu li jimbotta lil hemm. Michael Grech huwa opinjonista xellugi Il-Ħadd 19 ta' Ġunju 2016 | illum Opinjoni 17 MICHAEL GRECH Għaliex Brexit tista' tagħmel ġid kbir lill-Unjoni Ewropea? "S'issa l-Unjoni Ewropea ppruvat tkun affarijiet differenti għal pajjiżi u gruppi differenti, bir- riżultat spiss ikun li timponi fuq iż-żgħar u ċċedi għall-kbar"